L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Qalb ħanina li tagħder, li taħfer, kif ħabbejtna nixtiequ nħobbuk”. Dan hu l-kliem mill-innu Tina l-ħlewwa miktub minn Dun Karm Psaila, u bil-mużika tal-Maestro Caruana. Hu innu verament sabiħ li jesprimi proprju dak li qed niċċelebraw illum fis-solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Meta nħarsu lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, niftakru fl-imħabba kbira tiegħu lejna – dik ix-xmara ta’ mħabba li fil-ħajja tagħna, nilqgħu, u li tibdlilna ħajjitna għall-aħjar għax tfakkarna li aħna wlied maħbuba ta’ Alla.

Fil-qari tal-Kelma ta’ Alla llum, l-enfasi li hemm fuq ir-ragħaj it-tajjeb, turina proprju xi tfisser din il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Fl-ewwel qari, mill-ktieb tal-Profeta Eżekjel, għandna l-figura ta’ ragħaj li jieħu ħsieb in-nagħaġ, jindukrahom – biex ifisser li Alla hu r-ragħaj tal-poplu tiegħu. Hemm silta verament sabiħa meta jgħid: “infittex il-mitlufa, inraġġa’ lura l-imxerrda, ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġruħa, u nqawwi l-marida”. Hemm din l-imħabba kbira li turi ruħha fil-kura, għalhekk imħabba li tfisser viċinanza, kompassjoni, u tenerezza. Din hi l-Qalb Imqaddsa.

Imbagħad hemm is-Salm tant magħruf, li jesprimi verament min hu l-Mulej għalina: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni”. Huwa hu li qed jiggwidani, għax iħobbni. Jgħid is-salm: “Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara għax inti miegħi”. Hi din l-imħabba kbira ta’ Alla li turi ruħha f’din ix-xbieha sabiħa ta’ ragħaj li qed imexxina fit-triq tagħna.

Din il-qalb kbira ta’ Alla li wriena Ġesù proprju bil-ħajja tiegħu, bil-kelma tiegħu. Uriena kemm hu Alla li din l-imħabba jesprimiha bil-viċinanza, kompassjoni u tenerezza. 

Fl-Evanġelju skont San Luqa, għandna dik il-parabbola sabiħa li jgħid Ġesù, li turina l-qalb ħanina li tagħder u taħfer. Ġesù jgħid li dar-ragħaj ikollu mitt nagħġa, tintiliflu l-waħda, u jħalli d-99 biex imur ifittex in-nagħġa li ntilfitlu. U meta jsibha, araw x’jagħmel – mhux jinkorla magħha, isawwatha, jgħidilha “x’għamilt?” Imma jifraħ biha, jerfagħha fuq spallejh, u jeħodha lura u jgħid lin-nies: ejjew ifirħu, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli. Araw il-qalb ħanina li tagħder, li taħfer. Din il-qalb kbira ta’ Alla li wriena Ġesù proprju bil-ħajja tiegħu, bil-kelma tiegħu. Uriena kemm hu Alla li din l-imħabba jesprimiha bil-viċinanza, kompassjoni u tenerezza. 

Nixtieqkom tinnutaw ukoll xi ħaġa importanti ħafna f’din il-parabbola. Innutaw kif dan ir-ragħaj, xbieha ta’ Alla, jagħmel minn kollox għal nagħġa waħda. Biex juri li kull bniedem, kull ħajja umana hi importanti. M’hemmx distinzjoni bejn “din importanti u din inqas”, bejn “din tiswa, u din mhix daqshekk ta’ valur”. Kull persuna u kull ħajja umana hi importanti. Għalhekk dar-ragħaj jagħmel minn kollox għal waħda. Biex Alla jurina li għalih aħna lkoll importanti, ilkoll niswew. Lilna lkoll jixtieq jurina l-imħabba tiegħu, speċjalment għal min hu vulnerabbli, għal min qed ibati minn xi kundizzjoni, għal min tbiegħed b’xi mod jew ieħor. Din hi l-imħabba kbira tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù lejna. Hu dan li qed niċċelebraw illum.

Nitolbu lill-Mulej biex ikollna esperjenza ta’ din l-imħabba tiegħu lejna, ta’ dil-qalb ħanina li tagħder u taħfer. Li dejjem nemmnu fl-imħabba ta’ Alla għalina. Tajjeb li nagħmlu wkoll din it-talba: “Mulej, agħmel li l-qalb tagħna tkun tixbah lil tiegħek”. Kif jagħmel Alla magħna, bl-imħabba tiegħu lejna, aħna wkoll nagħmlu hekk mal-oħrajn, ħalli l-qalb tagħna tkun tixbah lil tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju