****

Direttur:        Marielle Heller

Atturi:              Tom Hanks, Matthew Rhys, Susan Kelechi Watson, Chris Cooper, Maryann Plunkett, Enrico Colantori u Wendy Makkena

Ħin tal-Film:    109 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

Fl-1998, Lloyd Vogel, ġurnalista, jattendi għaż-żwieġ ta’ oħtu Lorraine flimkien ma’ martu Andrea u t-tarbija Gavin. Waqt ir-riċeviment, Lloyd jaqbad ġlieda ma’ missieru Jerry. Lloyd kien sabha diffiċli biex jaħfer lill-missieru li kien abbanduna lill-ommu meta din kienet qegħda tmut u l-aktar li kellha bżonnu.

L-għada tat-tieġ, Ellen, l-editur tal-magazin Esquire, fejn kien jaħdem Lloyd, assenjatlu intervista ma’ Fred Rogers biex tidher fil-ħarġa li jmiss.  Dan l-artiklu ma kellux ikun itwal minn 400 kelma. Lloyd għalhekk jivvjaġġa lejn l-istudju WQED ġewwa Pittsburgh biex jintervista lil Rogers. Waqt l-intervista, Rogers ma tantx  deher lest li jitkellem fuq il-fama tiegħu bħala preżentatur ta’ programm popolari fuq it-televiżjoni iżda aktar wera interess li jsir jaf kif Lloyd kellu dik il-ferita f’imnieħru. Lloyd irrakontalu x’ġara fit-tieġ t’oħtu u kif hu ma laqax l-apoloġija  u l-attentat li għamel missieru biex jirrikonċilja miegħu.

Sadanittant, Lloyd kien determinat li juri li Rogers kien persuna twajba u ġentlom u għalhekk beda jara numru ta’ episodji tal-wirjiet ta’ Rogers għalkemm ma seta’ jsib xejn biex joħroġ xi ħaġa minn dak li ra. Għalhekk Lloyd talab li jkollu intervista oħra miegħu meta dan kien jinsab ġewwa New York.

Waqt l-intervista, Rogers għal darb’oħra warrab il-mistoqsijiet li ried jagħmillu Lloyd u beda jkellmu fuq it-trobbija taż-żewġ uliedu.  Rogers sadanittant ħareġ minn bagalja żewġ pupazzi  u staqsih fuq il-pupu fenek li hu kellu fi tfulitu u fuq missieru. Lloyd iżda xejn ma ħa pjaċir b’dan id-diskors u telaq ‘l barra. Meta Lloyd wasal id-dar, isib lil missieru Jerry u Dorothy, ħabibtu, jitkellmu ma’ Andrea. Lloyd irabbja u ċanfar lill-missieru  għal dak li kien ghamel meta abbanduna lil martu meta din kienet qegħda tmut bil-marda tal-kanċer. Wara dak li kellu x’jgħid, Lloyd talbu biex jitlaq ‘l barra  iżda Jerry isofri attakk ta’ qalb u ttieħed l-isptar b’emerġenza . Lloyd min-naħa tiegħu jirrifjuta li jibqa’ l-isptar u jmur Pittsburgh biex jiltaqa’ ma’ Rogers.  X’jiġri minn hawn?       

Film Amerikan, bi storja tajba, taħt id-direzzjoni ta’ Marielle Heller u kitba ta’ Micah Fitzerman-Blue u Noah Harpster. Film bi storja pożittiva ħafna fejn turi l-effett ta’ persuna b’valuri nsara x’effett jista’ jkollha fuq persuna li jkun qiegħed isibha diffiċli  biex jahfer u jinsa għal xi azzjoni li sofra.