• **** 

    Direttur: Antoine Fuqua

    Attur: Danzel Washington, Chris Pratt, Ethan Hawke, Vincent D’Onofrio, Byung-hun Lee, Manuel Garcia-Rulfo, Martin Sensmeier, Haley Bennett u Peter Sarsgaard

    Ħin tal-Film: 133 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15

    Raħal ġewwa Mexico, minn żmien għal żmien, kienu jiġi attakkat u misruq minn dak kollu li kellu minn numru ta’ briganti, mmexxija minn Calvera. Jum wieħed, waqt attakk minn dawn il-briganti, Calvera mhux biss iwwissi li sejjer jerġa’ jiġi fi żmien qarib, iżda anke, qabel ma telaq, qatel xi nies kiesaħ u biered u ħaraq il-kappella. Il-mexxejja tar-raħal jiddeċiedu li jieħdu azzjoni u jmorru ġewwa belt fl-Amerika fejn hemm kienu lesti li jpartu l-ftit ġid li għad kellhom ma’ armi biex b’hekk ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom. Meta jkunu hemm, jiltaqgħu ma’ Dodge Chris li sema’ bl-inkwiet li kellhom. Chris jissuġġerixxi li jkun aħjar għalihom li minflok jixtru armi, jikru numru ta’ irġiel  magħżula biex ikunu jistgħu jiddefenduhom. Chris wiegħed ukoll li jkun hu li jsib in-nies. Fost dawn sab lil Chico, lil sieħbu Harry Luck, Vin, Bernardo O’Reilly, Britt u Lee. Dawn is-seba’ ġellieda ma kienu jibżgħu minn xejn. Hekk kif jaslu fir-raħal jibdew iħejju lir-raħħala biex jiddefendu ruħhom billi jtuhom taħriġ fuq l-użu tal-armi. Ir-raħal apprezzawhom ħafna u għalkemm ftit li xejn kellhom x’joffru bħala ikel minħabba li kienu ġew misruqa minn Calvera. Iżda għamlu ħilithom biex jtuhom dak kollu li kellhom bżonn anke li kienu lesti li jiċċaħdu huma. Fi ftit żmien, dawn is-seba’ ġellieda qalbiena, daħlu fl-ispirtu tar-raħal għalkemm kien hemm biża’ kbir għal dak li kien sejjer jseħħ. X’jiġri meta l-ħin tal-prova jasal u Calvera ġie lest biex jattakka r-raħal u jgibu fix-xejn? Tgħid ir-raħħala jagħmlu biżżejjed ħilithom u juru kuraġġ biex flimkien mas-seba’ ġellieda,  joffru reżistenza qawija lil Calvera u sħabu?

    Film Amerikan, mimli azzjoni taħt id-direzzjoni ta’ Antonio Fuqua, kitba ta’ Nic Pizzolatto u Richard Wenk,  hu film li kien ġa nħadem bl-istess fis-sena 1960. Il-film illaqqgħana ma’ seba’ ġellieda qalbiena li kienu jafu sew x’missjoni kienu daħlu għaliha biex jiddefendu raħal li kien jinsab f’qagħda mwegħra. Minħabba l-vjolenza u qtil kiesaħ u biered, kif ukoll kliem goff ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax –il sena.