F’dawn il-ġranet li fihom kulħadd jinsa d-differenzi u jagħti l-awguri tal-Milied u s-Sena t-Tajba, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tixtieq tieħu l-okkażjoni sabiex tibgħat kartolina ta’ awguri miftuħa liċ-ċittadini ta’ pajjiżna. Dawn l-awguri huma ispirati mill-pariri li ta l-Papa Franġisku fl-Enċiklika tiegħu Laudato Si` … sabiex b’hekk iż-żjara tiegħu li għamel fostna tibqa’ tkun sors ta’ motivazzjoni biex nimpenjaw ruħna għall-ġid veru ta’ ħutna u tad-dar komuni li ngħixu fiha.

Il-Kummissjoni Ambjent tawgura li bħala poplu:

  • noħolqu spazju f’ħajjitna li fih jista’ jitwieled Ġesù. Għax hu permezz ta’ din il-laqgħa personali tagħna miegħu li kapaċi nnisslu interess u impenn ġenwin lejn il-kura ta’ din id-dar komuni tagħna u kull min jgħammar fiha (Laudato Si` , 217).
  • ninsew id-differenzi ta’ bejnietna għax il-futur tad-dar komuni tagħna jiddependi mill-impenn ta’ komunità b’saħħitha (219). Ejjew ħalli nxettlu interess ġenwin – ’l bogħod minn kull interess partiġġan – biex intejbu l-kwalità tal-ambjent li ngħixu fih għall-ġid tagħna u tal-għeżież tagħna li se jirtuh (178).
  • nagħrfu l-gravità tal-kriżi kulturali u ekoloġika li qegħdin fiha u nsarrfu dan l-għarfien fi stili ġodda ta’ kif ngħixu u nġibu ruħna (209).
  • nifhmu li l-bniedem jista’ jirbaħ lilu nnifsu, u jgħid le għall-pressjoni psikoloġika u soċjali imposta fuqu minn dawk li huma aktar interessati kif jagħmlu l-flus minn fuq daharna (205).
  • nerġgħu niskopru l-valuri tal-moderazzjoni u s-sempliċità ħalli nagħrfu nillimitaw ċerti bżonnijiet li jistorduna (223). B’hekk niskopru li l-kuntentizza ma tiddependix minn kemm nipposedu affarijiet u naslu sabiex inrażżnu l-ossessjoni tagħna li nikkonsmaw u tirrendina skjavi tal-liġijiet tas-suq (222).
  • nirrealizzaw li bidla fl-istil ta’ ħajja u fl-għażliet tal-konsum taf tpoġġi pressjoni tajba fuq min għandu s-setgħa politika, ekonomika u soċjali (206) u ġġib bidla li tagħmel differenza lis-soċjetà (208).
  • nifhmu li l-iżvilupp awtentiku jiġi minn imħabba ġenwina għas-soċjetà u l-impenn għall-ġid komuni (231) li jwassalna sabiex inwaqqfu b’mod effettiv it-taħsir ambjentali u nippromwovu kultura ta’ għożża li tħaddan is-soċjetà kollha (231).
  • nagħrfu li l-impenn ambjentali tagħna hu magħmul wkoll minn ġesti sempliċi ta’ kuljum li bihom inkissru l-loġika tal-vjolenza, l-abbuż, u l-egoiżmu (230).
  • napprezzaw l-ispazji naturali għax joffrulna opportunità li napprezzaw il-ħolqien bħala rigal li jurina kemm Alla jħobbna (233).
  • insiru aktar sensittivi għat-tbatija tal-foqra u d-dgħajfa li ħafna drabi huma l-ewwel persuni li jġarrbu l-agħar effetti tal-vjolenza kollha li ssir fuq l-ambjent (48).
  • nifhmu li l-impenn ġenwin lejn il-kura tad-dar komuni tagħna għandu jkun xprunat mill-kura u l-għożża lejn il-ħajja. Ma tagħmilx sens li filwaqt li nimpenjaw ruħna sabiex nipproteġu l-abitat u l-ħlejjaq ta’ madwarna, li kultant jisfaw mhedda u attakkati bl-iskuża tat-tkabbir ekonomiku, meta mbagħad m’aħniex lesti nipproteġu lill-embrijun uman imqar jekk il-wasla tiegħu taf toħloq skumditajiet u diffikultajiet (120).

Awguri mill-qalb għall-Milied qaddis u Sena Ġdida mimlija barka u paċi.