L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fl-Evanġelju, Ġesù kemm-il darba jipprova jgħallimna li lil Alla iżjed jogħġbu s-sagrifiċċju tal-imħabba u tal-maħfra milli r-ritwal tat-tempju; is-sagrifiċċji tal-ħruq u tat-tpattija kif isemmi wkoll dan l-għaref tal-Liġi fl-Evanġelju li għadna kemm smajna.

Dan l-għaref qed jipprova jsolvi diffikultà li kellhom l-għorrief tal-Liġi fi żmien Ġesù: fost il-ħafna mijiet ta’ liġijiet liema hija dik li hija l-pedament ta’ kollox? (ara Mk 12:28). Ġesù jmur għall-qalb tal-veru liġi li tinġabar f’kelma waħda: il-kelma tal-“imħabba”.

Aħna lkoll sogħbenin li wara sena ta’ sagrifiċċji, donnu erġajna bdejna mill-bidu, erġajna b’restrizzjonijiet kbar fuq il-ħajja soċjali u anke fuq il-qima tagħna. It-tentazzjoni kbira tagħna hija li nuru l-frustrazzjoni tagħna, is-sogħba tagħna bir-rabja. Mhux il-mument li nwaħħlu f’xulxin. Huwa l-mument li nifhmu li Alla qed jisfidana f’dawn iċ-ċirkustanzi biex infittxu l-vera imħabba għal xulxin.

Tgħidli: ‘Niddejjaq nilbes il-maskra, niddejjaq li kullimkien trid taħsel idejk, niddejjaq li kull fejn immur iridu jeħduli t-temperatura!”. Agħmilhom bħala att ta’ mħabba. U f’dawn ix-xhur li ġejjin se jkollna sfidi kbar fuq l-imħabba. Qed naħseb f’min għandu l-ħaddiema u issa għejja jħallas mingħajr ma jkollu dħul. Qed naħseb f’dawk li l-ħajja tagħhom tiddependi mit-turiżmu li kważi spiċċa; dawk li jdawru r-rota bl-ospitalità billi joffru divertiment: lill-artisti tagħna, il-mużiċisti tagħna, u lill-atturi. Imma tant setturi oħra li se jkollhom jieqfu għal xahar ieħor. Ma nafux x’ġej wara.

… ma rridx li l-knisja tkun okkażjoni ta’ mard, okkażjoni ta’ mewt għax Alla tana huwa Alla tal-ħajja.

Tant hemm qtiegħ il-qalb li huwa l-mument li aħna nieqfu u nkunu ta’ spalla għal xulxin. Dik l-ispalla li Ġesù ġarr fuqha s-salib aħrax li fuqu miet. Aħna mhux hekk inqimuh lir-Redentur? Iġorr is-salib li tajnieh aħna. Ħin minnhom hu qal: “Min irid jimxi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Mt 16:24). Dan il-kliem nafu li mhux kliem fieragħ għax hu stess għexu, hu li kien daqs Alla, “ma qagħadx iqis tiegħu li hu daqs Alla imma tneżża’ minn kollox, sar bniedem, obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (ara Fil 2:6-8). U għal min? Għalija u għalik.

Tiċħad lilek innifsek ifisser li tinsa l-interessi personali tiegħek individwali u tibda taħseb iżjed fil-ġid komuni. Aħna, il-komunità Nisranija, m’aħniex eċċezzjoni. Id-deċiżjonijiet iebsa li jittieħdu mhumiex kapriċċ. Aħna wkoll irridu nagħtu sehemna b’diffikultajiet kbar għalina. Ġej l-Għid. Tgħiduli: ‘Mhux il-mument li tagħlaq il-knejjes imma li tiftaħhom’.  Imma jiena ma rridx li l-knisja tkun okkażjoni ta’ mard, okkażjoni ta’ mewt, għax Alla tana huwa Alla tal-ħajja. Ma nistax inħalli knisja miftuħa għall-folol ta’ nies u sadanittant immarradhom u nwassalhom għall-mewt. X’fidi hi din? X’imħabba hi din? Din hi l-imħabba li jrid Ġesù?

Ta’ min, qabel ma nitkellmu, niżżattu fuq is-social media, nieqfu ftit u nistaqsu lilna nfusna: imma dak li qed ngħid, dak li qed nikteb, jagħmel sens fid-dawl tal-imħabba? X’inhu l-iżjed importanti? Ir-ritwal jew is-saħħa u l-ħajja tal-bniedem? Kemm għandna professuri bravi, kemm għandna teoloġi kbar! Imma jekk ma jkollniex l-imħabba u s-sens ta’ dak li hu bżonjuż li jsir, anke b’sagrifiċċju, allura ħabib, għad baqalna x’nimxu.

X’inhu l-iżjed importanti? Ir-ritwal jew is-saħħa u l-ħajja tal-bniedem?

Illum, f’riġlejn ix-xbieha għażiża tar-Redentur, irridu nitolbu għas-saħħa tal-poplu tagħna, irridu nitolbu għal min irid jieħu deċiżjonijiet ibsin ħafna. Il-ġid komuni huwa l-ġid ta’ kull wieħed u waħda minna, mhux il-ġid individwali ta’ xi ħadd. Għalhekk, f’dawn il-mumenti diffiċli, irid ikun hemm konvinzjoni waħda: li l-imħabba konkreta tfisser li dan is-salib inġorruh flimkien.

Nixieq nagħmel talba speċjali f’riġlejn ix-xbieha għażiża tar-Redentur għal kull min qiegħed u ilu jġorr għal xhur sħaħ, għal sena sħiħa; il-piż li jkun ta’ kura, attenzjoni għall-morda tagħna fl-isptarijiet, fl-ispiżeriji, fis-servizzi kollha milquta mill-frontliners tagħna. Imma nixtieq ukoll nitlob għal kull min jara l-prospetti ekonomiċi tiegħu, u forsi t-tama li jdaħħal xi ewro jew tnejn biex ikollu biex iħallas il-ħaddiema, frustrati mill-ġdid. Nitolbu għal dawk il-familji mgħobbija bid-dejn li jitolbu ’l Alla li almenu jkollhom biex ipoġġu l-ħobżna ta’ kuljum fuq il-mejda tal-ikel għalihom u għal uliedhom. Għal min kellu pjanijiet kbar biex jibni familja, forsi jkollu dar ġdida, u kollox safa’ suf.

… inħarsu lejn ix-xbieha għażiża tar-Redentur u nitolbuh jagħtina spirtu veru ta’ paċenzja ispirat mill-imħabba.

F’dawn il-mumenti ta’ diffikultà minflok nippuntaw subgħajna lejn xulxin, ejjew inħarsu lejn ix-xbieha għażiża tar-Redentur u nitolbuh jagħtina spirtu veru ta’ paċenzja ispirat mill-imħabba.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ħos 14:2-10
Salm: 80 (81):6ċ-8a,8bċ-9,10-11ab,14 u 17
Evanġelju: Mk 12:28b-34