L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
“Jekk xi ħadd irid jaqdini, dan għandu jimxi warajja” (Ġw 12:26). Għażiż Andrew, il-Knisja laqgħetek fost il-kandidati għad-djakonat u għall-presbiterat u llum bit-tqegħid ta’ jdejja u t-talba tal-Knisja, il-Mulej se jordnak djaknu. Id-djakonat huwa wieħed mit-tliet espressjonijiet tal-Ordni Sagri u hija sejħa għall-qadi. Kif jgħid il-Konċilju Vatikan II, inti llum se tiġi ordnat għall-ministeru, għall-qadi.
Ġesù jkellmek ċar fl-Evanġelju li għadna kemm smajna mill-kapitlu 12 ta’ San Ġwann. “Jekk xi ħadd irid jaqdini, dan għandu jimxi warajja”. Kull meta l-Mulej jistieden lil xi ħadd biex jimxi warajh, irid qed jistiednu wkoll biex ikun qaddej. Meta fuq ix-xtajta fl-għadira ta’ Ġennesaret, ta’ Tiberijade, iltaqa’ l-ewwel ma’ wlied Żebedew, imbagħad ma’ Xmun u Indrì, dawn iż-żewġ koppji ta’ aħwa u qalilhom “Ejjew warajja” (Lq 4:19). Kien qed jistedinhom ukoll biex isiru, jum wara l-ieħor, xbieha tiegħu u jagħtu ħajjithom bħalu.
Il-Mulej ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi. Meta jidentifika min hu fil-missjoni tiegħu, Ġesù jitkellem f’termini ta’ qadi: “Jien ma ġejtx biex inkun moqdi imma biex naqdi u biex nagħti ħajti għall-kotra”. U din hija wkoll ir-regola l-oħra ta’ qadi, mhux biss li timxi wara Ġesù imma wkoll li tagħti ħajtek. “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha, imma jekk tmut tagħmel ħafna frott” (Ġw 12:24).
Din l-ordinazzjoni allura hija ordinazzjoni għall-qadi imma wkoll hija fl-ispirtu tal-Mulej imsallab u rxuxtat. Jekk tmut, tagħmel ħafna frott għax “Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja, iħarisha għal ħajja ta’ dejjem” (Ġw 12:25). Ġesù allura mhux biss qed jitkellem fuq il-mewt u l-qerda tal-imħabba imma qiegħed ukoll jaħseb fil-misteru u l-loġika tal-qawmien, tar-reżurezzjoni billi jfisser il-mewt u l-qerda tal-qamħa li se twassal għal ħafna frott u min jitlef ħajtu se jsibha għal ħajja ta’ dejjem.
“Fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi” (Ġw 12:26). Dawn hu kliem pjuttost misterjuż. Tifhimhom meta tibda taqdi għax meta tibda taqdi bl-ispirtu tal-Mulej, tirrealizza li qed taqdi lil Ġesù, qed tiltaqa’ miegħu fil-batut, fil-marid, fl-emarġinat, fl-abbandunat. “Fejn inkun jien, hemm ikun il-qaddej tiegħi”. U inti tirrealizza li meta tidħol fl-ispirtu tal-qadi tal-Mulej tiltaqa miegħu iżjed ta’ spiss għax il-wiċċ tiegħu huwa l-wiċċ ta’ min għandu bżonn il-ministeru tagħna, ta’ min qiegħed iħabbat fuq il-bieb tal-qalb tagħna.
Jitkellem ukoll dwar il-ġenna Ġesù: “Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ” (Ġw 12:26). Allura jiena nissuġġerilek u nitolbok, għażiż Andrew, li inti u tiġi ordnat djaknu l-ħarsa tiegħek tkun fuq Ġesù u li tħalli l-Missier jiddeċiedi hu kif u meta jagħtik il-ġieħ. Inti ħu ħsieb li taqdi ’l Mulej, il-kumplament obdi.
Inti qed tiġi ordnat waqt li tkompli l-avventura ta’ ħajja ddedikata lill-missjoni u l-ispiritwalità tal-Opera di Maria. Agħmel li l-ministeru tiegħek ta’ djakonija, ta’ qadi, ikompli jkattar fir-ruħ tiegħek, fil-qalb tiegħek, fl-ispirtu li l-Mulej ta lill-Knisja tiegħu, l-għarusa tiegħu permezz ta’ Chiara Lubich. Qis, kif għallmitek hi u l-ispiritwalità tagħha, li inti tiltaqa’ mal-ħarsa ta’ Ġesù abbandunat fil-fqir, li inti kull ħin tiltaqa’ miegħu tkun ħaġa waħda miegħu fl-imħabba, fl-għoti ta’ qalbek f’unità mistika li tagħti tama lid-dinja. Inti kun din il-fjamma ċkejkna ta’ tama u jalla bil-ministeru u x-xhieda tiegħek tiġbed ħafna qlub oħrajn lejn il-misteru kbir ta’ Alla mħabba: il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Sam 15, 16-23
Salm: 49 (50), 8-9.16bċ-17.21 u 23
Evanġelju: Mk 2, 18-22