L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Min mhux midħla tal-għelieqi, jew mhuwiex fl-industrija tal-inbid, forsi ma jistax japprezza daqshekk il-valur ta’ għalqa tad-dwieli. Imma fiż-żmien Ġesù, kienet għażiża ħafna – bħalma rajna anke fil-ktieb tal-Profeta Isaija li l-għalqa tad-dwieli kienet ta’ importanza u ta’ valur kbir (ara Isaija 5:1-7). Hu għalhekk li Ġesù juża lilha bħala xbieha fil-parabbola biex iwassal messaġġ hekk importanti għall-ħajja tad-dixxipli tiegħu dak iż-żmien, u għall-ħajja tagħna llum.

Għamluha tagħhom

Ġesù jirrakkonta l-istorja ta’ sid ta’ għalqa li ħawwel id-dwieli, għamel minn kollox biex tkun għalqa tajba – bnielha torri, ħaffer magħsar, u għamel il-ħajt tas-sejjieħ (ara Mt 21:33) – u taha lil xi bdiewa biex jieħdu ħsiebha. Ma tahilhomx biex tkun tagħhom, imma biex jieħdu ħsiebha, u biex meta jasal żmien il-frott, huma jagħtuh il-frott. Imma, kif rajna, dawn għamlu l-għalqa tagħhom, u l-Evanġelju jgħid li kull min ġie, sawtuh, ħaġġruh jew qatluh (ara Mt 21:36), sakemm fl-aħħar sid il-għalqa bagħat lil ibnu. 

Aħna nifhmu mal-ewwel li Ġesù hawnhekk qed jitkellem fuq l-Istorja tas-Salvazzjoni – kif Alla bagħat lill-poplu Lhudi diversi profeti tul is-snin, u għalkemm dawn wasslu l-Kelma ta’ Alla u riedu jgħinu lill-poplu, imma dawn spiċċaw biex qalgħu fuq wiċċhom, bħalma naraw fl-istorja tal-profeti, sakemm Alla bagħat lil ibnu stess li spiċċa wkoll maqtul. Ġesù qed iħabbar minn qabel il-passjoni u l-mewt tiegħu.  Jgħid li s-sid fl-aħħar jagħti l-għalqa lil ħaddieħor, u hekk tinbena komunità ġdida madwar Kristu li hu ħaj.

X’inhu l-messaġġ għalina llum? Ħa nsemmu punti li joħorġu minn din l-istorja ta’ Ġesù u li jgħoddu għalina. L-ewwel nett, li Alla lilna tana u jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina biex nieħdu ħsiebu u namministrawh. Imma mhux biex nagħmluh tagħna, u jdur imbagħad kontrina stess. Lil dawk il-bdiewa riedhom jieħdu ħsieb il-għalqa tad-dwieli, imma dawn għamluha tagħhom. Ma kinetx tagħhom. Għamluha tagħhom u riedu jieħdu l-frott huma, riedu jieħdu kollox huma. U għalhekk il-messaġġ importanti l-ewwel nett hu li l-ġid li jagħtina Alla mhuwiex biex aħna jkollna dik ir-regħba, dik il-kilba biex niksbu kollox aħna, u hekk dak li tana biex nieħdu ħsiebu nagħmluh tagħna flok tiegħu. Narawha tiġri din – per eżempju, fejn jidħol l-ambjent, meta minflok ingawduh bħala ħolqien ta’ Alla, nippruvaw nagħmluh tagħna u fl-aħħar mill-aħħar idur kontrina.

Jistenna l-frott

Imbagħad messaġġ ieħor importanti f’din l-istorja hu li Alla minna jrid il-frott, u jistenna l-frott mill-ħajja tagħna. Għalqa tad-dwieli li ma tagħmilx frott jew li, kif smajna fil-Profeta Isaija, tagħmel “frott qares” (Isaija 5:2), ma tiswiex ta’ ġid. Nafu li d-dwieli, lanqas iz-zkuk tagħhom ma jiswew għal xejn ħlief, qaluli, għall-murtali biex jagħmlu l-murtali tal-beraq u tal-kulur – jużaw il-friegħi nexfin tad-dwieli. Il-bqija, il-friegħi ma jintużawx. Imma Alla jrid li nagħmlu l-frott. 

U meta ngħidu li nagħmlu l-frott fil-ħajja tagħna, ma jfissirx xi ħaġa kbira li tissemma bilfors, imma dak li jgħodd fil-ħajja ordinarja tagħna ta’ kuljum. Smajnieha fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin, meta jgħid biex aħna nfittxu “kulma hu veru, kulma hu xieraq, kulma hu ġust, kulma hu safi… kulma ħaqqu tifħir” (Fil 4:8). Jiġifieri dawk l-affarijiet li jagħmlu l-ġid. Nafu li m’hemmx għalfejn xi ħaġa ta’ barra minn hawn.  Kultant kelma li tista’ tiswa ta’ ġid, persuna li tista’ tgħinna f’xi bżonn, persuna li tismagħha. Dak huwa l-frott li nagħmlu fil-ħajja tagħna Nisranija meta ngħixuha kif suppost. U Alla jistenna dan il-frott fil-ħajja tagħna, u jrid li aħna nagħrfu kif il-ħajja tagħna tkun tassew ta’ ġid, u ta’ ġid għall-oħrajn.

F’idejna l-għażla

Imbagħad hemm ħaġa oħra importanti f’din l-istorja li  jgħid Ġesù: li Alla jħallina fil-libertà. Meta bagħat lill-qaddejja biex jiġbru l-frott, ma ġegħilhomx bilfors biex lill-bdiewa jgħidulhom: tridu tagħtuna l-frott bilfors. Ħalliehom fil-libertà, anke li jeħduha kontra dawn il-qaddejja. Li jfisser: l-għażla hi f’idejna dwar x’nagħmlu fil-ħajja tagħna, u biż-żmien li Alla jagħtina. Mhux se jġegħilna bilfors biex nagħmlu t-tajjeb. Imma se jagħtina din l-opportunità li f’ħajjitna nagħmlu t-tajjeb u nagħmlu l-ġid. Issa, jekk minflok hekk, nagħmlu bħalma għamlu dawk li lill-qaddejja “lil wieħed sawtuh, lill-ieħor qatluh, u lill-ieħor ħaġġruh” (Mt 21:36) – kultant tiġri din bil-kliem vjolenti, lil min jagħmel il-ġid insawtuh u nħaġġruh bi kliemna, u meta xi ħadd jiġbed l-attenzjoni li hemm dak li mhux sew, mhux xieraq, kultant fis-soċjetà ikun hemm min jinsulenta, iweġġa’ bi kliemu – jekk aħna nagħmlu hekk, iż-żmien li Alla jagħtina nkunu qed nużawh mhux għall-ġid imma għall-ħsara. U Alla jrid li aħna nużawh għall-ġid, imma jħallina fil-libertà.

Imma rridu niftakru li dak li nagħmlu fl-aħħar mill-aħħar se jiswa jew ta’ ġid jew ta’ deni għalina. Ġesù jispiċċa lejn l-aħħar tal-Evanġelju: “il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka” (Mt 21:42). Jiġifieri warrbuha, imma fil-fatt kienet l-iktar ġebla importanti. U aħna rridu noqogħdu attenti li l-libertà li għandna nużawha tajjeb, għax ma rridux inwarrbu dak li fil-fatt ikun ta’ ġid, jew tal-akbar ġid.

Ġesù, fil-fatt, spjega li meta hu jkun il-ġebla tax-xewka, jibni l-komunità li tassew taħdem għall-ġid. U aħna, bħala dixxipli ta’ Ġesù, imsejħin ilkoll biex inkunu parti minn din il-komunità u nagħmlu l-ġid f’ħajjitna. Li nużaw tajjeb iż-żmien li Alla jagħtina. Li niftakru li l-ġid ġej mingħandu, u lilu rridu noffru ż-żmien li jagħtina bl-aħjar mod.

San Franġisk: ħajja ta’ frott

Nitolbu lill-Mulej illum f’din il-quddiesa. Illum, mad-dinja kollha, qed niftakru fit-800 sena mill-mewt ta’ San Franġisk ta’ Assisi. Jekk hawn qaddis li għex tant snin ilu u tant għandu rilevanza għall-ħajja tagħna llum, u speċjalment, bil-kliem ta’ Ġesù, kif nistgħu nagħmlu l-frott illum, hu proprju San Franġisk ta’ Assisi. Għalhekk ħafna jiftakru fih bħala strument tal-paċi qalb dinja mimlija konflitti u ġlied; bħala dak li kien jieħu ħsieb il-ħolqien ta’ Alla qalb tant qerda tal-ambjent; bħala dak li kien jgħix fis-sempliċità qalb ħafna nies li jfittxu l-ħajja ta’ lussu; u bħala dak li għażel il-faqar u jgħin anke lil dawk li huma foqra, qalb soċjetà kultant b’mentalità li teskludi lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn. San Franġisk ifakkarna kif ħajjitna tista’ tagħmel il-frott, kif jitlob il-Mulej minna.

Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li aħna nagħrfu, bi gratitudni, il-ġid li Alla tana; li nużaw tajjeb iż-żmien tagħna biex nagħmlu l-ġid; u biex ħajjitna tagħmel tassew frott li jogħġob lil Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta