• ***

    Direttur: John Erick Dowdle

    Atturi: Owen Wilson, Lake Bell, Sterling Jerins, Claire Geare, Pierce Bosnan, Spencer Garrett u Byron Gibson

    Ħin tal-Film: 103 min

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15

    F’pajjiż ġewwa l-Asja, grupp ta’ ribelli jwettqu kolp ta’ stat u jassassinaw lill-Prim Ministru li ftit siegħat qabel kellu laqgħa ma’ diplomatiku barrani. Jack Dwyer, inġinier Amerikan, fl-istess siegħat jasal mal-familja tiegħu, martu Annie u żewġ uliedu Lucy u Beeze ġewwa dan  il-pajjiż. Hu ġie  hawn biex jibda ħajja ġdida ma’ kumpanija Amerikana. Mal-wasla  tagħhom fl-ajruport,  jiltaqħu ma’ Hammond, expat Brittaniku li joffrilhom li jwassalhom sal-lukanda fejn kienu sejrin joqgħodu għall-bidu.  Jack jinnota hekk kif jasal ġewwa l-lukanda li kemm it-telefon kif ukoll it-televizzjoni ma kienux qegħdin jaħdmu. X’kien gara? Jidħer li ħadd ġewwa l-lukanda ma kellu ħjiel għaliex ma kienx hemm servizz!  L-għada filgħodu, Jack joħrog barra l-lukanda biex jixtri l-ġurnal u sfortunatament isib ruħhu  qalb numru kbir ta’ dimostranti ribelli wiċċ imbwiċċ ma’ pulizija armati sa snienhom. Ma jdumx ma jgħaddi l-ħin li bejn iż-żewġ  fazzjonjiet, jibda ġlied qalil u brutali. B’xorti tajba, Jack jaħrab minn dan  il-kaos  hekk kif deher biċ-ċar li r-ribelli kien irnexxielhom ifarrku u jħarbtu għal kollox il-pulizija.  Fi triqtu lejn l-lukanda,  Jack jara ħafna nies ċivili u pulizija mejta.  Il-qagħda xejn ma kienet sabiħa anqas fil-lukanda għaliex ir-ribelli kienu ġa waslu hemm u bdew  joqtlu lil kull barrani li jsibu hemm. B’xorti tajba Jack jirnexxielu jiskappa u jsib il-familja tiegħu barra Lucy li kienet niżlet isfel tgħum. B’kuraġġ kbir, Jack jinżel għalija u b’xi mod jew ieħor jerġa’ jingħaqad mal-familja waqt li jintebaħ li lkoll kemm huma kienu jinsabu f’periku kbir. Ir-ribelli kienu qegħdin jipprotestaw bil-qawwa kontra l-korporazzjoni Amerikana li kienet responsabbli għall-ilma fil-pajjiż. Biex jevitaw ir-ribelli, ħafna mit-turisti u l-familja Dwyer telgħu fuq il-bejt tal-lukanda iżda anke hawn kienu f’periklu kbir. X’sejjer jagħmel Jack biex isalva l-familja?  L-uniku ċans li kellhom kien li jippruvaw jaslu sal-Ambaxxata Amerikana. Iżda kemm kien possibbli li jsir hekk?

    Film Amerikan mimli  azzjoni, taħt id-direzzjoni ta’ John Erick Dowdle, nassistu matul il-film il-ġrajja tal-biża’ li l-familja Dwyer isibu ruħhom fiha hekk kif jaslu fil-pajjiż jiġu wiċċ imbwiċċ ma’ ribelli li jwettqu kolp ta’ stat u li kienu diterminati li joqtlu l-barranin kollha. Minħabba t-tensjoni u qtil brutali ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax –il sena.