L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Inti ibqa’ miexi f’dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ, għax taf mingħand min tgħallimtu” (2Tim 3,14). Dan il-kliem joqgħod tajjeb ħafna fuq fomm raġel għaref, li kien ra dehra li kellha tindikalu, min kellu jkun l-isqof il-ġdid ta’ Mira. It-tradizzjoni kienet tgħidilna li l-ewwel żagħżugħ, l-ewwel raġel li jidħol fil-Knisja, kellu jkun l-isqof il-ġdid ta’ Mira. Dan ir-raġel għaref qagħad jistenna. Min kien se jkun dan ir-raġel li jidħol l-ewwel wieħed fil-Knisja filgħodu kmieni biex jitlob? Xi djaknu, xi saċerdot? Jidħol żagħżugħ jismu Nikola, ġej minn familja tat-tajjeb. It-tradizzjoni tgħidilna wkoll li x’aktarx kienet familja aristokratika, nobbli. Dan ikellem lill-komunità u jgħidilhom li kelli din id-dehra, dan il-messaġġ mis-sema, u dan hu ż-żagħżugħ indikat mill-Mulej.
Nikola la kien djaknu u lanqas saċerdot. It-tradizzjoni tgħidilna li kien mgħammed, lajk, imma l-komunità kienet taf bil-qalb ġeneruża tiegħu; għax il-missier ta’ dawk it-tliet tfajliet — li wara t-tielet darba jirċievi l-borża bil-muniti tad-deheb, joqgħod jgħasses biex jara minn hu — għarfu. Għalkemm Nikola talbu bil-ħniena biex ma jitkellimx, ġralu bħalma ħafna drabi ġralu Ġesù mad-dixxipli meta kien jgħidilhom biex joqgħodu kwieti u ma jgħidu xejn, u dawk iżjed imorru jxandru xi jkun ġara. Nikola kien magħruf għall-għożża u għall-qalb kbira tiegħu b’mod konkret.
Meta nisimgħu lill-Papa Franġisku jgħid li l-Mulej għin lil bniedem, permezz tal-bniedem, aħna nifhmu l-qalb kbira ta’ Nikola u kif il-Mulej għażlu biex jiddefendi d-dinjità u jsalva l-ġieħ u l-unur ta’ dawn it-tliet xebbiet.
In-nies ta’ Mira għażlu tajjeb meta għażlu lil dan iż-żagħżugħ imwieled Patara, imma mbagħad imrobbi f’Mira fit-Turkija. Għaliex bħall-Appostlu Missierna San Pawl, anke l-kbir Nikola jaf it-twelid tiegħu li dik l-art li fiż-żmienu, bħalma kienet fiż-żmien l-Appostlu Missierna, kienet taħt l-influwenza Griega. Illum hija parti mill-provinċja ta’ Antalya fit-Turkija. Bħall-Appostlu Missierna, anke Nikola kien Tork, imma mhux tal-Barbarija, kif kienu jgħidu missirijietna. Il-fdalijiet tiegħu jaslu Bari fil-bidu tat-tieni millenju qrib is-sena 1087, u dan il-post fl-Italja jibqa’ magħqud ma’ ismu.
Imma l-Isqof ta’ Mira, li ntgħażel isqof fil-bidu tar-raba’ seklu lejn it-303; intgħażel bħala isqof u ġie ordnat djaknu, presbiteru u isqof fiż-żmien meta l-Knisja kienet taħt persekuzzjoni kbira. Il-Knisja setgħet tuża’ l-kliem tal-Appostlu Missierna, Tork ieħor: “X’persekuzzjonijiet għaddejt minnhom! Iżda ħelisni l-Mulej minnhom kollha” (2Tim 3,11). L-Isqof ta’ Patara, x’aktarx ta’ fejn twieled Nikola, kien miet martri. Kif tafu, għax huwa ċċelebrat f’pittura sabiħa fil-kor tal-knisja, bħala isqof jiddefendi l-fidi sħiħa f’Ġesù Kristu, Nikola kellu jgħaddi minn ħafna taħbit. “Għax sa minn żgħoritek sirt midħla tal-Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù” (2Tim 3,15). Għal Nikola l-fidi f’Ġesù Kristu kienet il-pern, il-qafas, li fuqu sejjes il-ħajja tiegħu. Hu ddefenda l-fidi fl-Iben ta’ Alla magħmul bniedem anke fejn u meta l-Knisja kienet għaddejja minn taqlib kbir, mhux biss minn persekuzzjonijiet imma wara l-paċi ta’ Kostantinu kien hemm taqlib intern. Nikola ddefenda l-fatt li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Għalhekk huwa xieraq li l-Knisja tiċċelebra l-festa tiegħu f’dan iż-żmien qaddis tal-Avvent li jippreparana għaċ-ċelebrazzjoni tat-Twelid tal-Mulej. Għax hu kien difensur kbir tal-misteru ta’ Alla, mħabba li jsir bniedem għalina. Permezz ta’ Nikola Alla wera l-imħabba tiegħu lill-poplu ta’ Mira, u f’dan il-millenju anke lill-poplu ta’ Bari u lill-popli tal-Mediterran.
Mill-fdalijiet tiegħu għadha toħroġ sustanza li tfejjaq u tfarraġ u li saret sinjal ukoll tal-qdusija tiegħu. Kull min imur Bari u jkollu x-xorti jinżel għarkupptejh fil-kripta quddiem il-fdalijiet ta’ Nikola jħoss li qiegħed fil-preżenza ta’ bniedem bħalna li ta ħajtu għal Ġesù, li ta ħajtu għall-poplu tiegħu. Meta għadda mill-umiljazzjoni u tneżża’ mill-ħwejjeġ ta’ isqof, fuq ordni tal-Imperatur, Nikola sab il-faraġ ta’ Ġesù u ta’ Marija.
Aħna llum nitolbu ħafna għal interċessjoni ta’ San Nikola. Ismu jfakkarna li jekk irridu nersqu lejn Ġesù, rridu nersqu lejh bħala poplu wieħed. Ir-rebħa ta’ wieħed ma tagħmilx sens mingħajr ir-rebħa tal-oħrajn. Nicolaus ifisser ir-rebħa tal-poplu. F’din il-mixja li twassalna lejn Ġesù, lejn rebħa tassew, irridu nimxu bħala poplu. Ir-rebħa trid tkun mhux tal-individwi imma trid tkun ir-rebħa tal-komunità, tal-poplu ta’Alla. L-isem Nicolaus irid ifakkarna f’dan. Irrid ifakkarna li meta nitolbu, il-Mulej ma qalilniex biex ngħidu ‘Missieri’ imma “Missierna li inti fis-smewwiet” (Mt 6:9). Ma qalilniex biex ngħidu ‘agħtini l-ħobżna ta’ kuljum’ imma “ħobżna ta’ kuljum agħtina llum” (Mt 6:11). “Aħfrilna dnubietna” (Mt 6:12), “eħlisna mid-deni” (Mt 6:13) u “la ddaħħalniex fit-tiġrib” (Mt 6:13). Allura nitolbuh, li mhux biss jitfa’ l-barka tiegħu fuq din il-parroċċa imma wkoll fuq id-djoċesi tagħna u fuq il-Knisja.
Il-Papa llum irritorna mill-vjaġġ f’Ċipru u l-Greċja, artijiet qrib ħafna tat-Trukija; Ċipru mhuwiex ’il bogħod minn Antalya, kif taqsam il-baħar. Il-Greċja tivvenera lil San Nikola flimkien ma’ Sant’Andrija bħala protetturi kbar tagħha. Il-Papa, illum stess fuq l-ajruplan, huwa u sejjer mill-Greċja għal Ruma, wera x-xewqa li jiltaqa’ mal-Patrijarka ta’ Moska, Kyril, u kif nafu, llum hija festa kbira fir-Russja għax Nikola huwa patrun kbir ta’ dik l-art immensa. Nitolbu u navdaw din ix-xewqa tal-Papa f’idejn San Nikola. Il-Papa inzerta li esprima din ix-xewqa fil-festa ta’ San Nikola. Bl-interċessjoni ta’ San Nikola rridu nitolbu għall-Papa biex din ix-xewqa tal-Papa li jiltaqa’ mal-Patrijarka ta’ Moska, li jmexxi Knisja enormi, issir realtà u tkun pass ieħor għall-għaqda bejn l-Insara.
Nikola huwa qaddis rispettat u meqjum ħafna, u bħal-lum, kemm fil-Knisja Ortodossa kif ukoll fil-Knisja Kattolika, irridu nitolbuh ħafna biex il-Knisja Omm tifraħ bl-għaqda ta’ wliedha. L-Omm tifraħ meta wliedha jkunu kapaċi jinġabru madwar l-istess mejda. S’issa kulħadd għadu bil-mejda tiegħu, mejda ’l hawn u mejda ’l hemm niċċelebraw l-istess Ewkaristija. Għall-grazzja ta’ Alla ma nħarsux lejn xulxin meta niġu għall-qima ta’ San Nikola, hemmhekk naqblu; tal-Madonna wkoll u ta’ Ġesù.
Irridu nitolbu ħafna l-interċessjoni ta’ San Nikola għal din l-għaqda bejnietna l-Insara. Għal grazzja ta’ Alla fostna f’Malta qed ikollna diversi komunitajiet Ortodossi. Fil-Belt Valletta għandna l-Knisja tal-Erwieħ li hija ddedikata lil San Nikola ta’ Bari u li issa hija afdata f’idejn il-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Konstantinopli. Kemm hi sabiħa meta aħna l-Kattoliċi niltaqgħu ma’ ħutna l-Ortodossi, li għandhom qima kbira lejn San Nikola.
Ħafna drabi fil-knejjes kollha Ortodossi ssib ikona ta’ San Nikola, u ta’ San Ġorġ ukoll, Tajjeb li aħna nilqgħuhom. Kultant nisma’ xi tergir għax “ħadulna knisja”, bħallikieku qisu m’għandniex biżżejjed knejjes aħna. Kemm tkun ħaġa sabiħa li ma’ ħutna l-Insara naqsmu anke l-patrimonju u b’hek nagħtu xhieda ta’ karità konkreta; bħalma għamel Nikola f’ħajtu.
Nikola jgħallimna d-dinjità tal-mara għax il-ġest tiegħu li jsalva lil dawk it-tfajliet ma kienx biex jagħmel fanfarunati. Bil-lejl u bil-moħbi kien jagħti lil missierhom dak li kien jeħtieġ għat-tieġ u għad-dota. Jgħallimna l-protezzjoni taż-żgħar, inkluż tat-tfal. Jgħallimna li biex tkun leali lejn Ġesù, ma tridx tibża’ tħallas prezz. Imbagħad il-Mulej jagħmel hu.
Nikola, flimkien ma’ Pietru, jgħallimna nħarsu lejn Ġesù bħala r-Ragħaj it-Tajjeb u jgħallimna ngħidulu: “Mulej, għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta dejjem” (Ġw 6:68). Aħna hemm bżonn nagħmlu bħalma għamel Nikola f’ħajtu u nirrealizzaw kemm Alla jħobbna tassew. Għalhekk, Nikola ddefenda l-fidi tal-Knisja f’Alla mħabba li jsir bniedem għalina. Imma meta, fl-ewwel Ittra ta’ San Ġwann, kapitlu 4 u vers 11, insibu l-espresssjoni “jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin” (1Ġw 4:11), San Nikola ma ddefendiex il-fidi li Alla ħabbna billi bagħat lil Ibnu l-waħdieni, bniedem fostna biex isalvana; ma ddefendiex biss din il-fidi, imma ġibed il-konklużjoni li “jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin” (1Ġw 4:11).
Din hija l-Aħbar it-Tajba li ħabbar u ddefenda Nikola quddiem Arju f’Niċea: li Alla sar bniedem. Imma hu ma waqafx hemm u sarraf din il-fidi f’imħabba konkreta. Din l-Aħbar sabiħa, Evangelium, saret qadi, imħabba konkreta u djakonija. Dawn huma żewġ kelmiet għeżież għalih bil-lingwa tiegħu. Għax għalkemm twieled fit-Turkija, illum Antalya, kien jitkellem il-Grieg: Evangelium, aħbar tajba, djakonija, l-qadi. Nistgħu ngħidu lil dawn iż-żewġt kelmiet jintisġu biex ifissru kemm hu kbir il-qaddis San Nikola.
Illum nitolbu lilu biex iberikna u jagħtina l-grazzja li nifhmu kemm Alla jħobbna u jagħtina l-qawwa li nħobbu tassew lil xulxin.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta