L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Illejla, f’avveniment speċjali fl-okkażjoni tal-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni f’din il-parroċċa, il-Madonna se tingħata warda tad-deheb, li tbierket mill-Papa Franġisku, li qiegħed ukoll ġawhra fin-nofs tagħha. L-għotja tal-warda tad-deheb hi tradizzjoni antika ħafna li tfisser qima u mħabba. Jien ċert li ħafna hekk qed jifhmu: li l-warda hija espressjoni tal-qima u tal-imħabba lejn Ommna Marija, Immakulata Kunċizzjoni.
Marija kellha din ix-xorti: li għexet ħajjitha fis-sempliċità, fl-umiltà, f’ħajja ordinarja, mhux straordinarja, kultant ukoll ħajja ta’ faqar. Għexet u mietet b’dal-mod. Imma wara l-mewt tagħha, meta ma baqgħetx tagħmel hi l-għażliet għaliha, daħlet fil-qalb tan-nies u aktar ma għadda ż-żmien aktar in-nies bdew juruha l-imħabba bl-istil tagħhom, u juruha kemm tfisser għalihom bil-mod tagħhom.
F’din il-festa għażiża tal-Immakulata Kunċizzjoni, nixtieq nistedinkom biex nimmaġinawna fil-pożizzjoni ta’ Marija, bil-ħarsa tagħha lejn din il-komunità parrokkjali. Qed tħares lejn din il-warda tad-deheb li se tkun ippreżentata lilha u qed tifhem li din ġejja minn qalb li tqim u li tħobb. U tapprezza dan. Fl-istess waqt, bil-karatteristika ta’ sempliċità tagħha, Marija turina wkoll kif, kull wieħed u waħda minna, għandna nagħmlu minn ħajjitna warda li togħġobha. U meta nħarsu lejn din il-warda tad-deheb, niftakru fl-istedina li tagħmlilna biex ħajjitna tkun warda sabiħa.
Kif se nagħmlu minn ħajjitna warda sabiħa li togħġob lil Marija?
Ħajja fejn infittxu r-rieda ta’ Alla
Ħajjitna tkun bħal warda sabiħa meta, bħal Marija, infittxu dejjem li nagħmlu dak li Alla jrid minna. L-ewwel ġrajja fejn tidher Marija fl-Evanġelju, meta l-Anġlu Gabriel iwasslilha l-messaġġ mingħand Alla biex issir omm Ġesù, tispiċċa bil-kliem tagħha “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38) Hekk għexet Marija kontinwament ħajjitha, u l-parir li tagħti fit-tieġ ta’ Kana lill-qaddejja, li hu l-aħħar kliem tagħha mniżżel fl-Evanġelju, hu l-parir li tagħti lilna dejjem: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).
L-għażla li għandna dejjem hi li jew nimxu ma’ dak li nħossu, dak li jaqblilna, dak li għal mument naħsbu li jagħtina sodisfazzjon, jew infittxu dak li jrid Alla li hu dejjem fl-aħħar mill-aħħar dak li hu ta’ ġid għalina. Għalhekk, nieħdu l-parir ta’ Marija biex infittxu li nagħmlu r-rieda ta’ Alla ħalli ħajjitna tkun bħal warda sabiħa kif hi għexet.
Ħajja fejn infaħħru lil Alla
Ħajjitna tkun bħal warda sabiħa meta, bħal Marija, kliemna jkun dejjem kliem ta’ tifħir lil
Alla. Marija għandha dak l-innu hekk sabiħ ta’ tifħir lill-Mulej: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-
Mulej” (Lq 1:46). Kliemha hu dejjem kliem ta’ tifħir u gratitudni.
Kemm hu sabiħ meta kliemna jkun dejjem kliem ta’ tifħir lil Alla u lil Ommu Marija. Intom tafu l-pjaga li għandna f’pajjiżna, li mhux f’pajjiżna biss imma aħna hawn qed ngħixu. Fuq fomm ħafna nies hawn kliem ta’ offiża u ta’ tkasbir lil Alla u lill-Madonna. Tisma’ dan il-kliem fit-triq, fil-ħwienet, fid-djar. Ġieli tisimgħu ħiereġ mid-djar. Kultant fl-istess festi reliġjużi. Dan hu xewk mhux ward, huwa xewk li jkerrah.
L-istedina li tagħmlilna Marija, u li nixtieq nagħmel lilkom bħala komunità parrokkjali bil-patruna tagħkom Ommna Marija, hija biex tkunu minn ta’ quddiem biex kliemkom ikun kliem ta’ tifħir lil Alla u lill-Madonna, u biex dal-kliem ta’ tifħir jitfi kliem ieħor ta’ offiża li jingħad. Hekk tkunu tassew bħal warda sabiħa li togħġob lil Marija.
Ħajja ta’ ġmiel u sbuħija
Ħajjitna tkun bħal warda sabiħa meta nagħżlu l-ġmiel u s-sbuħija. Hawnhekk niċċelebraw l-Immakulata – li tfisser mingħajr ħtija. Inkantaw “Ġmiel tas-sema” (l-Innu tal-Festa) għax Marija, mimlija bil-grazzja, hi x-xempju tal-ġmiel u s-sbuħija.
F’ħajjitna aħna niltaqgħu kemm-il darba ma’ dak li hu ikrah u li jġib id-dwejjaq. Id-dnub hekk jagħmel fil-ħajja tagħna personali u fil-ħajja soċjali. Madwarna naraw ħafna dak li hu ikrah: l-egoiżmu u t-tfittxija ta’ gwadann personali anke f’dak li mhux xieraq, il-korruzzjoni meqjusa għal diversi nies bħala t-triq għas-suċċess, id-droga li teqred – offruta bħala mezz ta’ rikreazzjoni, il-qerda tal-ambjent f’isem il-progress, l-eżaltazzjoni tal-ħażen bħala stil ta’ ħajja. Dan kollu hu espressjoni tal-kruha, f’kuntrast kbir mal-“Ġmiel tas-sema li jsebbaħ il-ħlejjaq”.
L-istedina ta’ Marija sbejħa u safja hija biex aħna nħaddnu l-ġmiel u s-sbuħija, biex inħallu lill-Mulej jippurifikana minn dak li hu ħażin u li jtebba’ u jimlielna qalbna bl-imħabba tiegħu ħalli ħajjitna tkun, bħal ta’ Marija, għotja ta’ mħabba kbira. B’hekk nistgħu nkunu tassew bħal warda sabiħa li togħġob lil Marija.
Ħajja ta’ għożża
Ħajjitna tkun bħal warda sabiħa meta ngħożżuha u naħdmu tassew ħalli jkollna soċjetà li tgħożż u tipproteġi l-ħajja u li tagħti l-akbar valur lill-ħajja umana.
Hawnhekk, f’din il-parroċċa, inqimu lill-Immakulata Kunċizzjoni. Li tfisser li Marija mnissla mingħajr ħtija – kienet mingħajr ħtija sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Fit-tnissil kien hemm diġà Marija. Ma kienx hemm sempliċiment ftit ċelloli li ’l quddiem saru Marjani u nbidlu f’Marija. Il-ħajja ta’ Marija bdiet mat-tnissil. Kull min jiċċelebra l-Kunċizzjoni fl-istess ċelebrazzjoni jkun qed jistqarr li hemm ħajja ġdida umana fil-konċepiment. Min jiċħad din ir-realtà qed jgħix kontradizzjoni jekk jiċċelebra l-Kunċizzjoni.
L-istedina ta’ Marija hija biex inwasslu dejjem din l-għożża u l-protezzjoni tal-ħajja umana, tal-ħajja li jislef lilna Alla u tal-ħajja tal-oħrajn – tal-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Marija tistedinna noqogħdu attenti mill-kultura tal-iskart – isemmiha l-Papa Franġisku – kultura li tiddisprezza u tarmi l-ħajja umana.
X’warda se nagħtuha lill-Madonna? Illejla meta tiġi ppreżentata l-warda tad-deheb bil-ġawhra f’nofsha, ħalli din tkun tassew espressjoni ta’ mħabba u ta’ qima; imma ma niqfux biss inħarsu lejn din, imma fiha naraw il-messaġġ li jfakkarna li rridu nagħmlu minn ħajjitna espressjoni ta’ mħabba u qima lejn Ommna Marija. Dan hu l-messaġġ li tagħtina din il-warda: biex nagħmlu mill-ħajja tagħna warda sabiħa li togħġob lill-Madonna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta