L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw 15:9). Kemm hi ħaġa ta’ ferħ, ta’ faraġ, li tisma’ dan il-kliem ta’ Ġesù; li meta jitkellem fuq ir-relazzjoni tagħna miegħu, u tiegħu magħna, juża kelma waħda: ‘l-imħabba’. “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw 15:9). U l-kmandament li jagħtina juża l-istess verb: ‘li tħobbu lil xulxin’. “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin” (Ġw 15:12). U l-imħabba li tiġbor ir-relazzjoni tagħna miegħu u tiegħu magħna hi mħabba straordinarjament qawwija. “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena” (Ġw 15:9). L-imħabba ta’ Ġesù għalina, hi mħabba totali, hi mħabba divina; imma hu l-Iben t’Alla magħmul bniedem.

Il-perseveranza tagħna mhix il-bravura tagħna imma hi l-grazzja tal-ħniena tal-Mulej.

Biex nifhmu l-fond, l-għoli u l-wisgħa, u l-qawwa ta’ din l-imħabba hemm bżonn li nħarsu lejh imsallab fuq is-salib, jagħti l-aħħar nifs ta’ ħajtu lil Missieru, jaħfrilna; jafdalna lil ommu, jafda lilna lil ommu; iwiegħed il-ġenna lil sieħbu l-ħalliel it-tajjeb; jgħid li għandu għatx kbir. Ġesù fuq is-salib jagħti ruħu f’idejn il-Missier, u hekk itemm, ix-xhieda kbira, il-martirju tiegħu tal-imħabba. “Il-ġebla li warrbu l-bennejja”, f’jum l-Għid il-Kbir, “issir il-ġebla tax-xewka” (1Pt 2:7). “Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu, u nithennew fih!” (Salm 118:24)

Għażiża Suor Maria, għeżież membri ta’ din il-kongregazzjoni ta’ din il-familja ta’ ħajja evanġelika tas-sorijiet Ursolini ta’ Sant’Angela Merici, imwaqqfa mill-qaddej t’Alla Mons. Isidor Formosa. Il-kejl ta’ ħajjitkom trid tkun l-imħabba; l-imħabba ta’ Ġesù, u l-imħabba għal Ġesù. Mill-qalb tagħna toħroġ it-tnehida: imma aħna dgħajfin u midinbin. Nisimgħu l-kelma li qal il-Mulej lill-Appostlu Missierna, “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi” (2 Kor 12:9). F’dik il-kelma ‘grazzja’, hemm l-imħabba li m’għandhiex prezz, li ma tistax tixtriha, li hi prezzjuża u hi b’xejn; għalhekk grazzja. Li titkejjel fil-ħniena, li tissarraf fil-ħniena. “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi” (2 Kor 12:9).

Allura din il-konvinzjoni, dan il-faraġ li tagħtina l-Kelma t’Alla, nistgħu nobdu l-vuċi tal-Mulej li sejħilna; nitilqu dak kollu li għalina huma l-proġetti tagħna, il-ħolm tagħna; u bħalma għamel Abram, li smajna fl-ewwel qari, nitilqu l-art għażiża, għal art imwiegħda. Intemm il-wegħda tal-Mulej, ma tagħmilx pass f’dan ir-riskju mingħajr att ta’ fiduċja fil-wegħda tal-Mulej. Il-wegħda tal-Mulej hi wegħda ta’ ħniena u mħabba.

Maria, l-isem li għażlulek il-ġenituri tiegħek, hu isem għażiż. Mhux biss għax hu l-isem tal-mama ta’ Ġesù u ta’ oħt Mosè; imma għax is-sinjifikat tiegħu hu profond: qatra minn baħar kbir. Kun inti Sor Maria, inti u tikkonsagra ruħek lil Alla, qatra mill-baħar kbir tal-ħniena t’Alla. Dak il-baħar ta’ ħniena li l-Mulej qed jistiednek tgħum kontinwament fih. Għax aħna hekk ngħixu, hekk inżommu. Il-perseveranza tagħna mhix il-bravura tagħna imma hi l-grazzja tal-ħniena tal-Mulej. San Pawl ma jiddejjaqx jitkellem dwar “id-debbulizzi, it-tagħjir, l-għaks, il-persekuzzjonijiet u d-dwejjaq minħabba Kristu; għax meta nkun dgħajjef, inkun qawwi” (2 Kor: 12,10). “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi” (2 Kor 12:9). U inti ma’ kull min tiltaqa’: fl-appostolat, fil-missjoni tiegħek, bħala persuna kkonsagrata lill-Mulej, ftakar; jiena Sor Maria, qatra ta’ ħniena mill-oċean tal-grazzja t’Alla, mill-oċean tal-ħniena tal-Mulej. Meta r-rabja, il-frustrazzjoni u l-għejja, tħoss fik li qiegħda tbiddel dik il-qatra ħniena f’qatra ħall, ieqaf u għidlu: Mulej, ibdilli l-ħall ta’ qalbi fl-għasel tal-ħniena tiegħek

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


More Photos >>

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 12, 1-7
Qari II: 2 Kor 12, 1-10
Salm: 139
Evanġelju: Ġw 15, 9-17