“Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir”. Dan hu li naqraw fil-Profeta Iżaija, u l-Evanġelju jgħidilna kif dan seħħ f’Ġesù: hu d-dawl kbir li l-poplu kellu bżonn. Fil-ħajja ta’ Ġesù dejjem hemm dan il-kuntrast bejn id-dawl u d-dlam, sa mill-bidu nett. Hu għalhekk li Ġesù jgħid: “Jiena hu d-dawl tad-dinja. Min jimxi warajja ma jimxix fid-dlam, imma jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8:12).
Hu Ġesù li jurina b’ħajtu u bit-tagħlim tiegħu dak li aħna għandna nħaddnu bħala dawl, u jurina wkoll id-dlam li rridu nevitaw. Iħeġġiġna biex aħna wkoll inkunu dawl għall-oħrajn, meta jgħid: “intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5:14).
Mhumiex iż-żminijiet ta’ issa biss, imma f’kull żmien irridu nagħżlu d-dawl mid-dlam. L-għażla bejn il-ħajja u l-mewt, bejn dak li jmexxi ’l quddiem il-kultura tal-ħajja u dak li jġib il-kultura tal-mewt, hi preċiżament għażla bejn id-dawl u d-dlam.
Ħamsin sena wara
Illum hu sewwasew il-50 sena minn dik id-deċiżjoni kerha fl-Istati Uniti li ċċelebrat il-kultura tal-mewt bħala akkwist għall-bniedem, bħala dritt għall-bniedem li jista’ jtemm ħajja mill-aktar vulnerabbli u dgħajfa – it-tarbija li għadha ma twelditx imma li diġà tgħix u tiddependi mis-sostenn u l-għajnuna li tirċievi biex tista’ tgħix. Tul dawn is-snin, mal-qerda ta’ tant ħajjiet f’ħafna pajjiżi li fihom qed niftakru u lilhom infakkru wkoll illum, kibret il-kuxjenza ta’ dawk li għalihom il-ħajja umana hi valur kbir u li jgħożżu din il-ħajja bis-sħiħ.
Ma għandna nqiegħdu qatt il-gwadann tal-flus qabel ir-rispett lejn il-ħajja tal-bniedem, u għandna nieħdu l-miżuri kollha li jħarsu l-ħajja tal-bniedem waqt ix-xogħol.
F’pajjiżna qed ngħixu dan iż-żmien li jitlob minna lkoll għażla ċara favur il-ħajja tal-bniedem. Illum irrid nirringrazzja mill-qalb lil dawk li qed jaħdmu bis-sħiħ favur il-ħajja, u qed jagħmlu dan mhux biss billi joħolqu kuxjenza fost in-nies imma wkoll b’ħafna azzjonijiet ta’ ġid għas-soċjetà Maltija.
Għażla konsistenti
L-għażla favur il-ħajja mhijiex għażla għal ċertu mument jew żmien. Hi għażla konsistenti favur il-ħajja umana f’kull waqt tagħha.
Hi għażla li ma tħalliniex indifferenti quddiem il-problema tad-droga; għalhekk li nerġgħu nsostnu b’qawwa li d-droga tagħmel ħsara lill-bniedem, id-droga mhijex mezz san ta’ rikreazzjoni, id-droga għandha ħafna effetti negattivi fuq is-soċjetà. Min b’xi mod jippromwovi d-droga għandu fuq spallejh ir-responsabbiltà tal-qerdiet tal-ħajja tan-nies, u mhux biss ta’ dawk li huma vittmi tad-droga imma ta’ dawk li huma vittmi tal-vittmi.
L-għażla favur il-ħajja umana ma tħalliniex indifferenti quddiem it-traskuraġni jew prattiċi ħżiena fuq il-post tax-xogħol li kultant iwasslu għat-telfa tal-ħajja tal-bniedem waqt li qed jaħdem, jew ta’ nies oħra residenti fl-inħawi. Ma għandna nqiegħdu qatt il-gwadann tal-flus qabel ir-rispett lejn il-ħajja tal-bniedem, u għandna nieħdu l-miżuri kollha li jħarsu l-ħajja tal-bniedem waqt ix-xogħol.
L-għażla favur il-ħajja umana tixprunana biex naħdmu bis-sħiħ kontra l-vjolenza domestika, biex ma jkun hemm ħadd li jispiċċa vittma ta’ persuna oħra fl-ambjent tad-dar, fejn għandu jkun l-ambjent l-aktar sigur u li jipprovdi ħarsien.
L-għażla favur il-ħajja umana hi għażla wkoll favur dawk li jispiċċaw f’riskju li jmutu fil-baħar Mediterran. Tant nies spiċċaw mgħarrqa u għadhom jegħrqu f’dan il-baħar, huma u jfittxu l-kenn. Spiċċaw vittmi tal-indifferenza u ta’ min dawwar ħarstu n-naħa l-oħra biex ma jarax x’qed jiġri.
L-għażla favur il-ħajja umana hi għażla favur il-ħarsien tal-ħolqien. F’din il-gżira ċkejkna tagħna, fejn ma għandniex il-wesgħat kbar ta’ diversi pajjiżi oħra, iktar u iktar irridu b’saħħa nħarsu l-ħolqien mill-isfrejġu, mill-qerda, minn dak li jniġġes l-arja li trid tagħtina s-saħħa.
L-għażla favur il-ħajja umana tixprunana biex naħdmu bis-sħiħ kontra l-vjolenza domestika, biex ma jkun hemm ħadd li jispiċċa vittma ta’ persuna oħra fl-ambjent tad-dar, fejn għandu jkun l-ambjent l-aktar sigur u li jipprovdi ħarsien.
L-għażla favur il-ħajja umana hi għażla wkoll favur dawk li jispiċċaw dipendenti f’età kbira jew minħabba l-mard, meta jeħtieġu ħafna kura, attenzjoni u mħabba. Hemm ukoll il-ħajja tibqa’ ħajja ta’ valur, anke jekk bniedem iħossu piż fuq ħaddieħor.
Minn fejn tibda l-għażla
L-għażla favur il-ħajja hi, għalhekk, għażla konsistenti, li trid turi ruħha fiċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja. Imma minn fejn tibda din l-għażla? Tibda mill-mument meta tibda ħajja umana ġdida, mat-tnissil, meta hi ftit ċelloli imma diġà hi bniedem. Hemm trid tibda l-protezzjoni. Mhijiex il-Knisja li tgħidilna li hemm bdiet il-ħajja umana, hi x-xjenza li tgħidhielna din. Il-Knisja tħeġġiġna biex nipproteġuha għax hi xbieha ta’ Alla, u f’din il-protezzjoni nkunu qed nagħżlu d-dawl, bħalma min jeqridha jkun qed jagħżel id-dlam.
Illum hi okkażjoni li terġa’ tħeġġiġna biex nagħżlu l-ħajja. F’ċirkustanzi diffiċli li jinqalgħu, aħna għandna nagħmlu minn kollox biex insalvaw il-ħajja tal-omm u tat-tarbija. Jekk l-omm tkun f’periklu ta’ mewt minħabba t-tqala, min isalva l-omm qed jagħmel dan biex isalva l-ħajja mhux biex jeqred il-ħajja ta’ ħaddieħor. Tul is-snin, qatt ma nħolqot diffikultà dwar din l-għażla; imma jekk hawn min irid jagħmel din l-għażla bl-iswed fuq l-abjad, jagħmilha hekk, u ma għandux iżid magħha xi ħaġa griża li tintroduċi l-possibbiltà li ttemm il-ħajja tat-tarbija meta ma hemmx periklu. Biex tħares is-saħħa fiżika, mentali u emozzjonali, hemm diversi mezzi li wieħed għandu jieħu u li huma possibbli. Tħares is-saħħa, bla dubju, imma b’mod li tipproteġi l-ħajja.
Is-saħħa tas-soċjetà titqies mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa. Lil dawk li huma vulnerabbli u dipendenti aħna rridu nħarsuhom bis-sħiħ. U t-tarbija li għadha ma twelditx hi fost dawk l-aktar vulnerabbli u dipendenti.
Azzjoni favur in-nisa f’diffikultà
Ma’ din l-għażla favur il-ħajja, irridu nkomplu naħdmu favur dawk li jsibu ruħhom f’diffikultajiet. Nixtieq nifraħ lil Life Networku nirringrazzjahom għal dak li qed jagħmlu għall-ġid tas-soċjetà Maltija, speċjalment bl-impenn tagħhom favur il-persuni – ħafna minnhom nisa – li jsibu ruħhom f’diffikultà: nisa li jkollhom tqala mhix mixtieqa, jew li jispiċċaw bi sfidi kbar fit-tqala. Ta’ min ifaħħar tant inizjattivi għal dan il-għan – insemmi l-inizjattiva waħda reċenti ta’ numru sabiħ ta’ flatlets għall-ommijiet, flimkien mal-ħidma prezzjuża tad-Dar Tgħanniqa ta’ Omm. Hi din l-azzjoni favur dawn in-nisa li ssaħħet sew matul dawn l-aħħar snin u li turi hekk ċar li min irid jipproteġi l-ħajja tat-tarbija b’mod konkret jieħu passi biex jipproteġi lill-omm u jgħinha fil-mumenti ibsin.
Nitolbu llum biex din iċ-ċelebrazzjoni tkompli ssaħħaħ fina lkoll l-impenn favur il-ħajja. Nitolbu biex dawk li għandhom quddiemhom l-għażla importanti li jilleġiżlaw jagħrfu jagħżlu d-dawl mid-dlam, u ma jibżgħux jerfgħu r-responsabbiltà li għandhom fuq spallejhom li jħarsu l-ħajja umana mill-ewwel mument tagħha.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju