-
-
L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil P. Joseph Saliba O.Carm. bħala kappillan tal-parroċċa Madonna tal-Karmnu, il-Balluta.
Patri Joseph Saliba O.Carm. twieled fl-1955. Huwa rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola sekondarja teknika, in-Naxxar. Studja fl-INSERM u speċjalizza fl-Ispiritwalità fl-Istitut Pontifiċju tat-Teresianum, Ruma, fejn ġab il-liċenzjat fit-Teoloġija. Wara kompla jistudja fl-Università ta’ Malta minn fejn iggradwa fl-Edukazzjoni.
Patri Joseph daħal fl-Ordni Karmelitan fl-1973, fl-età ta’ 18-il sena, u ġie ordnat saċerdot fl-1980. Huwa beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-parroċċa ta’ Fleur-de-Lys fejn inħatar kappillan fl-1997. Fl-2006 inħatar Kappillan tal-Parroċċa ta’ Fleur-de-Lys u Pirjol tal-komunità Karmelitana, waqt li fl-2012 ġie maħtur Kappillan tal-Parroċċa ta’ Santa Venera u Pirjol tal-komunità Karmelitana.
Il-Parroċċa tal-Balluta tiġbor fiha madwar 5,000 persuna f’1,500 familja.
-
-