L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fil-festa ta’ Sant’Andrija nisimgħu l-Evanġelju tas-sejħa tiegħu skont San Mattew. L-Evanġelju ta’ San Ġwann jagħtina episodju ħelu meta Indrì jisma’ lil Ġwanni l-Battista jsejjaħ lil Ġesù l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja u jmur għand Xmun u jgħidlu li sabu l-Messija u hu Xmun li jintroduċi lil Pietru lil Ġesù skont l-Evanġelju ta’ San Ġwann (Ġw 1:41-42).

Hawnhekk għandna l-mument meta t-tnejn li huma: Xmun u ħuh Indrì jissejħu minn Ġesù b’dik l-istedina: “Ejjew warajja” (Mt 4:19). Mela mhux biss jiltaqgħu miegħu imma l-Evanġelju tal-lum jagħtina l-episodju meta l-Mulej jagħżilhom, jagħżilhom bħala l-ewwel dixxipli tiegħu. Fil-fatt minn dawn l-erbgħa li jissejħu fl-Evanġelju tal-lum, tlieta minnhom isiru grupp speċjali. Wieħed jistaqsi – imma Indrì għaliex tħalla barra? Għaliex pereżempju meta (Ġesù) jqajjem lit-tifla ta’ Ġajru; u fit-Trasfigurazzjoni fl-Ort tal-Ġetsemani Ġesù jieħu lil Xmun Pietru, lil Ġwanni u lil ħuh Ġakbu imma lil Indrì ma jsejjaħlux għalkemm kien qallu: “ejja warajja” mill-bidu nett.

Hemm imma xena importanti ħafna fejn isejħilhom l-erbgħa li huma. Ma tantx nagħtu kasha, imma lejn l-aħħar ta’ ħajtu, Ġesù meta kien ikun Ġerusalemm, filgħaxija kien jistrieħ fuq l-Għolja taż-Żebbuġ. Kien imur jitlob fuq hemm u darba minnhom kienu dawn l-erbgħa. Indrì kien mat-tlieta l-oħra, u Ġesù hu u jħares lejn Ġerusalemm jispjegalhom li din għad tispiċċa bħala belt u jkellimhom ukoll fuq l-aħħar tad-dinja. Hemmhekk naraw li Ġesù lil Indrì jinkludih ma’ dak il-grupp intimu ħafna.

Imma Indrì aħna nqimuh bħala wieħed mill-appostli l-kbar. Il-Griegi, b’mod speċjali l-Griegi Ortodossi, iqimuh bħala l-appostlu tagħhom li xandrilhom il-fidi u lil Ġesù. Il-Knisja ta’ Konstantinopli wkoll tiċċelebra din il-festa b’mod solenni daqskemm il-Knisja ta’ Ruma tiċċelebra b’mod solenni l-festa ta’ San Pietru u San Pawl.

Imma kien ukoll bniedem dgħajjef. Hu wieħed minn dawk li f’Ħamis ix-Xirka filgħaxija, meta arrestaw lil Ġesù, ħarab. Aħna tajjeb li fil-festi tal-appostli niftakru min kienu dawn in-nies. Dawn kienu nies li Ġesù sejħilhom, li rawh jagħmel il-mirakli, li semgħuh jitkellem. Indrì kien wieħed minn dawk li Ġesù afda bl-iżjed ħsibijiet importanti fuq it-tmiem ta’ Ġerusalemm, it-tmiem tad-dinja. Imma mbagħad meta Ġesù jinsab fil-periklu, Xmun jiċħdu. L-oħrajn, wieħed ċaħdu kif nafu hu Ġuda l-Iskarjota, u l-oħrajn ħarbu.

Dawn, kważi kull xahar, nagħmlu festa lil xi ħadd minnhom. Ġwanni biss, li mbagħad nagħmlulu l-festa lejn l-aħħar tas-sena fis-27 ta’ Diċembru, baqa’ ma’ Ġesù sal-mewt. Dak biss. U fil-fatt Ġesù mbagħad afdalu lil ommu. Imma l-oħrajn nagħmlulhon festa. Dan qed ngħidu biex nagħmlu kuraġġ għax aħna ngħidu: ‘żlaqna fin-niexef’. Anke l-appostli meta ġie l-mument ta’ prova, ħarbu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Rum 10: 9-18
Salm: 18: 2-5
Evanġelju: Mt 4: 18-22