L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-silta mill-Evanġelju ta’ San Luqa, tintuża minn dejjem biex wieħed jagħmel distinzjoni bejn il-ħajja attiva u l-ħajja kontemplattiva. Xi rrid infisser? Il-ħajja ta’ min hu medhi fid-dinja tax-xogħol, fil-ħajja tal-familja, fin-negozju, fil-professjoni u jrid isib mod ta’ qdusija f’dan kollu. U l-ħajja ta’ dawk li għaliex għandhom vokazzjoni speċjali; il-ħin kollu f’riġlejn Ġesù, jisimgħu l-Kelma tiegħu, jitolbu għalina. Il-Knisja għandha bżonn dawn iż-żewġ pulmuni importanti.

Ġesù lil Marija japprezza hi u tisimgħu; imma japprezza wkoll ix-xogħol ta’ Marta. Wara kollox, Marta u Marija, flimkien ma’ ħuhom Lazzru huma magħrufin bħala l-ħbieb ta’ Ġesù. Ġesù kien iħobb imur għandhom Betanja (raħal li fl-Evanġelju ta’ San Luqa ma jissemmiex imma jissemma fl-Evanġelju ta’ San Ġwann). Kellu djalogu ta’ ħbiberija kbira ma’ dawn it-tliet aħwa. Għalhekk kellu anke din il-kunfidenza li lil Marta jgħidilha: “Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ” (Lq 10:41). Naħseb Ġesù kien jafha sew lil Marta. Forsi kienet qed issajjar xi ħaġa, u qed tibża’ li se tinħarqilha għax hawn l-Imgħallem. Infatti, interessanti, li lil Ġesù ssejjaħlu: ‘Mulej’ – titlu ta’ rispett kbir. Imma qed tipprova tirranġa dar, tipprepara x’se jieklu. Importanti wkoll din il-ħaġa. Imma Marija, qiegħda tisma’ lill-Imgħallem. Ħafna drabi fil-ħajja tal-Knisja wkoll, nedhew b’tant affarijiet ta’ Ġesù, imma ma nisimgħuhx. Allura ninkwetaw fuq tant affarijiet, ibda minni, imma lil Ġesù nisimgħuh? X’inhu l-importanti: il-gandlier ta’ Ġesù jew Ġesù? Hekk ukoll, qed nimmaġina missier meta t-tifel jolqotlu l-karrozza. Issa x’inhu importanti? Il-karozza importanti. Imma t-tifel inti ġibtu fid-dinja, m’hemmx għalfejn tgħollih mas-sema bl-għajjat. Kultant nitilfu s-sens ta’ proporzjon.

Illum qed infakkru lil din il-qaddisa moderna, li twieldet fl-1905, Faustina Kowalska. Għall-bidu, il-Knisja sabet diffikultà li taċċetta l-messaġġ li Ġesù riedha twassal lill-Knisja. Li hemm bżonn nirritornaw lejn il-ħniena tiegħu. Kemm hi kommoventi dik it-talba li għallmitna Faustina Kowalska: “F’ġieħ il-passjoni ħarxa tiegħek, ħenn għalina u għad-dinja kollha”.

L-ewwel qari llum jitkellem dwar din l-istorja ħelwa mill-Ktieb ta’ Ġona. Anke jekk ma riedx imur, jintbagħat fil-belt kbira ta’ Ninwe, jgħid il-ktieb ta’ Ġona, biex ixandar l-indiema. Allura jfakkar lin-nies li jistgħu jiltaqgħu mal-ħniena t’Alla. Il-Mulej jara l-indiema tal-poplu u allura ma jistax ma jħennx għalih. “U Alla ra x’għamlu, kif reġgħu lura minn triqithom il-ħażina. U Alla reġa’ bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom, u ma għamlux” (Ġona 3:10).

Ħafna drabi fil-ħajja tal-Knisja wkoll, nedhew b’tant affarijiet ta’ Ġesù, imma ma nisimgħuhx.

Tgħidli mela Alla kultant taqbiżlu? Insomma nġiegħluh, irridu nammettu. Imma Hu jiftakar dejjem fil-ħniena tiegħu. Għalhekk Alla permezz tas-salm, għax din hi l-Kelma t’Alla, San Piju X jgħid: ‘Li fis-salmi, Alla tkellem biex aħna nkellmuh, bil-kliem li sellifna hu’.

“Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej: isma’, Sidi, l-leħen tiegħi! Ħa jkunu widnejk miftuħa”, ngħidu lil Alla, “jien u nitolbok bil-ħniena” (Salm 130:1-2). Nitolbuh il-ħniena, bil-ħniena. Dan is-salm, bil-Latin magħruf bħala ‘De Profundis’, u jintuża ħafna anke fil-Liturġija tal-Aħħar Tislima, fil-funerali. Fil-funerali l-Knisja takkumpanja lilna; veru m’aħniex mgħaġġlin, imma tasal ukoll ta’ kull wieħed u waħda minna.

Din it-talba li titlob il-ħniena lil Alla. “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?” (Salm 130:3). Mhux kollha nispiċċaw imbasktin, kieku jagħti kas. Il-Knisja takkumpanja l-għeżież mejtin tagħna b’din it-talba. Isma’ għalaq naqra għajnejk, bexxaqhom ftit, jew għalaqhom kollha mill-ewwel. Ħenn għalina. Ġesù għażel lil Faustina Kowalska, biex tfakkarna fir-risposta tiegħu: “Jiena nħenn dejjem”.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġona 3:1-10
Salm: 129 (130):1-2.3-4ab.7-8
Evanġelju: Lq 10:38-42