-
-
-
Nhar is-Sibt 9 ta’ Jannar 2016, fis-6:00 p.m., l-Arċisqof Charles J. Scicluna fetaħ il-Bieb tal-Ħniena fl-Oratorju tal-Kurċifiss (fejn hemm meqjuma x-xbieha devota ta’ Ġesù Redentur) mal-Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla.Iċ-ċelebrazzjoni bdiet fil-Bażilika b’purċissjoni lejn l-Oratorju tal-Kurċifiss. Hemmhekk, l-Arċisqof fetaħ il-Bieb tal-Ħniena u wara li l-ġemgħa għaddiet mill-Bieb, ġiet ċċelebrata l-Quddiesa fil-Bażilika. Iċ-ċelebrazzjoni għalqet b’tislima lil Marija Bambina, bis-Salve Regina.
Dan huwa t-tielet u l-aħħar Bieb tal-Ħniena li infetaħ fl-Arċidjocesi ta’ Malta, wara dak tal-Katidral tal-Imdina u tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa.
-
-
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
-
-
Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla
9 ta’ Jannar 2015
Jekk tistaqsuni x’jolqotni fil-qari li għadna kemm smajna ngħidilkom l-ewwelnett iż-żewġ ismijiet tal-protagonisti tax-xena tal-Vanġelu. Qegħdin fid-deżert u jiltaqgħu żewġ personaġġi importanti, wieħed jismu Ġwanni u l-ieħor jismu Ġesù.
L-ismijiet tagħhom fihom infushom jirrakontaw il-missjoni tagħhom. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa (Lq 3, 15-16, 21-22) li smajna silta minnha llum, l-ismijiet ta’ Ġwanni u ta’ Ġesù jintagħżlu mill-Mulej. Lill-missieru, Żakkarija, l-anġlu Gabrijel jgħidlu: “ikollkom iben u ssemuh Ġwanni” (Lq 1, 13) u lil Marija l-anġlu Gabrijel jgħidilha: “ikollok iben u ssemih Ġesù” (Lq 1, 31).
Għaliex l-għażla ta’ dawn l-ismijiet? L-isem Ġwanni, jew inkella bl-Ebrajk Johanann, ‘il-Mulej ħanin’, huwa s-sinjifikat profond tal-isem Ġwanni. U l-isem ta’ Ġesù, Jeshua, ifisser ‘Alla jsalva’, ‘Alla Salvatur’. Illum, fil-Magħmudija tal-Mulej, il-ħniena u s-salvazzjoni jiltaqgħu għax il-bieb tas-salvazzjoni huwa l-Bieb tal-Ħniena. Illum, aħna u ngħaddu mill-bieb tal-Oratorju tas-Santissimu Kurċifiss, fejn b’għożża kbira l-poplu ta’ din il-Belt qatt mirbuħa jgħożżu l-ikona sabiħa u devota ta’ Kristu Redentur, aħna ridna ngħaddu mill-Bieb tal-Ħniena biex nilqgħu mingħand ĠesùRedentur is-salvazzjoni li jixtieq ħafna li jagħtina.
Jekk aħna nħarsu lejn l-Ewwel Qari mill-profeta Isaija (Is 40, 1-5.9-11) naraw it-tħabbira ta’ xi ħadd li ġej biex jirgħa lill-poplu tiegħu. Imma t-tħabbira tieħu l-istil ta’ tħabbira taż-żjara imperjali jew irjali. Fi żmien il-profeta Isaija, imma anke fi żmien Ġesù, iż-żjara tal-imperatur jew ta’ Re kienet titħabbar b’mod solenni. Kienu jintbagħtu messaġġiera biex jgħidu: “ħejju t-triq” u dawn, kif jgħid stess il-profeta Isaija stess u mbagħad ireppetiha wkoll Ġwanni l-Battista, kienu litteralment iħejju t-triq billi “jwittu l-għoljiet, jimlew il-ħofor” (ara Lq 3, 5).
Din it-tħabbira kellha isem tekniku evangelium, ‘evanġelju’. L-ewwel sinjifikat antikissimu tal-kelma ‘evanġelju’ kienet it-tħabbira li ġej is-sultan. Ġwanni użaha billi jibda jgħid l-istess kliem ta’ Isaija: “ħejju t-triq għall-Mulej” (Is 40, 3), imma mhux it-triqat taż-żonqor iżda t-triqat tal-qalb tagħna – xi ħaga ftit iktar diffiċċli.
Is-Sena tal-Ħniena tiġi biex aħna nilqgħu din l-aħbar it-tajba, ‘Evanġelju’, għax hekk tfisser aħbar it-tajba, li ġej is-sultan, imma mhux is-sultan ġej, ġej il-Mulej! U l-Mulej, kemm f’Isaija kif ukoll fil-Vanġelu tat-twelid ta’ Ġesù, ġej bħala ragħaj. Jekk intom taqraw l-aħħar parti tal-Ewwel Qari tal-lum tindunaw li dan li ġej mhux ġej bl-azzarini jew bl-armi jew bl-armamenti, ġej ragħaj!
Lejn tmiem l-Ewwel Qari jissemmew in-nagħaġ b’saħħithom li “imexxihom b’żelu kbir”, imbagħad jisemmre dawk li huma l-iżjed dgħajfin: in-nagħġa li qiegħda tredda u l-ħaruf. Huma żewġ kategoriji vulnerabbli li għandhom bżonn għożża speċjali. U Isaija jgħid: “bil-mod imexxihom” (v 11). Jimxi magħhom skont is-sitwazzjoni u l-kundizzjoni tagħhom. Hekk jagħmel il-Mulej fil-ħniena tiegħu – juża l-liġi f’termini tekniċi tal-gradwalità, jimxi magħna pass pass, għandu paċenzja kbira. Jiena nagħmel ħafna proponimenti quddiem Ġesù u wara ftit sigħat, kollox jispiċċa, kollox isir suf! Se naqta’ qalbi? Le! Għax il-Mulej jagħdirni, jimxi miegħi bil-mod biex naslu. Taqtax qalbek! Dan huwa r-ragħaj ħanin li aħna qegħdin nafdaw ħajjitna f’idejħ illum, aħna u niċċelebraw il-festa tal-Magħmudija tal-Mulej.
Xi tfisser din il-Magħmudija tal-Mulej? F’liema element tgħammed il-Mulej? Il-Magħmudija, baptizzo, il-verb bil-Grieg tfisser li togħdos. Hu għodos fl-ilma tal-Ġordan. L-ilma huwa element ta’ negattività. Hu ndifen fl-ilma, niżel fl-abbiss tad-dnub tagħna u għalhekk kienet il-Magħmudija ta’ penitenza dik li offra Ġwanni. Hu qalilhom: ‘Jiena ngħammed bl-ilma, l-element li qed nuża’ huwa element negattiv, jiena infakkarkom fi dnubietkom biex intom terġgħu tirritonnaw lejn ħajja tajba. Imma ġej xi ħadd warajja li se jgħammidkom, se jgħoddoskom fil-ħajja tal-Ispirtu s-Santu u fin-nar’ (ara Lq 3, 16).
In-nar huwa element li jippurifika, element li jsaħħan, l-enerġija, jaf jeqred ukoll kif nafu. Bejn in-nar u l-ilma. Dawn iż-żewġ elementi li huma wkoll elementi ta’ qerda li nsibuhom fl-istess Vanġelu llum – l-element tan-nar u l-element tal-ilma. Illum tassew aħna ninsabu bejn in-nar u l-ilma, kif ngħidu bil-Malti, imma huma elementi li mhux biss jagħtu skossjatura lill-kuxjenza tagħna imma jistednuna għal ħajja rżina, dak li jsemmi San Pawl fit-Tieni Qari fl-Ittra lil Titu: “dehret, dehret it-tjieba tal-Mulej, tas-Salvatur tagħna Ġesu” (ara Tit 2, 11).
San Pawl juża żewġ kelmiet fit-tieni qari: il-grazzja u l-ħniena, li huma sinonimi, jiġifieri huma żewġ faċċati tal-istess munita. Alla jieħu grazzja miegħi, kif jgħid San Pawl stess: “mhux għax kellna xi mertu tagħna, imma għaliex ħabbna minn dejjem u jħenn għalina, ma jaqtax qalbu minna” (ara Tit 3, 5). Għalhekk, aħna, f’liema ċirkostanzi qegħdin, nersqu quddiemu u niftakru li ismu huwa Ġesù, Ġesù Redentur, iben Marija, dik li qaltilna: “agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2,5), dik li ġabitu fid-dinja biex ikun magħna, Għimmanu-El, ‘Alla magħna’. B’hekk jerfgħana mill-jasar ta’ dnubietna u jagħtina futur.
Every saint has a past, and every sinner has a future. Il-qaddisin kollha xi darba żelqu fin-niexef, kollha barra l-Madonna, barra Marija Bambina, dik l-eċċezzjoni. Imma kull midneb għandu future, hemm tama għal kull wieħed u waħda minna. Għalhekk, quddiem il-Mulej, il-qaddisin u l-midinbin huma fuq l-istess livell: wieħed jirringrazzja u jgħidlu “ibqa’ ħu ħsiebi” u l-ieħor jgħidlu “nersaq lejk u ħu ħsiebi iżjed minn qatt qabel”.
Ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej talli l-element negattiv tal-ilma tah ukoll il-qawwa tal-fejqan spiritwali. Aħna tgħammidna bit-traxxix tal-ilma u nroxxu fuqna l-ilma mbierek b’tifkira tal-Magħmudija tagħna. L-aħwa, il-Magħmudija tagħna hija stedina kontinwa biex aħna nersqu lejn Ġesù f’din is-Sena tal-Ħniena. Ejjew nersqu lejh fis-sagrament tal-qrar u fl-Ewkaristija. Fih hemm kull kelma li jrid jgħidilna l-Missier, fih il-Missier sab il-għaxqa tiegħu u l-kelma li qal fuq Ġesù fil-Magħmudija tiegħu, jgħidha fuq kull wieħed u waħda minna: “dana hu ibni l-għażiż, din hija binti l-għażiża, fiha sibt, fih sibt, il-għaxqa, tiegħi” (ara Lq 3, 22).
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
Photos: Curia Communications Office