L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Waħda mill-affarijiet li l-aktar tolqtok f’dan ir-rakkont huwa kif ġew ikellmu lil Ġesù grupp mill-Fariżej u mill-Erodjani (ara Mt 22:15-16). Għalina, meta nisimgħu b’dawn it-tnejn, ngħidu: żewġ gruppi differenti. Imma li tolqtok huwa li dawn kienu jaħsbuha ħafna differenti – l-Erodjani kienu favur il-ħakma tal-Imperu Ruman, u l-Fariżej kienu pjuttost kontra ta’ dan, u riedu jmexxu ’l quddiem il-Liġi ta’ Mose. Imma għax riedu lil Ġesù jġibuh dahru mal-ħajt, ftiehmu bejniethom fejn is-soltu ma jkunux daqshekk jaqblu.

Riedu jġibuh dahru mal-ħajt

U mal-ewwel ġew ikellmu lil Ġesù. L-ewwel kliem li jgħidulu qisu ċertifikat bl-aktar kliem sabiħ indirizzat lil Ġesù. Jgħidulu: “Aħna nafu li inti raġel tħobb is-sewwa, it-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi…u lejn wiċċ ħadd ma tħares” (Mt 22:16) Ftit nies kellmu lil Ġesù bi kliem li daqshekk ifaħħru. Imma l-iskop tagħhom ma kienx li jfaħħruh, imma li minn hemm jimxu mbagħad għal dik il-mistoqsija li kienet qisha nasba lil Ġesù.

Ġesù qatt ma mpressjona ruħu b’ħafna kliem, wisq inqas b’li qalulu. Il-mistoqsija tagħhom kienet: “Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?” (Mt 22:17). Huma riedu tweġiba: “iva”, jew “le”. Għaliex? Għax jekk jgħid “iva”, jiġifieri qed jieħu n-naħa tal-ħakkiema, tar-Rumani, li kienu huma li jagħmlu din it-taxxa, u ħafna nies kienu kontriehom; jekk jgħid le, jiġifieri qed jgħidilhom: timxux skont il-liġijiet tagħkom.

Tweġiba li ma stennewhiex

X’għamel Ġesù? Jgħid dik is-sentenza li baqgħet magħrufa ħafna, imma mhux dejjem mifhuma kif qalha Ġesù. Jgħid: “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla” (Mt 22:21). L-ewwel ħaġa li ninnutaw, f’din ir-risposta ta’ Ġesù, hija li mhux biss ma jweġibx iva jew le, imma li daħħal xi ħaġa fin-nofs li huma ma daħlux. Ma jgħidx “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari”, u jieqaf hemm; imma jgħid: “Agħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla”. U għaliex qal hekk? Dawn ma staqsewhilux? Kif nifhmu tassew dak li qed jgħid Ġesù?

Ġesù qed jgħid: “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari”. Fil-fatt, staqsiehom biex jagħtuh munita tat-taxxa, hemmhekk kien hemm ix-xbieha ta’ Ċesari, u qalilhom: “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari”, li jfisser li aħna għandna nimxu mal-liġijiet ġusti tal-pajjiż, nuru rispett lejn l-awtorità ċivili, naqdu d-dmirijiet ċivili tagħna kif suppost, nimxu b’mod responsabbli.

Ta’ min hi x-xbieha?

Imma mbagħad Ġesù jżid: “Agħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla”. U x’inhu ta’ Alla? Jiġifieri nagħtuh xi ftit ħin fil-ġurnata? Nagħtuh xi mumenti partikulari, jew xi devozzjonijiet? X’inhu ta’ Alla? Ir-risposta nsibuha jekk aħna naraw proprju dak li għamel Ġesù meta qabad din il-munita. Għaliex qalilhom: “Ta’ min hi din ix-xbieha?” Ta’ Ċesari fuq il-munita, għalhekk “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari”. U x-xbieha ta’ Alla fejnha? Ir-risposta nsibuha fl-Iskrittura, fil-bidu nett, meta Alla ħalaq lill-bniedem “xbieha tiegħu” (Ġen 1:27). Mela kull persuna hija xbieha ta’ Alla. Mela meta Ġesù qed jgħid “Agħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla”, qed jgħid: int lil Alla għandek tagħtih lilek innifsek, għax inti xbieha tiegħu. Mhux tagħtih xi ħaġa, bħal dal-każ il-munita li turik x’għandek tagħti lil Ċesari. Mhux tagħtih biċċa minnek, imma tagħti lil Alla lilek innifsek.

Meta tagħti lilek innifsek lil Alla, jiġifieri inti qed tgħidlu: inti, Mulej, kun iċ-ċentru tal-ħajja tiegħi. Kun inti li tmexxini fil-ħajja tiegħi, li tagħtini d-direzzjoni fil-ħajja tiegħi, li turini dak li hu sewwa. Għinni biex qalbi tkun dejjem mimlija bik. Ara kemm hu sabiħ dan, u kemm jurina t-tifsira proprja ta’ dak li qed jgħid Ġesù. Għax meta aħna nagħtu lilna nfusna lil Alla, imbagħad hu jurina u jagħtina l-għerf biex nagħrfu nagħżlu t-tajjeb mill-ħażin. U nagħrfu wkoll, għalhekk, kif naqdu d-dmirijiet tagħna b’mod tajjeb fil-ħajja ċivili.

Alla jagħtina l-kriterju ta’ x’inhu tajjeb u ħażin

Imma rridu niftakru li Alla dejjem jiġi l-ewwel f’dak li jitlob minna u dak li jurina. Bħalma kienu jgħidu l-appostli meta jħabbru lil Ġesù: jeħtieġ li aħna nħabbru lil Ġesù li hu ħaj, “jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin” (Atti 5:29). Dal-kliem ta’ Ġesù lilna jagħtina dawl. Ħa nsemmi eżempju. Nagħmlu mod f’pajjiż ikollok liġi li tippermetti l-qtil ta’ dawk li għadhom ma tweldux, dawk li tnisslu imma mhux imwielda. Li qed jgħid Ġesù hu: ma jfissirx jekk għandek dil-liġi hi tajba għax hija liġi li għandek timxi magħha. Għax aktar minn hekk, għandek il-kelma ta’ Alla li tgħid: “la toqtolx”. Għalhekk, fid-dawl tal-kelma ta’ Alla, inti tagħraf li mhux sewwa li liġi tippermetti l-qtil. U l-istess, semmejt tal-bidu nett, imma anke fl-aħħar nett, meta persuna hija fil-mumenti tal-aħħar, jista’ jkollok liġi, bħalma hemm f’xi postijiet, li tippermetti li inti tgħin lill-persuna ttemm ħajjitha, toqtol lilha nnifisha. Imma dan imur kontra dak li jgħid Alla: “la toqtolx”.

Għalhekk hu importanti li niftakru li fid-dmirijiet tagħna, u fil-mod kif għandna nimxu b’mod responsabbli ċivilment, fil-ħajja tas-soċjetà, Alla jagħtina l-kriterju ta’ x’inhu tajjeb u ħażin, ta’ dak li għandna nagħmlu u ta’ dak li għandna nwarrbu, ta’ kif għandna nimxu. Dan hu s-sens ta’ dak li qed jgħid Ġesù: lil Ċesari nagħtuh dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.

Ċesari mhuwiex Alla

Meta qal hekk, Ġesù kien qed jgħidilhom xi ħaġa importanti ħafna fi żmienu: tagħmlux lil Ċesari alla. Għax fi żmienu, lil Ċesari l-imperatur kienu jagħtuh l-attribwiti ta’ Alla. Imma li qed jgħid jgħodd f’kull żmien: ebda awtorità, ebda bniedem ta’ poter hu min hu, ma għandna nqisuh qisu Alla; jiġifieri: li jgħid hu qisu ħiereġ minn fomm Alla. Kif smajna fil-Ktieb tal-Profeta Isaija llum: “Jiena l-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi” (Iż 45:6).

Nitolbu lill-Mulej illum il-grazzja li aħna nisimgħu u ngħixu dil-kelma tiegħu, b’mod li naqdu d-dmirijiet tagħna ċivili b’mod tajjeb, nuru rispett lejn l-awtorità ċivili imma niftakru li aħna xbieha ta’ Alla, u għandna nqiegħdu lilu l-ewwel, u jagħtina hu dejjem il-kriterji f’ħajjitna biex nagħżlu t-tajjeb u nwarrbu dak li jkun ħażin.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti