Caritas Malta fetħet uffiċjalment binja li għadha kif ġiet rinovata li fiha se tilqa’ tfajliet, nisa u ommijiet li qed isegwu programm residenzjali ta’ riabilitazzjoni mid-droga.
Is-Sur Leonid McKay f’kelmtejn tal-okkażjoni qal li din kienet ħolma ta’ ħafna snin li n-nisa jkollhom post residenzjali kif jixraqilhom. Għal diversi xhur saru diversi laqgħat biex anki jiġi ddentifikat il-post, anki saru laqgħat ma’ tim magħżul ta’ esperti fil-qasam biex il-programm jevolvi għaż-żminijiet tal-lum. “Dan mhuwiex servizz ġdid li qed inniedu anzi tajjeb ngħid li n-nisa ilhom jieħdu servizz kontra l-abbuż tad-droga minn meta l-ewwel darba infetaħ ċentru ta’ riabilitazzjoni madwar tletin sena ilu, imma illum qed ninawguraw binja li se jkollha l-ispazju meħtieġ fejn in-nisa se jkunu jistgħu jaħdmu fuqhom infushom, fi struttura adekwata u xierqa”, qal is-Sur Mckay filwaqt li kompla jispjega li l-binja li qed tiġi inawgurata rat diversi servizzi u programmi tal-Caritas fil-passat u l-aħħar li kienet qed tiġi utilizata bħala xelter għall-irġiel qabel jidħlu fl-istruttura ta’ programm f’San Blas.
L-istatistika turi li fl-2015 kien hemm żieda gradwali ta’ nisa li resqu lejn is-servizzi tal-Caritas u 18-il mara għaddew mill-programm strutturali. Illum l-istruttura tieħu madwar 13-il sodda u l-programm se jippermetti li jsiru modi ġodda ta’ riabilitazzjoni. Diversi residenti jiġu għall-programm waqt li qed jiskontaw sentenza relatatta mad-droga fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u wkoll persuni li jkunu qed jieħdu kura fl-Isptar Monte Karmeli fiz-zona magħrufa DDU – Dual Diagnosis Unit.
Is-Sur Leonid McKay introduċa lill-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Fondazzjoni għar-Riabilitazzjoni tad-droga. Dawn huma: il-President Emeritus George Abela, is-Sur Anġlu Fenech, is-Sur Joe Gatt, Is-Sur Mario Grech, Is-Sur Franco Masini, Prof Janet Mifsud, Is-Sur Maurice Xuereb u Is-Sur Winston Zahra. Is-Sur McKay irringrazzjahom tal-ħidma u s-sapport tagħhom biex is-servizzi tal-Caritas jibqgħu jiġu aġġornati għaż-żminijiet tal-lum.