L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Nisel ħażin” (Lq 11:29). Dil-kelma li jgħid Ġesù hija kelma qawwija. Mhuwiex soltu li Ġesù jitkellem hekk fuq in-nies. Imma f’dal-każ, ried iwassal dan il-messaġġ lil nies li talbu minnu sinjal. Issa forsi aħna ngħidu: dawn xi xtaqu b’sinjal? Riedu xi ħaġa spettakolari, li tagħmel il-ħoss, li tgħaġġibhom, u jgħidu: ara dan veru, allura, huwa bin Alla! Imma, fil-fatt, Ġesù kien jaf li inutli. Tagħmel x’tagħmel, il-problema ta’ dawn in-nies ma kinetx li kellhom bżonn sinjal, imma li qalbhom kienet magħluqa għas-sinjali kollha li kien qiegħed jagħtihom. Din kienet il-problema, u għalhekk Ġesù jitkellem b’dal-mod iebes: “Nisel ħażin”.
X’inhu l-messaġġ għalina llum b’dan ir-rakkont tal-Evanġelju, u dan li jgħid Ġesù? L-ewwel nett, li fil-ħajja tagħna huwa importanti li jkollna qalbna miftuħa għas-sinjali li Alla jagħtina. Għax Alla ma jaħdimx normalment b’affarijiet straordinarji. Jiġru dawn, imma li jaħdem huwa b’affarijiet ordinarji. U kultant li jiġrilna hu li fit-tfittxija tagħna għal sinjali speċjali, ma nagħrfux is-sinjali li Alla jagħtina. Tgħiduli: bħal xiex? Per eżempju, persuna li tkun ta’ appoġġ għalik – sinjal tal-imħabba ta’ Alla; bniedem li jgħidlek kelma ta’ ġid f’mument iebes – sinjal dak, ukoll; xi ħadd li ta eżempju sabiħ ta’ maħfra – sinjal. Għandna dawn is-sinjali tal-ħajja ordinarja, u li jiġrilna kultant hu li ma nkunux qalbna miftuħa għalihom. Imbagħad nibdew naħsbu li rridu xi sinjal speċjali.
Min hu l-ikbar sinjali għalina? Hu Ġesù nnifsu. F’Ġesù aħna naraw l-ikbar sinjal ta’ Alla u tal-imħabba tiegħu. Għalhekk, iktar ma aħna nsiru midħla ta’ Ġesù, tal-kelma tiegħu, tal-ħajja tiegħu, iktar nagħrfu tassew is-sinjali li hu jagħtina. Meta inti tara lil Ġesù mimli kompassjoni – dak huwa sinjal tal-imħabba kbira ta’ Alla. Meta tarah ifejjaq il-morda, jeħles lill-persuni minn spirti ħżiena, meta tarah ifittex il-batut, ifittex lil min kien emarġinat; meta tarah jilqa’ lit-tfal, li d-dixxipli tiegħu stess kienu qed iżommuhom ’il bogħod minnu, u jgħid li tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet. F’kull ċirkustanza, għandna dejjem hemmhekk sinjal tal-preżenza u tal-imħabba ta’ Alla.
L-ikbar sinjal, naturalment, hu s-sinjal tas-salib – meta Ġesù jmut fuq is-salib, imbagħad iqum għal ħajja ġdida. Hemmhekk anke x-xebh ma’ Ġona, għax f’post ieħor jgħid Ġesù – kif Ġona kellu dik l-esperjenza li dam tlett ijiem u tlett iljieli f’ħalq il-ħuta, hekk ukoll bin il-bniedem jgħaddi minn din l-esperjenza tal-mewt biex imbagħad iqum għal ħajja ġdida (ara Mt 12:40). Li jixtieq minna hu li jkollna qalb miftuħa biex naċċettaw is-sinjali li hu jagħtina. Għalhekk Ġesù jsemmi lin-nies ta’ Ninwè, għax meta Ġona mar u wassal lilhom il-kelma ta’ Alla u ppriedka hemm, dawn nidmu u laqgħu s-sinjali li hu tahom bil-predikazzjoni. Ġesù qed jgħid lin-nies ta’ żmienu, u anke lilna, li hu jixtieq dil-qalb miftuħa li tilqa’ s-sinjali tiegħu.
U li ma tfittixx kontinwament affarijiet spettakolari! Aħna għandna dik it-tentazzjoni – it-tentazzjoni li nfittxu l-fenomeni. Jiġru dawn, imma jekk infittxuhom jew norbtu l-fidi tagħna magħhom, ikun żball. Tgħidli: imma f’dik l-għolja qed tiġri xi ħaġa speċjali! U x’jiġri hawnhekk fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa? X’jiġri aqwa fl-għolja milli jiġri hawnhekk meta l-ħobż u l-inbid isiru l-ġisem u d-demm ta’ Ġesù? X’hemm aqwa minn dan? Għalxiex aħna rridu nfittxu bilfors xi ħaġa spettakolari, li tgħaġġeb, u norbtu l-fidi tagħna ma’ hemm? Il-fidi mhux ma’ hemm hi marbuta. Il-fidi hi marbuta proprju mal-preżenza ta’ Ġesù, u ma’ dak li jurina Ġesù b’mod ordinarju fil-ħajja. U għalhekk il-messaġġ li jagħtina Ġesù hu: ma nfittxux, u ngħaddu ħajjitna nfittxu jew norbtu qalbna ma’ dawn il-fenomeni. Il-fenomeni jistgħu jiġru jew ma jiġrux, jistgħu jkunu veru u jistgħu jkunu mhux veri, imma żgur li qatt ma huma l-bażi tal-fidi tagħna.
Li jrid minna Ġesù – u hemm ħaġa oħra importanti – hu li meta aħna mbagħad nilqgħuh, aħna nkunu sinjal għall-oħrajn. Kemm hi sabiħa din, meta aħna niftakru li meta nilqgħu l-kelma ta’ Alla u ngħixuha, aħna stess insiru sinjal għall-oħrajn – b’kelma li ngħidu lil xi ħadd li hu marid, jew bil-preżenza tagħna ma’ xi ħadd li hu marid jew marida; b’għajnuna li nagħtu fis-skiet biex xi ħadd jerġa’ jqum fil-ħajja mid-diffikultajiet u l-problemi; bil-maħfra li aħna nagħtu lil xi ħadd li jkun naqasna. Nistgħu nsemmu ħafna okkażjonijiet fejn aħna mbagħad inkunu sinjal tal-Mulej għall-oħrajn. Iktar ma aħna nilqgħuh lill-Mulej, u nilqgħu l-kelma tiegħu f’ħajjitna, iktar nistgħu nkunu aħna stess sinjal għall-oħrajn. Nitolbu llum lill-Mulej biex jagħtina l-grazzja li aħna nilqgħu s-sinjali li hu jagħtina fil-ħajja ta’ kuljum, u aħna stess, bl-għajnuna tiegħu u bil-qawwa tiegħu, inkunu sinjal għall-oħrajn tal-imħabba tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




