Fis-17 ta’ Ottubru infakkru l-Jum Internazzjonali tal-Faqar. Matul dik il-ġimgħa issir sejħa sabiex inqumu kontra l-faqar f’kampanji ta’ ‘Standup’ organizzati madwar id-dinja minn għaqdiet u movimenti differenti. Y Standup? hu proġett li qiegħed isir sabiex flimkien nirriflettu dwar il-faqar bħala realta lokali u globali.
Permezz ta’ dan il-progett għandu jinħoloq spazju fejn iż-żgħażagħ jistgħu jesprimu l-vuċi tagħhom dwar il-faqar mal-politici, awtoritajiet ekkleżjastiċi u organizzazjonijiet mhux governattivi oħrajn. Nhar is-Sibt 24 ta’ Ottubru, iż-żgħażagħ huma mistiedna jingħaqdu flimkien f’attivita sabiex jiddjalogaw ma’ l-awtoritajiet u jipproponu strateġiji li jwasslu għall-ġustizzja soċjali u l-inkluzjoni ta’ dawk il-membri fis-soċjeta tagħna eskluzi minħabba sitwazzjoni ta’ faqar. B’dan il-mod, iż-żgħażagħ ikollhom sehem fid-decizjonijiet li jittieħdu f’dawn l-ambjenti. Matul din l-okkazjoni ser issir ‘Standup’ kontra l-faqar bhala l-konkluzjoni ta’ l-attivitajiet li jsiru f’Malta fl-okkazjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Faqar.
Sehem taż-żgħażagħ u l-għaqdiet qabel l-24 ta’ Ottubru
Nistiednu liż-żgħażagħ sabiex, permezz tal-gruppi u l-għaqdiet, jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet dwar il-faqar u strateġiji fuq livell lokali, nazzjonali, ewropew u globali li jistgħu ikunu implimentati sabiex jitnaqqas il-faqar. Ir-rapporti ta’ dawn id-diskussjonijiet jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni fuq l-email [email protected]. Il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ qiegħda tipprovdi ukoll diversi riżorsi li jistgħu ikunu mixtarra waqt dawn id-diskussjonijiet. Tajjeb li tibgħat email jew iċċemplu fuq 21484506 sabiex ngħaddulek ir-riżorsi. Xi punti li tistgħu tiddiskutu huma:
- X’tifhem b’faqar?
- Taħsbu li jeżisti l-faqar f’Malta? Għaliex ngħidu li f’Malta l-faqar hu relattiv?
- Il-Knisja xi rwol għandha? Il-parroċċi, l-għaqdiet u l-movimenti?
- L-istat xi rwol ghandhu?
- Is-soċjeta ċivili u l-NGOs…dawn għandhom rwol ukoll? Kif?
- L-irwol tagħna ż-żgħażagħ? Aħna nistgħu nagħmlu differenza?
- MDGs (Millenium Development Goals) – Fiex wasalna? Ser nilħqu l-miri stabbiliti sa l-2015? X’inhu l-fair trade? Il-bidla fil-klima veru għandha effett fuq il-livell tal-faqar?
- L-impatt tal-politika tal-Unjoni Ewropeja fuq il-faqar lokali u nazzjonali.
Rapport dwar dawn id-dokumenti miġbura mill-għaqdiet u gruppi taż-żgħażagħ ikun preżentat nhar l-24 ta’ Ottubru.
Y Standup? huwa proġett li qiegħed isir bil-kollaborazzjoni ta’ CARITAS u SKOP.Dan il-proġett ġie finanzjat bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea. Dan il-komunikat jirrifletti l-opinjonijiet ta’ l-awtur biss, u l-Kummissjoni ma tistax tinżamm responsabbli għal kull tip ta’ uzu li jista’ jsir mill-informazzjoni li tinsab fih.