L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu” (Mt 22:2). Fil-parabbola li qal Ġesù, l-ewwel ħaġa li tolqotna hija kif iqabbel is-saltna ta’ Alla ma’ xi ħaġa mill-isbaħ – ma’ festa, u festa ta’ tieġ. Aħna meta naħsbu f’festa ta’ tieġ f’ċirkustanzi normali, fejn ma jkunx hemm xi disgwid fil-familja, naħsbu f’xi ħaġa sabiħa, ċelebrazzjoni li tgħaqqad flimkien diversi nies. U Ġesù, biex ifiehem x’jiġifieri s-saltna ta’ Alla, iqabbilha ma’ festa ta’ tieġ.
Hekk rajna wkoll fl-Ewwel Qari, mill-Ktieb tal-Profeta Isaija, fejn ukoll jagħmel dan ix-xebh tas-saltna ta’ Alla ma’ mejda b’ikel fin, b’ikel tajjeb u anke xorb tajjeb (ara Isaija 25:6), biex jurina li dak li jrid il-Mulej minna, hu dejjem pożittiv, hu dejjem dak li lilna jġibilna l-ferħ, iġibilna l-paċi u jgħinna biex ngħixu tassew fl-imħabba.
Ħajja ta’ ferħ
Ħa nħarsu ftit lejn din il-parabbola li Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu, u naraw dak li jrid jgħid lilna lllum. L-ewwel nett, li aħna msejħin għal ħajja sabiħa, għal ħajja ta’ ferħ, u hekk hi l-ħajja tagħna Nisranija. Jista’ jkun hemm min ifixkilna f’dan, imma jekk aħna mmorru fil-qalba tal-ħajja tagħna Nisranija, aħna msejħin għal ħajja ta’ ferħ.

Ara x’differenza jekk aħna nħarsu lejn il-ħajja Nisranija bħala ġabra ta’ obbligi jew piż, bħall-quddiesa tal-Ħadd meta niltaqgħu flimkien u li espressjoni ta’ dan li semma Ġesù llum. Kemm hu sabiħ meta niġu biex niċċelebraw l-għaqda tagħna ma’ Alla u ma’ xulxin, u biex tkun okkażjoni ta’ ferħ u ta’ mħabba. Imma jekk għalina tkun sempliċiment piż, imbagħad ma neħdux sehem bl-istess mod u ma nħossux f’qalbna dak li jrid jagħtina l-Mulej. U l-istess il-ħajja tagħna kollha Nisranija – il-Mulej, dak li jitlob minna, hu għall-ġid tagħna biex ngħixu fil-ferħ u fil-paċi.
Dejjem stedina
Imbagħad tolqotna ħafna f’din il-parabbola kif Ġesù jagħmel stedina. Ifakkarna li Alla qatt ma jimponi xejn fuqna, dejjem jistedinna. Jiddependi minna, kif naraw fl-Evanġelju, naċċettawx jew le. Imma lilna Alla jagħmlilna stedina – stedina miftuħa, stedina lil kulħadd. Nafu li hemm min jaċċetta, u hemm min le. Din qatt ma għandha lilna toħolqilna preokkupazzjoni.
Hawn min illum jiftaħar, per eżempju, li ma jemminx f’Alla. Dik hi d-deċiżjoni tiegħu jew tagħha. Aħna ma nidħlux fiha, imma aħna kuntenti li nemmnu f’Alla u li lqajna l-istedina tiegħu. Hawn min ma jilqagħhiex. F’idejh, mhux f’idejna biex noqogħdu ninkwetaw fuq hekk. Aħna nippruvaw li nwasslu din l-istedina ta’ Alla li hi għal kulħadd, imma tibqa’ dejjem stedina, għax Alla ma jġagħalniex bilfors nagħmlu t-tajjeb imma jistedinna għalih. U jistedinna biex aħna nistgħu tassew ngħixu fil-ferħ tiegħu.

Dawk li jżebilħu
Hawn naraw it-tipi differenti ta’ nies li jsemmi Ġesù fil-parabbola. L-ewwel nett hemm dawk, ħa nsejħilhom “persekuturi”, għax meta s-sultan bagħat il-qaddejja, l-Evanġelju jgħidlek “żebilħuhom u qatluhom” (Mt 22:6). Hawn min jippersegwita verament lil min jemmen. Għad hawn persekuzzjoni tal-Insara f’diversi postijiet.
Imma anke jekk ma tkunx persekuzzjoni bil-vjolenza, tista’ tkun mod ieħor. Per eżempju, l-kelma “żebilħuhom” tfakkarna f’dak li kultant naqraw, anke fuq il-media soċjali, jew dik stampata, żeblih ta’ nies li jirrappreżentaw lill-Mulej. Kieku tgħidli tikkritika, normali, ma hemm xejn ħażin li tikkritika. Imma żżeblah le! Li tuża kliem vulgari, u baxx, u oxxen meta qed tindirizza u titkellem fuq persuni li jirrappreżentaw lill-Knisja, hekk le. Dak huwa żeblih. Imma Ġesù qalilna li jkollna minn dawn, bħalma jsemmi fil-parabbola.
Dawk li jibqgħu indifferenti
Imbagħad hemm dawk li mhumiex persekuturi imma indifferenti. Jgħidlek li meta rċevew l-istedina, “min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu (Mt 22:5). Kellhom x’jagħmlu. U nnutaw: ma kinux qed jagħmlu affarijiet ħżiena. Min mar l-għalqa, biex jaħdem, l-istess min mar għan-negozju tiegħu. Imma kienu indifferenti għas-sejħa tal-Mulej, ma tawx każu.

Din tiġri kultant, per eżempju, fejn tidħol il-quddiesa tal-Ħadd, li wieħed jgħid: għax kelli ħafna x’nagħmel. Bħal dawn eżatt – kellek ħafna x’tagħmel, imma l-iktar ħaġa importanti ma għamilthiex, li ġejt tisma’ lill-Mulej u tiċċelebra l-Ewkaristija. Jista’ jiġrilna li nibqgħu indifferenti, għaddejjin fil-ħajja tagħna u ma jimpurtaniex minn dak li l-Mulej jistedinna għalih.
Dawk li jagħmlu ta’ rashom
Hemm dik in-nota interessanti ta’ dak il-bniedem li, meta stieden lil kulħadd, daħal u “ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ” (Mt 22:11). Issa aħna forsi ngħidu: imma jekk dawn sabhom barra, mhux daħlu kif kienu? Imma hawnhekk dak iż-żmien kien hemm l-użanza, mhux dejjem imma ħafna drabi, li għal festa bħal din jagħtuk libsa speċjali li tilbisha.
Dal-bniedem li daħal hemm ried jagħmel ta’ rasu. Ried igawdi mill-festa imma jagħmel ta’ rasu, flok joqgħod għal dak li titlob minnu l-festa. Din tista’ tiġrilna wkoll – inkunu rridu nieħdu sehem fil-ħajja Nisranija, imma nagħmlu ta’ rasna, li ngħidu aħna tajjeb, għalhekk inqabblu fejn jaqbel. Ġesù jgħid: le, ma għandhiex tkun hekk.

Dawk li jilqgħu l-istedina
Imbagħad hemm dawk li laqgħu l-istedina. Irridu niftakru li l-parti l-kbira laqgħu l-istedina, u kienet okkażjoni sabiħa għalihom, għax l-istedina li jagħmel il-Mulej hi dejjem ta’ ġid għalina. Irrid hawnhekk nenfasizza kemm hija sabiħa li aħna niċċelebraw il-ħajja tagħna Nisranija, li nkunu kuntenti li aħna nemmnu f’Ġesù. U li nwasslu din lill-oħrajn bħala stedina – mhux għax bilfors, jew bħala impożizzjoni, imma bħala stedina. Għax aħna rridu li jissieħbu tassew f’dil-ħajja tagħna bħala Knisja li nemmnu f’Ġesù, li aħna dixxipli ta’ Ġesù.
Nitolbu lill-Mulej illum jagħtina din il-grazzja. Jgħinna biex napprezzaw is-sabiħ tal-ħajja tagħna Nisranija, jgħinna biex inkunu ferħana li aħna nemmnu fih. U jgħinna biex ngħixu din l-esperjenza bil-ferħ aħna, f’għaqda miegħu u mal-oħrajn, u fl-istess waqt inwasslu lill-oħrajn din l-istedina, bħalma jrid Ġesù, li fl-aħħar mill-aħħar hi għall-ġid tagħhom bħalma hi għall-ġid tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju





