L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Għażiż Fr Bernard, kemm hu sabiħ li l-bidu uffiċċjali tiegħek bħala kappillan ġdid ta’ Ħal Balzan qed isir f’din il-ġurnata meta mal-Knisja fid-dinja kollha niċċelebraw is-Solennità tal-Qaddisin Kollha!

Hemm rabta qawwija bejn dawn iż-żewġ okkażjonijiet. Il-festa tal-lum tfakkarna li lkoll kemm aħna msejħin għall-qdusija. U l-bidu tal-ministeru ta’ kappillan ifakkarna li l-missjoni tal-parroċċa hi proprju li tgħin lil kull persuna tiskopri u tgħix din is-sejħa għall-qdusija.

Il-qdusija hi għal kulħadd

Meta nisimgħu bil-qaddisin, forsi jiġuna f’moħħna persuni straordinarji: nies li għamlu għeġubijiet, taw ħajjithom għall-fidi jew ħallew marka kbira fl-istorja tal-Knisja. Huwa veru, hemm ħafna qaddisin li nafu sew il-ħajja tagħhom u huma ta’ għajnuna għalina. Imma l-qaddisin ma kinux kollha nies magħrufin. Kien hemm tant nies ta’ ħajja ordinarja li għexu ħajjithom b’sempliċità kbira imma fittxew li jogħġbu lil Alla! Dak li għenhom biex jikbru fil-qdusija hu li ħallew lil Alla jaħdem fihom u ppruvaw jgħixu kuljum skont l-imħabba tiegħu.

Il-qdusija ħafna drabi tidher f’affarijiet sempliċi: fil-paċenzja li nuru mal-oħrajn, fil-maħfra li nagħtu lil min weġġagħna, fl-onestà fuq il-post tax-xogħol, fis-servizz li nagħmlu b’ġenerożità u fil-ħin li nagħtu lil min hu waħdu jew waħedha.

Il-qdusija mhijiex li nkunu perfetti jew li qatt ma niżbaljaw. Hi li nħallu lil Alla jibdilna u jgħinna nħobbu dejjem aktar kif iħobb Ġesù.

Għalhekk, il-qdusija mhijiex riservata għal ftit magħżulin. Alla jsejjaħ lil kull wieħed u waħda minna biex insiru qaddisin. Fr Bernard, ftakar dejjem li din hi l-missjoni prinċipali tiegħek bħala kappillan: li tgħin lill-persuni jħaddnu s-sejħa tagħhom għall-qdusija.

Il-Beatitudnijiet: it-triq

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jitla’ fuq il-muntanja u jgħallem lid-dixxipli tiegħu. Dawn il-Beatitudnijiet (ara Mt 5:3-10) mhumiex biss kliem sabiħ. Huma stil ta’ ħajja. Huma triq li turina kif ngħixu bħala dixxipli ta’ Ġesù.

X’ifissru fil-ħajja tagħna?

Li nkunu foqra fl-ispirtu jfisser li nagħrfu li għandna bżonn ta’ Alla u li ma nistgħux nagħmlu kollox waħedna.

Li nħennu jfisser li nitgħallmu naħfru, nagħtu ċans ieħor u ma niġġudikawx lill-oħrajn, jew nieqfu fuq l-iżbalji tagħhom.

Li nkunu safja f’qalbna jfisser li nkunu sinċiera, nagħmlu l-ġid mingħajr ma nfittxu t-tifħir u nħobbu mingħajr ma nistennew xi ħaġa lura.

Li nkunu dawk li jġibu l-paċi jfisser li ma nġibux il-firda, ma nxerrdux it-tqassis, u nagħmlu ħilitna biex nirrikonċiljaw ruħna ma’ xulxin.

Li naħdmu għall-ġustizzja jfisser li nirsistu b’impenn għal dak li hu sewwa, anke jekk naffaċċjaw il-kuntrarju.

Kemm tinbidel dejjem għall-aħjar il-parroċċa tagħna meta ngħixu dawn il-Beatitudnijiet! Din hi l-qdusija li Ġesù jrid minna. Hi l-mod kif ngħixu ħajjitna kollha quddiem Alla.

L-iva li tbiddel il-ħajja

Hemm rabta oħra sabiħa mal-festa tal-lum. Din il-parroċċa hija ddedikata lil-Lunzjata, u Marija toffrilna l-isbaħ eżempju ta’ kif ngħixu s-sejħa ta’ Alla. Meta l-anġlu Gabrijel ħabbrilha l-pjan ta’ Alla, Marija ma kinitx taf x’kien se jiġri fil-futur. Ma kellhiex it-tweġibiet kollha. Imma għażlet li tafda f’Alla. U qalet: “Ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38).

Din l-iva ma kinitx biss kelma li qalet f’mument partikolari. Saret mod ta’ ħajja. Marija baqgħet tafda f’Alla anki meta l-mixja saret diffiċli, sa taħt is-Salib.

Marija tgħallimna li l-qdusija tibda meta niftħu qalbna għal Alla u nħalluh imexxina. U llum, hekk kif nibdew dan il-kapitlu ġdid fil-ħajja ta’ din il-parroċċa, u Fr Bernard qal “iva” bħal Marija, aħna wkoll mistednin ngħidu iva lil Alla. Iva biex nikbru fil-fidi, biex inkunu aktar ġenerużi, biex nagħtu każ ta’ min hu fil-bżonn. Iva biex ngħixu l-Evanġelju mhux biss bil-kliem, iżda bl-għemil.

Il-missjoni tal-kappillan

Il-kappillan għandu responsabbiltà tat-tmexxija u għandu ħafna ħidmiet fil-parroċċa: jiċċelebra s-sagramenti, ixandar il-Kelma ta’ Alla, jakkumpanja lill-familji, iżur lill-morda, jgħin lil min hu fil-bżonn, u ħafna u ħafna ħidmiet. Dawn huma kollha ħidmiet importanti. Imma jeħtieġ niftakru li għandhom għan wieħed u komuni: jgħinu lin-nies jiltaqgħu ma’ Ġesù u jikbru fil-qdusija.

Imma din il-missjoni l-kappillan ma jistax iwettaqha waħdu. Il-parroċċa hi lkoll kemm aħna, u lkoll imsejħin biex nagħtu sehemna flimkien. Il-mistoqsija tagħna ma għandhiex tkun: x’se jagħmel għalina l-kappillan il-ġdid? Imma għandha tkun: kif se nkunu mal-kappillan, kif se naħdmu id f’id miegħu, flimkien bħala komunità waħda, u ngħinu lil xulxin nikbru fil-qdusija?

Il-parroċċa ma tilħaqx l-għan tagħha sempliċiment jekk tkabbar l-attivitajiet li tagħmel, imma meta tikber fil-qdusija. L-akbar frott tagħha jidher meta n-nies jitgħallmu jħobbu aktar, jaħfru aktar, jaqdu aktar, u jagħtu xhieda lill-oħrajn li huma ta’ Ġesù.

Insiru parroċċa skola tal-qdusija

Il-qdusija tibda llum, fil-ħajja li qed ngħixu bħalissa. Tista’ tibda b’kelma ta’ faraġ lil min hu mdejjaq, bi żjara lil xi ħadd marid jew marida, jew b’deċiżjoni li nagħmlu dak li hu sewwa anki meta jkun diffiċli. Ma għandniex għalfejn inkunu perfetti biex nibdew. Jeħtieġ biss li nkunu lesti nħallu lil Alla jaħdem fina.

Għalhekk, hekk kif illum Fr Bernard jibda uffiċċjalment il-ministeru pastorali bħala kappillan f’din il-parroċċa, nitolbu għalih biex il-Mulej jagħtih l-għerf u l-għajnuna. U nitolbu li din il-parroċċa ssir dejjem aktar skola tal-qdusija. Li tkun post fejn nitgħallmu nħobbu kif iħobb Ġesù, naħfru lil xulxin u nieħdu ħsieb ta’ min hu fil-bżonn. Post fejn it-tfal, iż-żgħażagħ, il-familji u l-anzjani jsibu l-għajnuna biex jikbru fil-fidi. Post fejn ebda persuna ma tħossha waħedha jew minsija. Post fejn il-fidi ma tkunx biss kliem, iżda ssir ħajja, u mixja li twassalna għas-sema pajjiżna.

Lil Marija Annunzjata

Nitolbu llum lil Marija Annunzjata – Fr Bernard, int imrobbi taħt il-patroċinju ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Tarxien, u issa ġejt msejjaħ biex iservi bħala kappillan f’Marija Annunzjata, Ħal Balzan. Illum nitolbuha: Marija Annunzjata, ħares lill-kappillan il-ġdid. Għinna nkunu komunità dejjem aktar qaddisa, fejn ilkoll niskopru l-imħabba ta’ Alla u nitgħallmu kif ngħixuha fil-ħajja ta’ kuljum, kif inti għallimtna, O Marija Annunzjata.

Fr Bernard, il-Mulej ibierkek u jħarsek, u jalla tkun barka għal din il-parroċċa tagħna. Ad multos annos!

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti