L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Ir-rakkont tal-Passjoni skont San Ġwann jibda bi ġnien u jispiċċa bi ġnien.
Fil-fatt, proprju fil-bidu nett, meta Ġesù kien mad-dixxipli tiegħu, ir-rakkont jgħid li kien hemm ġnien fejn ġieli kien imur Ġesù, u hemm mar flimkien mad-dixxipli. Kien hemmhekk li ġew is-suldati u l-għases tal-Lhud, flimkien ma’ Ġuda. Kien f’dan il-ġnien li seħħ it-tradiment, li Ġuda ttradih u Ġesù ġie arrestat. Meta taqra dan, tiftakar fl-ewwel ġnien, fil-ktieb tal-Ġenesi, meta fil-ġnien tal-Eden seħħ l-ewwel tradiment.
Imbagħad ir-rakkont tal-Passjoni jispiċċa fi ġnien. Jgħid li kien hemm ġnien fejn kien hemm qabar u difnu lil Ġesù hemm. F’dan il-ġnien kellha sseħħ il-ġrajja tal-qawmien ta’ Ġesù – li Ġesù jirbaħ il-mewt. Għalhekk, minn post għal ieħor, mill-ġnien tat-tradiment għall-ġnien fejn indifen, Ġesu kellu mbagħad iqum għal ħajja ġdida.
Bejn dawn iż-żewġ ġonna, hemm dan ir-rakkont ta’ San Ġwann li fih jiġbor dak li jgħid fil-bqija tal-Evanġelju, sa mill-bidu nett. Mill-bidu, San Ġwann jitkellem fuq id-dawl u d-dlam, il-ħajja u l-mewt. Tul l-Evanġelju, f’ħafna mill-kapitli, hemm għaddej proċess kontinwu ta’ Ġesù. Il-kapijiet tal-Lhud u l-Fariżej il-ħin kollu jridu jgħidulu xi ħaġa. Kemm-il darba wkoll ippruvaw joqtluh.
F’dan ir-rakkont tal-Passjoni, għandna dawn iż-żewġ linji. F’naħa minnhom għaddej il-proċess ta’ Ġesù li jwassal għall-mewt. Imma fl-istess waqt, għaddejja l-Istorja tas-Salvazzjoni li toħroġ b’mod daqshekk sabiħ fl-Evanġelju ta’ San Ġwann li Ġesù hu Alla, kif juri sa mill-bidu nett fil-ġnien meta jgħidilhom “Jiena hu”, u jaqgħu. “Jiena hu” tfakkrek fil-mod kif Alla wera lilu nnifsu fit-Testment il-Qadim.
Fil-qalba ta’ dan ir-rakkont, hemm Ġesù quddiem Pilatu. Hemm tara l-kruha u kemm kienet terribbli l-Passjoni ta’ Ġesù. Pilatu jistqarr, aktar minn darba, li ma jsibx fih ħtija, imma fl-istess waqt jibagħtu biex isallbuh!
Rebbieħa f’ħajja ġdida.
Imma mbagħad għandna dejjem lil Ġesù li l-mod kif iwieġeb u l-mod kif narawh tul il-passjoni juri li Ġesù riesaq lejn il-mument meta jtemm il-missjoni li tah il-Missier, u permezz ta’ hekk isalva lill-bniedem. Għalhekk ir-rakkont tal-mewt ta’ Ġesù jispiċċa bil-kliem: “Kollox hu mitmum”. Ma jfissirx: spiċċa kollox, x’taqbad tagħmel? Imma jfisser: Jien temmejt il-missjoni li Alla fdali, b’hekk ksibt is-salvazzjoni tal-umanità.
Aħna u nirriflettu fuq din il-ġrajja tal-passjoni, nitolbu lill-Mulej biex dejjem nagħżlu f’ħajjitna d-dawl mid-dlam, il-ħajja mill-mewt, dak li hu sewwa minn dak li hu ħażin. Inressqulu quddiemu wkoll, f’din il-ġurnata, meta nħarsu lejh imsallab, it-tbatija ta’ tant nies li għaddejjin minnha bħalissa, biex hu jkun sinjal ta’ tama għal tant nies. Ħa ngħaqqdu t-tbatijiet tagħna ma’ tiegħu ħalli miegħu nistgħu tassew noħorġu rebbieħa fuq il-ħażin u fuq dak kollu li jtellef lill-bniedem f’ħajtu. Rebbieħa f’ħajja ġdida.
Aħna u nirriflettu fuq il-passjoni ta’ Ġesù, nitolbu lill-Mulej il-grazzja li bħalu nistgħu nkunu fit-triq li twassalna biex intemmu l-missjoni tagħna, u biex miegħu noħorġu rebbieħa wkoll fil-glorja, fil-ħajja li tirbaħ fuq il-mewt.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju