L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jitkellem dwar il-fedeltà fil-missjoni tagħna. Hu juża espressjoni sabiħa ħafna. “Żommu ġenbejkom mħażma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula” (Lq 12:35).  Ħa nieqfu ftit fuq din l-espressjoni li juża l-Mulej waqt li jeżortana għall-fedeltà.

“Żommu l-imsiebaħ tagħkom mixgħula” (Lq 12:35).  Mhux biss isejħilna dawl tad-dinja imma jeżortana biex inkunu bħal dawk li fid-dlamijiet tad-dinja ngħaddu fost it-toroq tal-ħajja bil-musbieħ mixgħul. Waħda mil-mottos ta’ The Christopher (il-Christophers kienu NGO antika li kienu jipproduċu fuljetti żgħar bi ħsibijiet ta’ għerf kbir – The Christopher Notes) kien ‘Better to light a candle than to curse the darkness’. Aħjar tixgħel xemgħa milli tisħet id-dlam. Ħafna drabi t-tentazzjoni tagħna hi li naraw in-negattiv fil-ħajja. Il-Christopher Notes kienu jgħallmuk issaqsi lilek innifsek: ‘x’tista’ tagħmel biex dan id-dlam tal-ħajja u tad-dinja jonqos?’

Ġesù jagħti risposta llum: “Żomm il-musbieħ tiegħek mixgħul” (Lq 12:35). Mela b’xi mod il-Mulej qed jgħidlek: Jiena tajtek musbieħ. Issa ħu ħsieb li tħallih mixgħul jekk jogħġbok. Tajtek qalb tal-laħam. Twebbishiex. Tagħmilhiex tal-ġebel. Agħmel li l-ħarsa t’għajnejk, li ħloqthomlok jien, tibqa’ ħarsa ta’ ħniena. Agħmel li widnejk, li ħloqthomlok jien, dejjem jisimgħu l-kelma ta’ paċi fuq il-proxxmu. Agħmel li lsienek, li ħlaqthulek jien, ikollu dejjem kelma ta’ ġid għall-proxxmu. Għax wara kollox il-musbieħ tal-qalb, tal-moħħ, tal-għajnejn tagħna, tahomlna Alla imma jixtieq jibqa’ mixgħul bil-karità u l-imħabba. Għalhekk jgħidilna wkoll: “Kunu bħan-nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ” (Lq 12:36). Innutaw ġieli smajnieha, anke l-Ħadd li għadda, Ġesù kemm iħobb isemmi l-festa tat-tieġ. Festa ta’ ferħ, festa ta’ mħabba, festa li tagħti togħma ta’ tama u bidu ġdid lid-dinja. “Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru” (Lq 12:39).  

Patri Feliċjan Portelli ra d-dlam tat-tfal abbandunati, imneżżgħin mid-dinjità tagħhom għax ma baqax min jieħu ħsiebhom, jew għax ma setax minħabba l-faqar ta’ dak iż-żmien jew minħabba t-traġedja l-kbira tal-mewt u l-gwerra. Hu xegħel musbieħ ċkejken li għadu mixgħul sal-lum. Sema’ l-Kelma ta’ Ġesù u għexha. “Żommu l-imsiebaħ tagħkom mixgħula” (Lq 12:35).

Ma seħħitx id-dlam tal-abbandun tat-tfal innoċenti, ma seħħitx in-negliġenza li tagħhom kien vittma, imma għamel xi ħaġa. Ta ħajtu bl-għajnuna tas-sorijiet Dumnikani bħalma jixhdu r-ritratti li poġġejtu hemmhekk. Affaxxinanti! Mhux biss l-ordni li tispirak! Jiena ma kontx nafu għax dan miet fl-1952 fid-19 t’Ottubru. Meta tħares lejn ir-ritratti tiegħu tgħid dan kien bniedem ta’ dixxiplina, ta’ qalb kbira u ffissat fl-indafa għax meta tħares lejh tirrealizza li kien bniedem imlibbes impekkabilment. Hekk it-tfal u s-sorijiet. Dak huwa l-ispirtu ta’ min il-missjoni tiegħu, għalkemm abbandunat għal dak kollu li tipprovdi l-providenza, jeħodha bis-serjetà bħal dik il-lista kbira ta’ qaddisin li lil Ġesù kienu jgħidulu: ‘Mulej, inti jistħoqqlok l-aħjar.’

Jiena, l-ewwel darba li dħalt f’din il-knisja nifhem, jidher li hu xtaq kollox mill-aħjar. U hekk hu għax verament knisja sabiħa. Mhux biss hawn viżjoni imma hawn imħabba kbira biex ma ngħidux providenza kbira wkoll. Illum ma tagħmilhiex Madre Ġenerali, toħlomha biss! Dawn huma monumenti li jibqgħu jfakkruna f’tant nies fostna li hemm bżonn li nkunu nafu iżjed dwarhom, hemm bżonn napprezzawhom iżjed għaliex fid-dlamijiet tal-ħajja u tas-sekli, xegħlu l-musbieħ tagħhom bl-imħabba.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Efes 2:12-22
Responsorju: S 84 (85): 9ab-10,11-12,13-14
L-Evanġelju: Lq 12:35-38

Aktar ritratti