• ***

    Direttur: J. A. Bayona

    Atturi: Sigourney Weaver, Felicity Jones, Toby Kebbell, Lewis MacDougal u  Liam Neeson

    Ħin tal-Film: 108 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd. 

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12

    Conor O’Malley spiss kien jqum bl-istess ħmar il-lejl li kien beda jesperjenza dawn l-aħħar xhur. Eżattament seba’minuti wara nofsillejl, leħen kien jsajjaħlu minn barra. Il-kamra tas-sodda kienet tħares lejn kappella u ċimiterju żgħir imkennen minn siġra kbira dejjem ħadra, b’weraq ħodor skuri qishom labar u frott żgħir aħmar. Lejl minnhom, Conor jersaq lejn it-tieqa u hemm  jiltaqa’  ma’ mostru enormi li fil-fatt kien li sejjaħlu, mostru maghmul minn ħafna friegħi  u weraq f’sura ta’ bniedem uman. Il-mostru xejn ma ħa pjaċir li Conor ma beżgħax meta rah. Il-mostru ppretenda li hu kien il-verżjoni ta’ raġel aħdar u jwissi lil Conor li kien sejjer jirrakkontalu tliet stejjer u wara li jispiċċa hu, Conor kellu  jirrakkonta storja hu stess u u li jekk ma tkunx veru, il-mostru kien lest li jieklu. Wara din l-ewwel laqgħa, il-mostru baqa’ jiltaqa’ ma’ Conor, dejjem seba’ minuti wara nofsillejl,  biex jirrakkontalu l-istejjer li kien qallu li kien sejjer jgħidlu. L-istejjer li l-mostru kien jirrakkontalu kienu kollha juru d-diffikultajiet li l-bniedem kien jiltaqa’ magħhom tul ħajjtu.  Bejn storja u oħra nsiru nafu li omm Conor, din l-aħħar sena, kienet mardet serjament  b’kanċer terminali u li kienet qegħda tieħu l-kura ta’ kimoterapija. Riżultat ta’ dan, Conor għal ħafna ħin kien ikun waħdu u iżolat. Missieru li kien moħħu  iktar fil-familja l-oħra li kellu ġewwa  l-Amerika,  ftit li xejn wera interess f’dak li kien qiegħed jiġri n-naħa l-oħra tal-oċean. Biex tkompli teħżien il-qagħda għal Conor, ir-relazzjoni  ma’ nanntu xejn ma kienet tajba. Conor ukoll ma kienx isibha faċli fl-iskola fejn kien vittma ta’ bullying. Riżultat ta’ din il-qagħda, Conor inqata’ minn kuntatti soċjali ħlief dak tal-mostru. Xi storja kien sejjer jgħidlu lill-mostru hekk kif il-kundizzjoni t’ommu tkompli tmur għal agħar? Kif sejra tintemm din ir-relazzjoni li Conor bena mal-mostru?

    Film ta’ fantasija drammatika, taħt id-direzzjoni ta’ J. A. Bayona, u msejjes fuq novella eponomika, miktuba għat-tfal minn Patrick Ness.  Film bi storja tajba izda minnħabba xi ftit ta’ vjolenza u numru ta ‘ diskussjonjiet fuq il-mewt u xeni emozzjonali, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.