• On Thursday 11th August 2016, Archbishop Charles J. Scicluna, met with the young pilgrims who came back from World Youth Day in Poland. Many youths from different youth groups and communities shared their experiences of Krakow with the Archbishop, who was very touched by their testimonies. The event started with a session of prayer and meditation, followed by experiences given by the pilgrims. Many youths shared their experiences, and the recurrent theme was that of a Universal Church and living an authentic Catholic life. The meeting ended with a final message by the Archbishop, in which he reminded pilgrims on the Catholic roots of our Nation, and not to be afraid to stand up for their faith.
     

    Message by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Oratorju MSSP, Birkirkara
    11 ta’ Awwissu 2016
    L-ewwel nett niringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom illejla, grazzi ħafna talli ġejtu, perswaz li kellkom affarijiet oħra x’tagħmlu u napprezza ħafna l-isforz tal-preżenza tagħkom kull meta nippruvaw niltaqgħu. Naf li diffiċli imma nixtieq li nkunu nistgħu niltaqgħu regolarment biex nismagħkom u tisimgħuni.
    Illum smajtkom wara li għamiltu din l-esperjenza memorabbli, ma tinsewha qatt anke għaliex hija dejjem esperjenza ta’ nuqqas kbir ta’ kumdità, ta’ sforz fiżiku notevoli imma hija esperjenza tal-Knisja. esperjenza ta’ Knisja Kattolika, katholou bil-Grieg tfisser universali. Il-Mulej takom din il-grazzja li taraw b’għajnejkom u tmissu b’idejkom il-Kattoliċità tal-Knisja, il-Knisja imferrxa mad-dinja kollha. Inti forsi sa xahar ilu, jew xahrejn ilu kont tista’ taħseb fiha din l-idea; illum m’għadhiex iżjed idea, hija esperjenza u intom tirrealizzaw meta l-esperjenza tiftaħlek beraħ perspettivi differenti, inkluż, per eżempju, is-sejħa missjunarja. Min jaf ’il quddiem il-Mulej ikunx qiegħed iħabbat fuq il-bieb ta’ qalbek biex inti tagħti ħajtek lid-dinja, mhux biss hawnhekk.
    It-tieni esperjenza hija mhux biss għall-universalità tal-Knisja, il-Kattoliċità tagħha, imma bħalma bħalma għedtilkom qabel, tirrelizza li m’intix waħdek. Issa inti ser tirritorna fl-ambjenti tal-istudju, l-università, tax-xogħol, forsi anke tad-dar. Tgħix bħala Nisrani tħossok f’minoranza, jekk ma tħossokx ukoll imwarrab. F’dawk il-mumenti taqtax qalbek, ftakar fl-esperjenza li għaddejt minnha u għid: ‘imma jien m’inix waħdi’.
    Kellkom ukoll esperjenza sabiħa, għalkemm forsi mill-bogħod, imma kontu fl-istess Campus Misericordiae mal-Papa Franġisku. Il-kelma tiegħu kienet kelma sempliċi imma profonda. Intom tikkonfermawli kemm kienet kelma wkoll diretta mingħajr liwi, anke mingħajr kantunieri. Qalielkom fil-Velja li rridu ninsew, bħala Nsara, il-kumdità tas-sufan u rridu nixhdu, inkunu xhieda għall-Ġesù.
    Forsi intom ma kellkomx ċans issegwu imma kienet interesanti ħafna, nissuġerilkom issegwuha mbagħad fuq YouTube ’il quddiem, il-laqgħa li kellu mal-voluntiera, għoxrin elf fit-Tauron Arena u hemmhekk il-Papa kellu diskors, u qalilhom tliet kelmiet: il-memorja, il-kuraġġ u t-tama. Jiena u nisimgħu, għedt: ‘dawn huma kelmiet li ż-żgħażagħ Maltin għandhom bżonn jisimgħu’. Jekk ma smajtuhomx intom għax intom min jaf fejn kontu dak il-ħin, forsi kontu għadkom qed tippruvaw toħorġu mill-Campus Misericordiae, imma meta qal il-memorja, x’jiġifieri? Aħna l-Kattoliċi, aħna l-Kattoliċi Maltin, ma nistgħux ninsew l-għeruq tagħna.
    Il-Papa qal: ‘tkellmu man-nanniet tagħkom dwar il-fidi’. Ħafna drabi mal-ġenituri ma tantx ikollok ċans, forsi min għad għandu nanniet u min m’għandux nanniet, l-anzjani tagħna. Irridu niskopru l-għeruq tal-fidi tagħna, imma l-għeruq vera, mhux biss it-tradizzjonijiet li bihom aħna nimmarkaw il-ħin, l-età, il-ħajja u l-mewt. Imma anke l-istorja Nisranija ta’ pajjiżna li wħud jixtiequ jerġgħu jiktbu, fejn uħud minhom jixtiequ li qatt ma kienet teżisti. Aħna qegħdin biex ngħidu: ‘aħna neżistu, aħna għandna memorja, aħna għandna storja’. Kemm kien hemm pajjiżi, kemm kien hemm bnadar, staqsu lilkom infuskom minn dawk il-pajjiżi kemm saru Nsara bil-predikazzjoni ta’ San Pawl. Ftit! Ftakru min intom, ftakru minn fejn ġejtu. U aħna l-memorja tagħna hija: San Pawl, dak kollu li jgħid ikellem lill-qalb tiegħi.
    Imbagħad il-Papa tkellem fuq il-kuraġġ. Aħna l-Maltin, bħala Nsara, għandna bżonnu ħafna l-kuraġġ għaliex hemm barra hemm min meta niftħu qalbna, bħalma jgħid San Pawl lil Timotju, “widnejh tiddarras, agħlqu ħalqkom”. Imma aħna jrid ikollna l-kuraġġ biex inkunu xhieda.
    Intom rajtu espressjonijiet li huma paradoss għalija. Paradoss ifisser xi ħaġa, bħalma kien jagħmel Ġesù bil-parabboli, jgħid: “Iżjed faċli li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed li marbut mal-għana tiegħu, jidħol fis-sema”. Kien hemm Martha qalet: ‘ħadd ma refagħni’ u aħna ċapċapnilha għax nimmaġinaw dak il-povru li ried jerfagħha. Imma kien qed jerfagħkom, anke lilek Martha, xi ħadd li huwa setgħan, il-Mulej. Tista’ tgħidli, ‘ħadd ma refagħni’ imma tassew li l-Mulej jerfagħkom il-ħin kollu u f’kull jum ta’ ħajjitkom.
    Il-Papa semma l-paċenzja u l-ġuħ. Warren, inti għaddejt mill-ġuħ, apprezzajt ukoll xi tfisser li tipprova tmur tixtri l-ikel u jgħidulek: ‘spiċċa’. Bħalma ġralhom anke f’Kana, li kien spiċċalhom l-inbid. Imma mbagħad tkellem fuq ġuħ spiritwali, il-ġuħ għall-Ewkaristija. Jiena impressjonajt ruħi ħafna, kull darba tiġri, li meta jkun hemm is-Sagrament waqt il-Velja allavolja quddiem mijiet ta’ eluf ta’ żgħażagħ, jaqa’ s-silenzju. U għalija – imma dik hija xi ħaġa personali – għalija dak is-silenzju – għax tirrepeti ruħha f’kull World Youth Day – huwa l-ikbar att ta’ fidi taż-żgħażagħ tagħna għaliex ħin minnhom – u din fl-ebda kunċert tad-dinja ma tiġri – f’ħin minnhom iż-żgħażagħ jindunaw li qegħdin fil-preżenza reali ta’ Ġesù Ewkaristija u li hu huwa ċ-ċentru.
    U ftakruh dak il-mument, ftakru wkoll f’dawk ix-xemgħat li eluf ta’ żgħażagħ kellhom f’idejhom, id-dawl fid-dlam, u l-fidi tagħna li qawwija fis-skiet mingħajr storbju, imma fl-għotja tal-ħajja, tlieta li mietu qabel u fiż-żmien il-World Youth Day. Il-Pollakk, ninsa x’ismu li kien designer ta’ ħafna affarijiet li miet bil-cancer. Ħuh ta testimonjanza li kien ipprepara diġà u ma laħaqx qraha, quddiem il-Papa meta kellem il-voluntiera l-Papa. Ma kienx għall-World Youth Day seminarista li miet l-Amerka li pprova jsalva lil xi ħadd u ntilef fix-xmara, imbagħad sabuh il-ġimgħa li għaddiet. Seminarista li kien qed jistudja għas-saċerdozju li ta ħajtu biex isalva persuna oħra. Waħda minnkom, Taljana, li mietet kif irritornat mill-World Youth Day l-Italja, mietet minħabba l-meninġite, marret għall-World Youth Day għall-pellegrinaġġ għall-Polonja u mill-Polonja hi u sejra Ruma, marret il-ġenna.
    Aħna għandna l-passaport Malti, kburin bih, imma għandna passaport ieħor: tal-ġenna, is-sema pajjiżna. Kemm rajtu bnadar inkluż tal-Panama, kemm rajtu bnadar, hemm bandiera waħda li ma kienitx rappreżentata ħlief waqt l-adorazzjoni tas-Sagrament, u waqt il-quddiesa, hija dik tal-ġenna. It-triq għall-ġenna hija iebsa u fl-istess ħin faċli. Hija iebsa jekk tipprova tagħmilha waħdek, impossibli, tippruvax; hija faċli hekk tiggranfa ma’ Ġesù u mhux biss tgħidlu: ‘I need you’ imma ‘forgive me, have mercy’.
    Mela min għamel din l-esperjenza ma jinsa qatt lil San Ġwanni Pawlu II u Santa Faustina Kowalska, dawn iż-żewġ appostli tal-ħniena ta’ Alla. Ftakru li din l-esperjenza kienet ukoll biex tikkonvinċik li tagħmel x’tagħmel, tkun min tkun, Alla jħobbok u jħenn għalik. Dan huwa messaġġ li ż-żgħażagħ Maltin għandhom bżonnu u intom li ngħatajtu din il-grazzja b’ħafna strapazz, intom li ngħatajtu din il-grazzja, ippermettuli ngħidilkom li għandkom ukoll responsabbilta’. Bħalma qalilkom il-Papa: ‘b’xejn ħadtu, b’xejn nagħtu’. Tgħidli mhux ‘b’xejn eżattament’ għax jiena naf dik l-għadma kemm għadha tuġagħni, b’xejn in inverted commas, imma inti tifhem meta tirrealizza li ħadt ħafna iżjed milli qatt stennejt.
    Intom iltqajtu ma ħafna nies, min għal ħames minuti u min waqt li qed tistkenn mix-xemx. Kien hemm ix-xita u kien hemm ix-xemx. Dik ix-xita qabditkom anke fil-Campus Misericordiae, jiġifieri kellkom il-four seasons. Waqt li tifakru f’dawn, nispera li ċertu ħbiberijiet jibqgħu anke permezz tas-Skype, tal-internet illum hemm faċilità. Importanti ħafna li minn din l-esperjenza tiltaqgħu verament ma’ Ġesù. “Ejjew għandi intom ukoll li intom imħabbtin u mtaqqlin u jiena nserraħkom għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli”. Jiena nberikkom, nawguralkom, nagħmlilkom kuraġġ. Tinsewx il-memorja, tinsewx tkunu ta’ kuraġġ għax hekk intom it-tama tad-djoċesi. Kunu mberkin.
     
    ✠ Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
  • Photos: Curia Communications Office; Simon Borg and Maria Cachia – ŻAK