• Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Il-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta
    20 ta’ Diċembru 2018

    Nixtieq inwassal l-apprezzament tal-Knisja u tal-poplu Malti li jsir fil-Qrati tal-Ġustizzja. Kif għedt inti mhux faċli u kultant huwa xogħol ingrat. Napprezzaw ukoll li naraw fil-ġudikatura u fil-maġistratura tagħna l-impenn għall-ekwilibriju u għall-imparzjalità. Ħafna drabi jkun hemm min idaħħal id-dubji imma jiena nieħu pjaċiir ninnota ġudizzji li huma verament ekwilibrati u li jħarsu lejn il-ġid komuni. Ħafna drabi l-ġudikatura u l-maġistratura jintalbu affarijiet mhux faċli imma dak huwa sinjal mhux biss ta’ fiduċja imma sinjal li l-irwol tagħkom huwa rwol essenzjali għad-demokrazija.


    Qrati li jiddefendu l-batut

    Aħna għandna bżonn qrati li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd; għandna bżonn qrati li jiddefendu lid-dgħajjef kontra min hu arroganti; għanda bżonn qrati li huma verament qrati tal-ġustizzja u qatt strument tal-poter. Jiena naħseb li din hija l-glorja tal-ġudikatura għaliex mhux faċli tibqa’ toffri dan is-servizz lis-soċjetà. Pereżempju aħna s-saċerdoti u r-reliġjużi, nisa u rġiel, b’xi mod irridu nagħtu xhieda tal-ħajja tagħna. Kultant meta niżolqu nagħmlu iżjed ħoss u intom qegħdin fl-istess sitwazzjoni tagħna għaliex hemm l-istandards li s-soċjetà, ġustament ngħid, tippretendi minna.

    Il-Papa darba semma immaġni li baqgħet miegħi u nħobb nirrepetiha. Meta taqa’ siġra fil-foresta tagħmel ħafna ħoss, imma l-foresta li tikber, tikber fis-silenzju. Naħseb li anke meta naffaċċjaw wiċċna ma’ dgħufija personali tal-membri tal-istituzzjonijiet rispettivi tagħna, ikun mument ta’ umiljazzjoni kbira, kważi ta’ disfatta, imma ma nistgħux naqtgħu qalbna għaliex is-servizz lill-poplu huwa dovut u s-servizz li intom tagħtu lir-Repubblika u lill-istituzzjonijiet tagħha huwa essenzjali.

    Nawguralkom ħidma fejjieda. Nawgura lilek, Sur Prim Imħallef, fil-bidu ta’ dan ir-rwol daqshekk importanti u ta’ garanzija. Jiena nifhem ukoll li l-ġudikatura tibqa’ punt ta’ riferiment anke meta tkun giubilata, għaliex ħafna drabi s-soċjetà tħares lejn il-membri tal-ġudikatura u l-maġistratura bħala riferiment. Naħseb li dan huwa sinjal ta’ fiduċja u ta’ garanzija. Jalla jibqa’ hekk.

    Qed nieħu pjaċir ninnota li qed jonqsu l-kawżi pendenti imma fl-istess ħin l-interreliġjożità tagħna qiegħda tikber għaliex qed inkunu f’ambjent kosmoplita. Nifhem ukoll, u jiena magħkom, li rridu nitgħallmu fuq affarijiet oħra bħal Bitcoin u Blockchain u min jaf f’liema avventuri legali se jpoġġuna fihom. Imma fl-istess ħin nieħu pjaċir li s-sentenzi, almenu dawk ċivili, tista’ ssibhom fuq l-internet għaliex fi żmienna kellna mmorru nfittxu f’dawk il-volumi kbar u noti biex insibu sentenza!

    Fl-aħħar nett, Sur Prim Imħallef, ippermettili nippreżentalek it-tielet volum tal-omeliji tiegħi. Kull sena jkun hemm iżjed paġni u qaluli li hemm 170 diskors li saru f’sena. Prattikament qisu diskors kull jumejn, nassigurakom li norqod ukoll.

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  •