L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“X’xorti kellha dik Sant’Anna, il-Bambin jgħidilha nanna,
Xortih tajba San Ġwakkin, nannu jgħidlu l-Bambin!”

Din it-taqbila popolari fil-folklor Malti tfisser b’mod tajjeb ħafna l-festa li qed niċċelebraw illum, li hija l-festa ta’ Sant’Anna, patruna ta’ din il-parroċċa ta’ Wied il-Għajn, u fl-istess waqt b’enfasi partikulari fuq in-nanniet. Dan għaliex illum Sant’Anna qed tfakkarna dak li smajna lil Ġesù jgħid fl-Evanġelju, u li jgħodd ħafna għaliha u għar-raġel tagħha San Ġwakkin: “Ħenjin għajnejkom għax qegħdin jaraw, ħenjin widnejkom għax qegħdin jisimgħu” (Mt 13:16). Dawn kellhom ix-xorti li jaraw u jisimgħu lil Ġesù sa minn meta kien għadu żgħir ħafna.

Meta qed niċċelebraw lil Sant’Anna, bilfors li magħha niċċelebraw lir-raġel tagħha San Ġwakkin, għax Ġesù stess qalilna: “Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem” (Mk 10:9). Għalhekk illum niċċelebrawhom flimkien.

Nixtieq li nħarsu ftit lejn l-istatwa sabiħa ta’ din il-parroċċa, li ġiet hawnhekk 75 sena ilu s-sena li għaddiet, u naraw x’tgħallimna proprju f’din l-okkażjoni tal-festa.

L-id ix-xellugija

L-ewwel nett, inħarsu lejn l-id ix-xellugija ta’ Sant’Anna li qiegħda fuq l-ispalla ta’ Marija. Hija id li turi għożża, imħabba. Hija l-id li turi kemm Sant’Anna kienet tgħożż il-ħajja ta’ Marija mill-ewwel mument tagħha.

Fil-fatt, aħna niċċelebraw il-festa ta’ Sant’Anna fis-26 ta’ Lulju, imma b’rabta ma’ Sant’Anna wkoll hemm żewġ festi kbar li niċċelebraw – il-Kunċizzjoni fit-8 ta’ Diċembru, Marija li tnisslet bla ħtija; u t-twelid ta’ Marija fit-8 ta’ Settembru. Dawn it-tnejn huma marbutin hekk qrib ma’ Sant’Anna għax kien permezz tagħha li Marija tnisslet, u permezz tagħha Marija twieldet.

Għalhekk hemm din ir-rabta, l-għożża tal-ħajja li turina Sant’Anna, u li hi għaddiet lil Marija. Nixtieq li niftakru f’dan il-messaġġ importanti li tagħtina llum Sant’Anna: li ngħożżu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, bħalma għamlet Sant’Anna, sat-tmiem naturali tagħha u f’kull waqt tagħha. Hija din l-għożża tal-ħajja li hi karatteristika ta’ din il-qaddisa li qed niċċelebraw illum, tagħha flimkien mar-raġel San Ġwakkin  – messaġġ importanti li tant jgħodd u tant huwa ta’ siwi li nirrepetuh lilna nfusna biex il-ħajja tkun dejjem għażiża għalina.

L-id il-leminija

L-id l-oħra ta’ Sant’Anna qiegħda tipponta ’l fuq. Qed tgħid lil Marija li l-Mulej huwa l-aqwa teżor. Qed tgħallem lil Marija l-fidi. Fil-fatt, anke Marija qiegħda b’idejha bħalma aħna nkunu waqt li nitolbu. Qed tgħallem lil Marija kemm hu importanti li Alla jkun l-ewwel fil-ħajja tagħna, li ħarsitna tkun dejjem ’il fuq lejn is-sema pajjiżna, filwaqt li saqajna mal-art, u li niftakru li l-Mulej għandu jkun dak li jimla l-qalb tagħna. Huwa hu li jagħti s-sens lil ħajjitna, huwa hu li jista’ jmexxina ’l quddiem fil-ħajja tagħna.

Nafu kif Sant’Anna għallmet lil Marija titlob, u mit-talb ta’ Marija stess nafu kemm Marija tgħallmet dan it-talb sabiħ, għaliex fl-isbaħ u l-itwal talba li tgħid Marija, hija tgħid: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46) – bħalma qed turiha Sant’Anna – “u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi” (Lq 1:47).

Għalhekk dan hu wkoll messaġġ importanti għalina. Alla għandu jkun l-ewwel fil-ħajja tagħna. Meta hu jkun l-ewwel, l-affarijiet l-oħra jsibu posthom. Meta hu jkun dak li lilu nqiegħdu fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna, imbagħad hu jgħinna nimxu ’l quddiem. Meta aħna nżommu r-rabta miegħu fit-talb, inkunu nistgħu ngħixu dak li tlabna fis-salm: “Mulej ma tkabbritx qalbi, anqas ma ntrefgħu għajnejja…imma żammejt ruħi fil-kwiet u l-mistrieħ bħal tarbija f’ħoġor ommha” (Salm 131:1-2). Din hija l-fiduċja sħiħa f’Alla li Sant’Anna għallmet lil Marija, u li tant hi importanti għall-ħajja tagħna.

Il-ħarsa fil-wiċċ

Imbagħad nixtieq li nħarsu lejn il-wiċċ ta’ Sant’Anna u l-wiċċ ta’ Marija, għax fl-istatwa jħarsu lejn xulxin. Hemmhekk għandna din l-imħabba li għaddejja bejniethom. Filwaqt li tgħallimha, filwaqt li tgħinha tikber lil Marija, Sant’Anna tagħmel dan bl-ikbar imħabba.

Dan hu messaġġ importanti għall-familji tagħna: din il-ħarsa fil-wiċċ ta’ xulxin. Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika fuq il-ferħ tal-imħabba, Amoris Laetitia, jgħid: kemm hu importanti li fil-ħajja tal-familja aħna nħarsu f’għajnejn xulxin, u nagħmlu dan b’imħabba, u nagħmlu dan għax qed nisimgħu lil xulxin, għax hemm dan id-djalogu li jibnina tassew – dak li smajna llum fit-tieni qari fl-Ittra ta’ San Ġwann: “Uliedi ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ imma bl-għemil u tassew” (1 Ġw 3:18). 

Hija din l-imħabba li Sant’Anna qed tgħaddi lil Marija, hija din l-imħabba li tibnihom bħala familja, flimkien ma’ San Ġwakkin. Dan hu messaġġ importanti għalina, għall-familji tagħna, biex aħna dejjem naħdmu ħa nkunu komunitajiet ta’ mħabba vera. U għall-parroċċa wkoll li nibnuha bħala komunità ta’ mħabba, fejn aħna nistmaw tassew lil xulxin, lesti li nisimgħu u nilqgħu lil xulxin, biex nibnu tassew din l-imħabba li għandha tkun il-karatteristika tal-ħajja tagħna Nisranija.

Rikonoxxenza

Illum niftakru b’mod speċjali fin-nanniet. Niftakru fihom b’għożża. Ħafna minna żgur li meta jiftakru fin-nanna tagħhom, fin-nannu tagħhom, fin-nanniet, niftakru b’ħafna għożża. Jien niftakar in-nanniet tiegħi u dejjem għandi memorji sbieħ tagħhom. Il-Papa Franġisku għandu memorja sabiħa ħafna speċjalment tan-nanna tiegħu, kemm għenitu fil-ħajja. Illum nitolbu għan-nanniet biex dejjem nagħrfu s-siwi u l-valur li għandhom fis-soċjetà, u speċjalment f’dan li semmejt: li huma jgħaddu l-għożża tal-ħajja, li jfakkruna li l-Mulej jiġi l-ewwel fil-ħajja, u li jibnu tassew din il-komunità ta’ mħabba.

Nitolbu għan-nanniet kollha llum, mhux biss ta’ din il-parroċċa imma dawk ukoll li qed isegwuna, u ta’ pajjiżna. Nitolbu biex ikunu jistgħu jaqdu din il-missjoni tagħhom u jkollhom ir-rispett sħiħ li jistħoqqilhom, u tassew isibu l-ambjent li jilqagħhom u li jgħinhom ħalli jaqdu l-missjoni tagħhom illum.

Nirringrazzjaw lill-Mulej. Nitolbu biex Sant’Anna tkompli tkun ta’ ispirazzjoni għalina personali, għall-familji tagħna, għall-komunità parrokkjali, għal din il-lokalità ta’ Wied il-Għajn – u speċjalment tkompli tgħallimna kif ngħożżu l-ħajja, kif inqiegħdu l-Mulej l-ewwel fil-ħajja tagħna bħala l-akbar teżor, u kif nibnu komunità ta’ mħabba u ta’ għożża.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta

More Photos