L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-Evanġelju jintroduċi żewġ kategoriji mit-tmexxija reliġjuża ta’ żmien Ġesù: il-Fariżej u s-Saduċej. Dawn kienu kategoriji ta’ nies għorrief. Il-Fariżej kienu l-esperti fil-liġi, filwaqt li s-Saduċej kienu nies għorrief, iżda ma kinux jemmnu fil-ħajja ta’ dejjem. Għalihom, il-ħajja tispiċċa mal-mewt. U ladarba tispiċċa mal-mewt, ara x’tagħmel biex tgawdiha kemm jista’ jkun.
L-Evanġelju jgħidilna li Ġesù sadd ħalq is-Saduċej, li ma kinux jemmnu fil-ħajja ta’ dejjem, u wriehom li l-qawwa ta’ Alla hija l-qawwa ta’ Alla ħaj, li jagħtina wkoll futur lil hinn mill-mewt.
Għall-Fariżej, id-domanda fundamentali kienet kif, fost il-mijiet ta’ liġijiet li kellhom, isibu l-aktar waħda importanti, il-pedament ta’ kollox. “Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir fil-liġi?” (Mt 22:36).
Bħalma jiġri meta nazzjon ikollu bżonn ifassal il-liġi kostituzzjonali, dik li tibnih, u jistaqsi lilu nnifsu x’inhuma l-prijoritajiet tan-nazzjon li ngħixu fih. “Liema hu l-kmandament il-kbir?” (Mt 22:36).
It-tweġiba ta’ Ġesù tinġabar f’kelma waħda: l-imħabba. Fil-fatt, it-tweġiba tiegħu tibda bil-verb “ħobb”. Għalkemm huma żewġ kmandamenti, Ġesù jgħaqqadhom flimkien. Dawn iż-żewġ kmandamenti, li Hu stess jgħid li jixxiebhu, huma fuq l-istess livell u jagħtuna tliet imħabbiet: ħobb lil Alla, ħobb lill-proxxmu u ħobb lilek innifsek. Għaliex meta jgħallimna nħobbu lill-proxxmu tagħna, jgħidilna: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mt 22:39).

Mela Ġesù jibni, l-ewwel nett, fuq l-imħabba li hija istintiva, li nitwieldu biha. Innota tarbija, li b’xi mod taħseb li hija ċ-ċentru tal-univers, u hekk tippretendi. Għandha d-dritt li tippretendi li tingħata l-kura meħtieġa 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.
Min rabba, jew irabbi, jaf aħjar minni x’qed nipprova ngħid: iljieli bla rqad, inkwiet għax tela’ d-deni lit-tarbija, jew għax ma tridx tiekol. It-tarbija titwieled titlob kura totali. Aħna mbagħad, biex nimmaturaw — u nittamaw li jirnexxielna — noħorġu minn dik il-fażi li fiha aħna ċ-ċentru tal-univers u nindunaw li hemm nies oħrajn. Imma ma nistgħux ninsew li rridu nħobbu lilna nfusna.
Min iħobb lilu nnifsu jitgħallem iżomm il-qies f’kollox.
Tafu min iħobb l-aktar lilu nnifsu, ħuti? Min f’ħajtu jwarrab il-ħażin u jagħżel it-tajjeb. Trid tħobb lilek innifsek? Agħżel it-tajjeb, dak li hu sabiħ, dak li hu onest, dak li jġib il-paċi. Jekk tagħmel dawn l-għażliet, tkun qed tħobb lilek innifsek.
Ovvjament, it-tabib jgħidlek ukoll affarijiet konkreti dwar kif għandek tħobb lilek innifsek. Ħafna drabi, it-tobba, għalkemm mhux dejjem nieħdu pjaċir bihom, jgħallmuna t-triq tar-rażan, tal-kontroll tagħna nfusna u tal-qies. Min iħobb lilu nnifsu jitgħallem iżomm il-qies f’kollox.
Imma hemm ukoll, ħuti, l-għajrek, jiġifieri l-proxxmu tagħna. Għaliex ilkoll kemm aħna maħluqin xbieha ta’ Alla. Il-Mulej qed jgħidilna: ħobb lil għajrek, ħobb lill-proxxmu tiegħek. Kieku kull wieħed u waħda minna jagħti sehmu, skont ir-responsabbiltà tiegħu jew tagħha, biex nibnu kultura tal-imħabba, id-dinja tkun ħafna aħjar.

Ħuti, il-Kelma ta’ Alla mill-Ktieb tal-Eżodu li għadna kemm qrajna llum, tagħti lilna l-Maltin kelma qawwija u li ta’ min nagħtu kasha: “La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll kontu barranin… la taħqrux l-armla jew l-iltim, għax jekk taħqruhom, u huma jsejħuli, jien żgur nismagħha l-għajta tagħhom” (Eż 22:20-22).
Mela, li tħobb lil għajrek u, l-ewwel nett, li tħobb lil kulħadd, hu min hu! Dan ma jfissirx li ma nistgħux nippretendu li kulħadd iħares il-liġijiet tagħna. Imma lanqas ma jfisser li naċċettaw kollox. Aħna nilqgħu lil kulħadd, imma ma naċċettawx kollox. Għalhekk, min jiġi fostna m’għandux biss drittijiet, iżda għandu wkoll dmirijiet.
L-imħabba lejn il-proxxmu għandha tkun bħal dik ta’ Missierna
Madankollu, l-ewwel atteġġjament tagħna m’għandux ikun la l-mibegħda u lanqas l-intolleranza. L-imħabba lejn il-proxxmu tagħna mhijiex għall-Maltin u l-Għawdxin biss; m’għandhiex tikketti u lanqas kuluri. Intom tifhmuni xi rrid ngħid. L-imħabba lejn il-proxxmu għandha tkun bħal dik ta’ Missierna tas-sema, li “jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex” (Mt 5:45).
“Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek” (Mt 22:37). Jekk nimxu fuq dawn iż-żewġ binarji — l-imħabba tagħna nfusna u l-imħabba lejn il-proxxmu — inkunu qed nuru wkoll imħabba kbira lejn Alla. L-ewwel nett, għaliex jekk tħobb lill-proxxmu, tkun qed tħobb ix-xbieha ta’ Alla.
Lil Alla rridu nħobbuh skont dak li jgħidilna l-Mulej, li jikkwota mill-Ktieb tad-Dewteronomju: “b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu” (Dewt 6:5).
Wara kollox, aħna ġejjin mill-imħabba ta’ Alla. U t-tama tagħna hija li nerġgħu lura fi ħdan l-imħabba tiegħu. Bejn it-twelid tagħna u l-mewt, ħuti, ejjew nagħmlu triq ta’ mħabba. Ejjew inħobbu lil xulxin u lilna nfusna, u dak li ħalaqna fl-imħabba jilqagħna fl-imħabba.
Ejjew tassew, meta naħsbu dwar x’għandna nagħmlu bħala Nsara, nifhmu li Ġesù ġabar kollox f’verb wieħed, fi kmand wieħed, f’parir wieħed: “Ħobb”.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta





