L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix” (Mk 13:31). Is-silta li għadna kemm smajna mill-Evanġelju ta’ San Mark f’kapitlu 13 hija silta fejn l-evanġelista jagħtina ħjiel ta’ diskors intimu ta’ Ġesù ma’ erbgħa mid-dixxipli tiegħu: Pietru, Ġakbu, Gwanni u Indrì. Għax il-kapitlu 13 jibda billi jgħidilna li ħa lil dawn l-erbgħa biss fuq l-Għolja taż-Żebbuġ li tħares lejn Ġerusalemm, qagħad bilqiegħda — bħalma jagħmel kull għalliem — u fetaħ qalbu magħhom.

Id-diskors li jġibna f’kapitlu 13 — u parti minnu għadna kemm smajnih fl-Evanġelju tal-lum — jitkellem fuq it-tmiem tal-affarijiet: it-tmiem ta’ Ġerusalemm, it-tmiem tad-dinja kif nafuha aħna. B’xi mod kull wieħed u waħda minna nagħmlu din l-esperjenza personali, mhux għax mgħaġġlin, fil-punt tal-mewt meta jgħaddi kollox. Bħalma jħobb jgħid il-Malti: riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa. Hemm qawl ieħor għaref ħafna: il-kefen m’għandux but. Dan ifisser li dak kollu li għandek, inkluż id-dejn, tħallih lil ta’ warajk. Miegħek tieħu dak li tkun għamilt f’ħajtek mal-proxxmu.

Ġenerazzjonijiet li fis-seklu 20 inqerdu; l-umanità stess bdiet teqred lilha nnfisha. U għaliex? U min fejn ġie dan kollu?

Illum inġbarna hawnhekk quddiem l-għola awtoritajiet tal-Istat biex nagħmlu dak li nagħmlu kull sena u niftakru f’ġenerazzjonijiet sħaħ li raw it-tmiem ta’ ħajjithom ħesrem minħabba d-deċiżjonijiet ta’ ħaddieħor, minħabba l-inkwiet bejn il-popli u l-kefrija tal-bnedmin. Mhux illum biss għandna nsellmu t-tifkira ta’ dawn il-vittmi innoċenti. Kull meta mmur f’wieħed miċ-ċimiterji li għandna madwar pajjiżna, bħalma hemm f’tant pajjiżi oħra tal-vittmi ta’ dawn il-gwerer, qalbi tingħasar meta nara kemm kienu żgħażagħ ta’ età tenera: 18-il sena, 19-il sena, 21 sena, 25-il sena. Ġenerazzjonijiet li fis-seklu 20 inqerdu; l-umanità stess bdiet teqred lilha nnfisha. U għaliex? U min fejn ġie dan kollu?

Fl-Evanġelju tal-lum, li huwa l-aħħar wieħed qabel nispiċċaw is-sena liturġika l-Ħadd li ġej fil-festa ta’ Kristu Re, il-Mulej ikellimna fuq it-tmiem tal-affarijiet biex jgħallimna kemm hi prezzjuża l-ħajja. Għaliex jekk kollox jgħaddi imma sakemm jgħaddi jiena għandi d-dover, ir-responsabbiltà u l-ferħ li nagħmel dak kollu li nista’ biex ħajti tkun ħajja ta’ nies, li ngawdiha, ma naħraqhix. Mhux dan hu li nippruvaw ngħallmu lil uliedna? Taqax fil-vizzji biex ma teqridtx ħajtek, biex ma temmhiex ħesrem. Imbagħad ikun hemm minnhom li jintbagħtu għall-qatla mill-Istat stess.

Għax meta taqra t-traġedja tal-kunflitti mondjali li kellna fis-seklu 20 imma anke kunflitti oħrajn, tant żgħażagħ li minħabba r-radikalizzazzjoni li ssirilhom, il-brainwashing li jsirilhom, minflok isiru messaġġiera tal-ħajja, isiru strumenti tal-mewt. Xi traġedja hi din li aħna l-bnedmin għadna niżirgħu l-mewt minflok nippromwovu l-ħajja. Kemm hi għaqlija t-talba “Int tgħallimni t-triq tal-ħajja” (S 15:11), mhux it-triq tal-mewt, it-triq tal-ħajja.

…l-għażliet tal-politiċi tal-lum u tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada jridu jkunu għażliet favur il-ħajja mill-bidu sal-aħħar

Illum insellmu ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ żgħażagħ, mhux biss tal-bieraħ imma anke tal-lum, li nqatlu, li jiġu feruti b’mod permanenti, sofrew diżabbiltà b’mod permanenti fil-kunflitti li noħolqu aħna l-bnedmin bin-nuqqas ta’ ħila ta’ djalogu, bir-regħba għall-art ta’ ħaddieħor, bl-inġustizzji soċjali li huma l-għerq tal-kunflitti, bin-nuqqas ta’ ġustizzja fit-tqassim tal-ġid tad-dinja, bl-effetti ta’ dak kollu li huwa t-tkasbir tad-dinjità tal-bniedem, u bl-isfruttament makabru ta’ riżorsi tal-art biex jistagħnew il-ftit u jibqgħu bil-ġuħ il-miljuni.

Dan huwa l-għerq tal-gwerra, u aħna, meta nfakkru l-vittmi tal-kunflitti, meta npoġġu l-kuruni quddiem il-monumenti, irridu niftakru f’din il-mistoqsija ċkejkna imma essenzjali: jien x’għandi nagħmel? Nisma’ lil min jgħallimni t-triq tal-ħajja u mhux min jgħallimni l-isqaq mudlam tal-mewt. Għalhekk, l-għażliet tal-politiċi tal-lum u tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada jridu jkunu għażliet favur il-ħajja mill-bidu sal-aħħar għax mhix il-gwerra biss li hi strument tal-mewt imma fil-qalb tagħna għandna tant żrieragħ li jiżirgħu l-mewt”.

Agħtihom, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, jistrieħu fis-sliem.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Dan 12:1-3
Salm: 15(16):5,8,9-10,11
Qari II: Lhud 10:11-14,18
Evanġelju: Mk 13:24-32