L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Issa naf tassew li l-Mulej bagħat l-anġlu tiegħu u ħelisni minn id Erodi u minn dak kollu li l-Lhud kienu qed jistennew li jsir” (Atti 12:11). Dan huwa kliem ta’ San Pietru meta jirrealizza li l-ħelsien tiegħu mill-ħabs ma kinitx ħolma imma realtà. “Issa naf tassew li l-Mulej bagħat l-anġlu tiegħu u ħelisni”. Fit-tieni qari smajna wkoll lill-Appostlu Missierna San Pawl jafda fil-qawwa tal-Mulej li jeħilsu: “Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni” (2 Tim 4:18). Jgħid: “Hekk jien ġejt meħlus minn ħalq l-iljun” (2 Tim 4:17).

Dawn iż-żewġ appostli li qegħdin niċċelebraw llum kellhom din l-esperjenza ta’ ħelsien mill-Mulej. Għaddew minn mumenti ta’ umiljazzjoni, ta’ dgħufija, ta’ disprezz minn ħaddieħor imma t-tama tagħhom tgħallmu jpoġġuha fil-Mulej. Il-qari tal-lum jgħaqqadhom f’din l-esperjenza tad-dgħufija tagħhom imma wkoll l-esperjenza straordinarja tal-Mulej bħala salvatur, il-Mulej ħellies.

Pietru jgħaddi mill-ħabs fiżiku u jkollu jgħaddi minnu għal diversi jiem imma jitgħallem jorqod ukoll fil-ħabs. Jiena tolqotni l-fatt li l-anġlu jsib lil Pietru rieqed. Ġeneralment bniedem li jkun qed jinkwieta ma jkunx jista’ jorqod. Pietru neħħa l-ħżiem, neħħa l-qorq, u raqad. Donnu anke fid-dgħufija u fl-umiljazzjoni, il-ħabs tiegħu kien seren. Ma naħsibx ma kienx inkwetat għaliex lil Ġakbu kien jaf li qatgħulu rasu. Min jaf x’kien qed jaħseb li se jiġrilu! U wara żmien fil-ħabs, il-Knisja qiegħda titlob għalih (Atti 12:5). Il-Mulej jintervjeni u jeħilsu.

San Pawl jitkellem dwar sitwazzjonijiet differenti. Jitkellem dwar il-Mulej li jieqaf miegħu u li jagħtih il-qawwa. U għaliex? Biex ikompli l-missjoni tiegħu. “Hekk jien ġejt meħlus minn ħalq l-iljun, il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni” (2 Tim 4:18).

Aħna llum qed niċċelebraw il-mewt tagħhom, il-mewt tagħhom hija mewt krudili. Mewthom ġrat taħt il-qilla tal-Impertaur Neruni u l-persekuzzjoni li għamel kontra l-Insara. Pietru ġie msallab fil-ġonna tal-Vatikan li Neruni kien jużahom għad-divertiment tiegħu. Pawlu, li kien ċittadin Ruman, qatgħulu rasu. It-tnejn ġew ikkundannati għax kienu qegħdin ixandru lil Ġesù. Mewthom tgħaqqadhom flimkien u nistaqsu lil xulxin fejn kien Alla fil-mewt tagħhom? Il-Mulej li ħeles lil Pietru mill-ħabs f’Ġerusalemm ma setax jeħislu mill-martirju? U Pawlu li ħeles mill-għarqa għal darba, darbtejn, tlieta, li għadda wkoll mill-ħabs, li kien ukoll persważ li l-Mulej jeħilsu minn “ħalq l-iljun”, il-Mulej ma setax jevitalu din il-kundanna ħarxa li jaqtgħulu rasu ħdejn it-Tre Fontane?

Forsi inutli nagħmlu din il-mistoqsija lill-Mulej. Hemm it-tradizzjoni antika li Pietru ried jaħrab minn Ruma x’aktarx fuq l-insistenza tal-komunità biex jaħrab mill-persekuzzjoni. Hu jiltaqa’ ma’ Ġesù u jistaqsih fejn sejjer. U Ġesù jgħidlu: “Jien sejjer Ruma biex nerġa’ nissallab”. Pietru jifhem li l-Mulej qed isejjaħlu biex bħalma kien qallu jmur fejn ma jixtieqx, iħażżmuh, u hekk jurih il-mewt li bih kellu jagħti glorja lil Ala.

Pawlu seta’ jibqa’ Ġerusalemm bħala ċittadin liberu. Fettillu jiddeċiedi li l-imperatur kellu jaqta’ l-kawża tiegħu u beda vjaġġ lejn Ruma li wasslu anke fostna, ħabsi tal-imperatur. Għax Pawlu wasal fostna bħala ħabsi sejjer biex jiġi ġġudikat mill-imperatur. Iċ-ċenturjun Ġulju, li kellu ħsieb il-ħabsin, ried isalva lil Pawlu u bir-riħa tiegħu salva wkoll il-275 sħabu li kienu fuq il-ġifen. Fil-vjaġġ tiegħu lejn Ruma ttrattajnieh tajjeb lil Pawlu; għamel tliet xhur fostna. Imma tajjeb nifhmu li Pawlu ġie fostna bħala ħabsi fit-triq tiegħu lejn esperjenza li wara tliet snin jipprietka, l-udjenza ma’ Neruni ma tantx marret tajjeb u ġie kkundannat għall-mewt. Hu kien jipprietka bl-għassa miegħu ħdejn il-kwartier Lhudi ta’ Ruma, il-kwartier Regola, fejn illum hemm knisja li tfakkar id-dar fejn kien jgħix Pawlu, San Paolo alla Regola.

Ġesù jħares lejn Pietru, meta Pietru mnebbah mill-Missier jistqarr il-fidi tagħna f’Ġesù għaliex Pietru jitkellem f’isimna. Meta lil Ġesù jgħidlu: “‘Inti l-Messija, Bin Alla’. U wieġbu Ġesù u qallu: ‘Imbierek int, Xmun, bin Ġona, għax mhux il-laħam u d-demm urewk min jien, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi u s-setgħat tal-infern ma jegħlubuhiex’” (Mt 16:16-18). Ġesù jagħti lil Pietru u lill-Knisja l-imfietaħ tas-saltna, il-qawwa li teħles.

L-esperjenza li għaddew minnha Pietru u Pawlu tgħaddi wkoll fina bil-qawwa li Ġesù l-Mulej ta lill-Knisja tiegħu permezz ta’ Pietru u s-suċċessuri tiegħu: il-papiet permezz tal-isqfijiet tal-Knisja, permezz tal-poplu qaddis ta’ Alla li Pietru jirċievi din il-qawwa li jeħles: “Kulma torbot fuq l-art, ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet” (Mt 16:19), iħoll u jeħles lill-vittma tal-ħażen. Allura din l-esperjenza li aħna qegħdin ukoll niċċelebraw tgħaddi mill-appostli lill-komunità tagħna. “Inti l-Messija” inti Pietru.

Illum m’hemmx biss l-istqarrija ta’ Pietru f’Ġesù imma wkoll il-konferma, l-istqarrija ta’ Ġesù f’Pietru. Aħna u nifirħu fil-festa solenni ta’ dawn iż-żewġ appostli tant għeżież għall-poplu Nisrani, tant għeżież għall-Knisja ta’ Ruma li tippresiedi fl-imħabba, nitolbu li aħna wkoll inkunu persważi bil-qawwa li Ġesù poġġa fostna għall-ħelsien tagħna u l-ħarsa tiegħu tkun ħarsa ta’ ħniena li tagħmlilna kuraġġ.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 12:1-11
Salm: 33, 2-9
Qari II: Tim 4:6-8. 17-18
Evanġelju: Mt 16:13-19