***

Direttur:          Reed Morano

Atturi:              Blake Lively, Jude Law, Sterling K, Brown, Max Casella, Daniel Mays, Geoff Bell, Richard Brake, Raza Jaffrey, Tawfeek Barhom u David Duggan

Ħin tal-Film:    109 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

Stephanie Patrick, tfajla intelliġenti,  wara l-mewta traġika tal-ġenituri tagħha u ta’ ħutħa bla ma qatt ma kien mistenni, spiċċat mkissra u mfarka psikoloġikament għal kollox b’dak li ġara. Hi stess kellha tkun fuq l-ajruplan iżda fl-aħħar ħassret il-pjan li ttir magħhom u ħelsitha minn mewta ċerta. Riżultat t’hekk, hi mhux biss  ħalliet il-kors universitarju li kienet qegħda tagħmel ġewwa Oxford  u li kienet meqjusa bħalha “ top student”, iżda spiċċat tiġġerra fit-toroq ta’ Londra, prostituta, xurbana u drogata. Dan kollu jseħħ minħabba d-disgrazzja li soffrew qrabatha meta kienu qegħdin jivvjaġġaw u l-ajruplan li kienu fuqu sploda f’nofs l-Atlantiku.

F’din il-qagħda ta’ disperazzjoni, Stephanie tiltaqa’ ma’ Proctor, ġurnalist investigattiv, li għarrafha li t-telfa tal-ajruplan ma kienx inċident iżda kien att ta’ terroriżmu u li dak li għamel il-bomba kien għadu ħaj, jiġġera fit-triq. Mimlija rabja, Stephanie ftehmet ma’ Proctor li kienet lesta li tgħinu, iżda sfortunatament, Proctor jinqatel mit-terroristi. Stephanie, bl-informazzjoni li kien taha Proctor, tmur l-iSkozja biex issib lil dak li kien tah l-informazzjoni.

Ġewwa Lochness, post imwarrab u maqtugħ minn kollox, Stephanie tiltaqa’ ma’ Iain, eks-aġent fl-M6 li jkun lest li jgħinha biex twettaq il-pjan tagħha għalkemm qallha li l-missjoni kienet  perikoluża ħafna. Fil-fatt, Iain bit-taħriġ li jtiha, jittrasformaha f’assassina professjonali, barra wkoll li titgħallem tassumi l-identità ta’ ħaddieħor bl-ilbies u l-parrokki li kienet tilbes.

Għal Stephanie iżda kien hemm il-ħtieġa li ssir taf sew min tassew kienet hekk kif bdiet tieħu r-rwol ta’ Lisa, prostituta  u ftit wara r-rwol ta’ Petra Reuter, anarkista Ġermaniża, kif ukoll ir-rwol ta’ Marina Gaudenzi, negozjanta Svizzera. Dawn l-irwoli kollha f’ħajjitha għenuha biex twettaq il-pjan tagħha li tagħmel vendetta minn dawk kollha li kellhom x’jaqsmu mal-mewt tal-membri tal-familja tagħha.  Kif jirnexxielha tagħmel dan u tivvendika ruħha? Iżda fl-aħħar mill-aħħar, Stephanie,  qatt ssib il-rwol proprja tagħha fil-ħajja?

Film Brittaniku – Amerikan, dramm mimli azzjoni li jżommok fuq ix-xwiek, hu taħt id-direzzjoni ta’ Reed Morano u kitba ta’Mark Burnell,  msejjes fuq in-novella tiegħu stess taħt l-istess isem. Minħabba vjolenza, qtil mdemmi, kliem goff  u użu ta’ droga  kif ukoll it-tema ewlenija ta’ vendetta, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.