L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Resaq fuqu wieħed ċenturjun” (Mt 8:5). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju skont San Mattew, li għadna kif smajna llum. Ma kinetx ħaġa komuni fil-ħajja ta’ Ġesù u fil-ħidma tiegħu li jersaq lejh ċenturjun, wisq inqas li jersaq lejh għax ried xi ħaġa mingħandu.
Resaq biex jitolbu
Dan iċ-ċenturjun kien bniedem ta’ dixxiplina. Kellu l-awtorità, u kellu r-responsabbiltà. U kien jaf x’jiġifieri tikkmanda, u x’jiġifieri tobdi l-kmand li tirċievi. Imma meta resaq lejn Ġesù, resaq lejh biex “jitolbu bil-ħerqa” (Mt 8:5). Ma resaqx b’arroganza jew biex jikkmandah. Resaq biex jitolbu, u mar għandu għax emmen li Ġesù seta’ jagħti l-fejqan lill-qaddej tiegħu.
Fil-fatt, għandna dik l-istqarrija sabiħa ta’ fidi li għamel iċ-ċenturjun lil Ġesù, li tant baqgħet għażiża li ngħiduha fi kliem simili f’kull quddiesa: “Sinjur, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma biss, u l-qaddej tiegħi jfiq” (Mt 8:8)
Ringrazzjament u apprezzament
Qegħdin niċċelebraw illum din il-quddiesa tal-Forzi Armati ta’ Malta. Hi ċelebrazzjoni sabiħa ta’ ringrazzjament lil Alla, u ta’ apprezzament għal dawk kollha li qed jagħtu servizz fil-Forzi Armati, servizz importanti lil pajjiżna.
Hu f’waqtu li nuru l-apprezzament għal tant ħidma li ssir, kultant fil-kwiet u fis-skiet. Hi l-ħidma li ssir fl-art, fl-ajru u fil-baħar – ħidma li ssir f’pajjiżna, imma wkoll f’missjonijiet partikulari ta’ paċi u sigurtà f’postijiet barra minn Malta, u ħidma ta’ formazzjoni. Nixtieq nuri l-apprezzament kbir għall-ħidma pastorali li jagħmlu fi ħdan il-Forzi Armati, b’tant dedikazzjoni, Fr Joe u Fr Sergio.
Kompassjoni u fidi
Illum jiswielna ta’ ġid jekk, f’din l-okkażjoni, aħna nħarsu lejn iċ-ċenturjun tal-Evanġelju li tant jgħallimna għal ħajjitna. Daċ-ċenturjun kellu responsabbiltà kbira, kellu n-nies taħtu – fil-fatt hu jgħid lil Ġesù “jien stess għandi n-nies taħti, lil wieħed ngħidlu ‘mur’ u jmur, lill-ieħor ngħidlu ‘ejja’ u jiġi, u lill-ilsir tiegħi ngħidulu ‘agħmel dan’ u jagħmlu” (Mt 8:9) – kellu n-nies li jikkmandahom.
Imma daċ-ċenturjun ma kienx biss bniedem ta’ dixxiplina, u li jaf kif jimxu l-affarijiet b’ordni, imma kien ukoll bniedem ta’ qalb kbira u ta’ kompassjoni – għalhekk kien qed ifittex bil-ħerqa kif jista’ jsib il-fejqan tal-qaddej tiegħu. Għalih il-ħajja tal-persuna kienet għażiża.
Kien ukoll bniedem ta’ fidi kbira – emmen li Ġesù kellu l-qawwa li jfejjaq lill-qaddej. Fil-fatt, Ġesù jfaħħru u jgħid li “f’ħadd minn Israel ma sibt fidi bħal din” (Mt 8:10). Kellu din il-fidi li Ġesù, bil-kelma tiegħu anke mill-bogħod, bla ma jkollu għalfejn jasal sa daru, jista’ jfejjaq lill-qaddej tiegħu. Daċ-ċenturjun ra, mill-esperjenza tiegħu, li l-fidi f’Ġesù ssaħħaħ is-servizz tiegħu.
Fidi li tgħinna biex nagħmlu l-ġid
Intom ilkoll għandkom responsabbiltajiet diversi fi ħdan il-Forzi Armati. U llum, waqt li tagħrfu kemm hu importanti li dawn taqduhom b’integrità u b’onestà, u bi professjonalità, il-messaġġ li tagħtina l-Kelma ta’ Alla hu li għandna ngħaqqdu d-dixxiplina mal-kompassjoni, l-ordni mar-rispett lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem. Turina wkoll li l-fidi f’Ġesù dejjem tgħinna biex nagħmlu l-ġid. Permezz ta’ Ġesù, il-ħidma tagħna tkun iktar effettiva u ta’ siwi.
F’din iċ-ċelebrazzjoni tal-lum, nitlob li l-Mulej ikompli jbierek lilkom u lill-familji tagħkom, iħariskom, u jagħtikom l-għajnuna f’dan is-servizz hekk importanti li qed tagħtu lil pajjiżna. Nitlob li intom ikollna dejjem din il-fidi qawwija f’Ġesù li tmexxikom f’ħajjitkom u f’ħidmietkom, biex hu jgħinkom, u jagħmlilkom il-qalb, speċjalment fil-mumenti diffiċli u fl-isfidi li tħabbtu wiċċkom magħhom.
Nitlob lill-Mulej biex jagħti lilkom ilkoll il-kuraġġ fil-periklu, l-għerf fil-ħidma, il-kompassjoni fid-dmir, u l-paċi fil-qalb.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju