-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Il-Knisja Parrokkjali tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Ħamrun
14 ta’ Frar 2019Kemm hi ħaġa sabiħa li din il-komunità parrokkjali tal-Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun illumqed tirringrazzja lil Alla u turi apprezzament għall-ħajja ta’ saċerdot li ta ħajtu għaliha. Għax Dun Edgar Vella, li twieled bħal-lum 100 sena ilu u li għex ħajja pjuttost qasira ta’ 43 sena, nistgħu ngħidu li ta ħajtu għal din il-komunità snin ilu, qabel ma saret parroċċa.
Dun Edgar ħadem ħafna u stinka biex il-komunità jkollha din il-knisja. Raha tinbena biċċa biċċa bl-isforzi kbar li hu għamel flimkien ma’ oħrajn. Ma rahiex mitmuma l-knisja, imma seta’ jara mill-bogħod dak li kellha tkun. Il-kliem li jgħid Ġesù fl-Evanġelju llum: “Qed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup,” ifakkarna fil-missjoni li qeda Dun Edgar.
Illum ngħidu lil Alla grazzi ta’ dan is-saċerdot b’qalb kbira, mimli ħeġġa, li ħadem b’dedikazzjoni kbira u mingħajr waqfien, minkejja tant diffikultajiet u sagrifiċċji. Il-parroċċa Immakulata Kunċizzjoni tibqa’ dejjem rikonoxxenti lejn dan is-saċerdot.
Nixtieq li ma’ dan l-apprezzament u din il-gratitudni, nagħmel ukoll dawn it-tliet punti ta’ riflessjoni.
Saċerdoti li jagħtu ħajjithomL-ewwel nett f’Dun Edgar qed nagħrfu wkoll il-ħajja ta’ tant saċerdoti li ħadmu tul is-snin u li jaħdmu fis-skiet, fil-kwiet, mingħajr daqq ta’ trombi, mingħajr pretensjonijiet, b’impenn totali – fuq l-eżempju ta’ Marija. Kellna ħafna minn dawn, anke f’din il-komunità, u għandna ħafna fi żminijietna. Illum, aħna u niftakru f’Dun Edgar, nirringrazzjaw lil Alla u niċċelebraw il-ħajja ordinarja ta’ saċerdoti bħal dawn li jagħtu ħajjithom għall-poplu ta’ Alla.
Fl-aħbarijiet ftit jissemmew dawn is-saċerdoti, imma dawn huma l-iktar qrib il-mod kif jaħdem Alla – permezz tal-umli u tal-ħajja ordinarja ta’ kuljum. Hemm isir ħafna ġid, kif jista’ jgħid kull min gawda minn dawn is-saċerdoti. Għal kull wieħed li kultant nisimgħu bih minħabba xi ħaġa ħażina li jkun għamel, hemm mija u aktar li jagħmlu l-ġid. Dak li hu ħażin kultant jolqot l-għajn, u jintefa’ ħafna dawl fuqu, imma dak li hu tajjeb ħafna drabi hu bħal żerriegħa li tinżel fl-art u tindifen imma li tkun il-bidu ta’ ħajja ġdida.
Nixtieq li aħna lkoll naħdmu biex inxerrdu t-tajjeb, inwasslu l-ħajja ta’ dawk is-saċerdoti li forsi nafuhom personalment u li b’ħajjithom urew fedeltà sħiħa lejn is-sejħa li Alla għamlilhom.
Il-ħsad huwa kbirIllum fl-Evanġelju Ġesù għidilna: “Il-ħsad hu kbir tassew, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”. Nafu li minn żmien Dun Edgar ’il hawn komplew jonqsu ħafna s-saċerdoti; illum waranofsinhar stess saċerdot djoċesan ta’ 60 sena, Dun Noel Vella, għadda għall-ħajja ta’ dejjem, nitolbu għalih. F’Malta nofs is-saċerdoti djoċesani llum huma ‘l fuq minn 65 sena. Żdied ix-xogħol li jrid isir, u naqsu s-saċerdoti. Fost il-persuni ta’ ħajja konsagrata, hemm l-istess sfida kbira. Hemm bżonn nitolbu, kif jgħidilna Ġesù, biex ikun hemm aktar ħaddiema fil-ħsad tiegħu, u fl-istess waqt naħdmu ħa nrawmu komunitajiet li minnhom jistgħu joħorġu vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi ġodda.
Il-ħsad jibqa’ tiegħuNixtieqkom tinnutaw xi ħaġa partikulari f’li qal Ġesù. Il-ħsad hu tiegħu u jrid jibqa’ tiegħu. Dun Edgar dejjem għaraf li l-ħsad huwa tal-Mulej. Il-missjoni tiegħu kienet biex jaqdi lill-Mulej f’ħidma li tibqa’ tiegħu. Hu l-Ispirtu ta’ Alla li jaħdem kontinwment, u minna jitlob qalb miftuħa, kollaborazzjoni. Jekk nitilfu dan il-ħsieb, nibdew nimmaġinaw li l-ħidma hi tagħna u nsiru aħna l-protagonisti flok l-Ispirtu ta’ Alla. Il-Kelma ta’ Alla mhux aħna li nipposseduha, imma hi li trid tmexxina. Is-sagramenti m’aħniex aħna li qed noħolquhom, imma hu l-Ispirtu ta’ Alla li jaħdem permezz tagħhom.
Il-Papa Franġisku jispjega dan ċar. Ħa nsemmi xi ħaġa li jgħid dwar il-magħmudija, li hi s-Sagrament tad-dħul fil-komunità parrokkjali: “Meta aħna ngħammdu tarbija, f’dik it-tarbija jidħol fiha l-Ispirtu s-Santu, u l-Ispirtu s-Santu jkabbar f’dik it-tarbija, sa minn ċkunitha, il-virtujiet Insara li mbagħad iwarrdu.” Fi kliem il-Papa, jekk tgħid ma ngħammdux trabi għax għadhom żgħar u ma jistgħux jifhmu, u aħjar nistennewhom jikbru, ifisser li m’għandniex fiduċja fl-Ispirtu s-Santu.
Illum ngħidu grazzi lil Alla għal Dun Edgar, grazzi għal tant saċerdoti li qed jaqdu lill-Mulej b’ġenerożità. Nitolbuh, bl-interċessjoni ta’ Ommna Marija Immakulata Kunċizzjoni u ta’ San Ċirillu u San Metodju, li jkunu ħafna dawk li jwieġbu għas-sejħa biex ikunu saċerdoti skont il-qalb ta’ Alla, u nitolbuh li dejjem niftakru li l-ħsad huwa tiegħu, hu l-Protagonista, u aħna kollaboraturi tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju