Waqt Festa ta’ Ġenerożità 2019

Id-Dar tal-Providenza se ttella’ l-24 edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità li ta’ kull sena ssir fl-1 ta’ Jannar biex jinġabru fondi ħalli d-Dar tas-Siġġiewi tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha kif ukoll issaħħaħha.

Il-Festa ta’ Ġenerożità tibda fid-9am b’quddiesa ċelebrata mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar. Wara jittella’ spettaklu ta’ varjetà kif ukoll isiru intervisti ma’ għadd ta’ personalitajiet li jżuru d-Dar, li jibqa’ sejjer sa nofsillejl. Taħt it-tinda jkun hemm il-voluntiera jilqgħu d-donazzjonjiet tal-pubbliku. Kull min iżur id-Dar tal-Providenza jingħata rċevuta tad-donazzjoni tiegħu.

Fl-okkażjoni li fiha l-Knisja qed tfakkar il-100 sena mit-twelid ta’ San Ġwanni Pawlu II, matul il-ġurnata fil-kappella se tkun esposta għall-qima u t-talb tal-pubbliku, relikwa b’garża bid-demm tiegħu, ta’ meta Mehmet Ali Ağca sparalu fi Pjazza San Pietru fit-13 ta’ Mejju 1981. Din ir-relikwa tatha lid-Dar soru Maltija, li kienet assistiet lill-Papa, waqt li kien rikoverat fil-Policlinico Gemelli.

Se jkun hemm ukoll wirja ta’ arti fis-sala ewlenija tad-Dar. L-irkant annwali ta’ xogħlijiet tal-arti li ngħataw minn artisti Maltin u barranin, li kellu jsir fil-foyer tal-Parlament fil-Belt Valletta, tmexxa għal April 2020.

Se jkun hemm servizz ta’ park-and-ride bejn it-3pm u d-9pm mit-triq ta’ San Niklaw (ir-runway l-antik). Għal dawk li ma jistgħux jaslu sas-Siġġiewi, il-Kampanja tixxandar live fuq l-istazzjonijiet televiżivi ewlenin. Donazzjonijiet jistgħu jsiru fl-istess Dar tal-Providenza jew bit-telefown:  

Donazzjoni              €10               –         516 02 012
Donazzjoni              €15               –         517 02 013 
Donazzjoni              €25               –         518 02 014
Donazzjoni b’SMS   €7                –         506 18 922
  

Id-Dar tal-Providenza kisbet il-liċenzji meħtieġa għall-operat ta’ kull dar li għandha, kif mitlub mill-Awtorità għall-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA), li twaqqfet b’att legali s-sena l-oħra. Id-Dar tal-Providenza hija wkoll reġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (VO 1066).  

Bħala proġetti għas-sena li ġejja hemm il-ftuħ ta’ dar ġdida fil-Komunità tal-Balluta, refurbishment u installazzjoni ta’ lift ġdid f’Dar Żerniq, fis-Siġġiewi, refurbishment tal-erba’ appartamenti f’Villa Papa Giovanni u kors ta’ taħriġ speċjalizzat minn professjonist barrani għall-maniġment u l-ħaddiema dwar ‘Imġiba Diffiċli’.