L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-kelma ‘ipokrezija’ ġejja minn kelma Griega li tfisser: tagħmel xena, tirreċta, tieħu sehem fit-teatrin. Maż-żmien, fit-teatrin kienu jagħmlu maskra – mhux bħal dik li qed nużaw bħalissa minħabba l-pandemija, imma maskra biex tgħatti l-wiċċ, u turi wiċċ b’ieħor, wiċċ differenti minn dak li jkollok.
Ġesù lill-Fariżej u lill-kittieba – almenu lil ħafna minnhom – jgħidilhom “uċuħ b’oħra”. Jgħidilhom li dak li huma jagħmlu minn barra hu mod, imma dak li hemm f’qalbhom hu differenti. Għalhekk għandu kliem iebes, fost l-iktar kliem iebes li nsibu fl-Evanġelju – hawnhekk għandna sensiela li tibda llum fl-Evanġelju skont San Mattew – kontra dawn il-Fariżej u l-kittieba li kienu uċuħ b’oħra.
F’liema sens kienu uċuħ b’oħra? Dawn, ħafna minnhom, kienu nies li għalihom ir-reliġjon kienet il-faċċata, dak li tara minn barra – prattiċi reliġjużi u devozzjonali sbieħ. Kienu jmorru wkoll it-tempju, kultant b’ħafna fanfarunati. Minn barra kienu nies li jridu josservaw il-liġi, anzi l-liġi fid-dettalji kollha. Imma l-qalb kienet ’il bogħod minn Alla. Dak li kienu juru minn barra ma kienx dak li hemm ġewwa. U Ġesù, li kien Alla, kien jagħraf x’hemm fil-qalb. Għalhekk jitkellem iebes kontra dan, għax dawn kienu nies li flok jipprattikaw ir-reliġjon, jużaw ir-reliġjon għall-iskopijiet tagħhom.
Nagħmlu x’nagħmlu, jekk qed nippruvaw nagħmlu xi ħaġa biex jarawna, Alla jara l-qalb, imur ’l hinn minn dak li jidher mill-faċċata. Għalhekk irid is-sinċerità tal-qalb tagħna.
X’inhu l-messaġġ li qed jgħid lilna llum Ġesù? L-ewwel nett, ifakkarna f’xi ħaġa tant importanti għall-ħajja tagħna: li Alla ma jimpressjonax ruħu bil-faċċata, b’dak li jidher minn barra. Lil Alla ma nimpressjonawhx b’dak li nagħmlu biex nidhru. Nagħmlu x’nagħmlu, jekk qed nippruvaw nagħmlu xi ħaġa biex jarawna, Alla jara l-qalb, imur ’l hinn minn dak li jidher mill-faċċata. Għalhekk irid is-sinċerità tal-qalb tagħna. Ikun inutli li nippruvaw nagħmlu quddiem Alla faċċata. Hu jara l-qalb, u jrid li nħobbuh tassew bis-sinċerità tal-qalb. Ma jfissirx li ma nagħrfux li aħna midinbin; anzi, nafu li aħna midinbin, nersqu lejh biex jaħfrilna ħtijietna, biex jagħtina l-grazzja nagħżlu t-tajjeb, imma nagħmlu dak li nagħmlu bis-sinċerità tal-qalb. Alla dan jixtieq minna, u dejjem iħares lejn il-qalb tagħna.
U kif inħarsu lejn l-oħrajn? Meta nħarsu lejn l-oħrajn, ma għandniex inħarsu lejhom b’ġudizzju tal-qalb tagħhom – bħalma fil-fatt jagħmlu l-Fariżej, u Ġesù jikkritikahom f’mument ieħor propju għal dan, li huma jqisu lilhom infushom qaddishom u jħarsu lejn l-oħrajn u jikkundannawhom. Aħna ma għandniex inħarsu lejn l-oħrajn b’ġudizzju tal-qalb tagħhom; dak inħalluh f’idejn Alla. Ma jfissirx li l-ħażin ma ngħidulux ħażin, anzi hu importanti li l-ħażin ngħidulu ħażin u t-tajjeb ngħidulu tajjeb; u hu importanti wkoll li ma nħallux min jinqeda bir-reliġjon jew b’affarijiet reliġjużi għall-gwadann tiegħu. Dik hi importanti. Imma l-ġudizzju tal-qalb inħalluh f’idejn Alla.
Nitolbu lill-Mulej biex ma nużawx ir-reliġjon bħala paraventu, ma nkunux uċuħ b’oħra, ma nagħmlux it-tajjeb biex nidhru quddiem l-oħrajn imma nagħmluh bis-sinċerità tal-qalb, konvinti li hu Alla li jagħti lilna tassew il-paċi fil-qalb tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju