Ritratt: Ian Noel Pace – L-Arċidjoċesi ta’ Malta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Aħna u nitolbu l-interċessjoni tal-Anġli fuq il-missjoni tagħkom, nixtieq nislet riflessjonijiet qosra fuq is-sinjifikat tal-isem ta’ kull wieħed minn dawn it-tliet Arkanġli.

L-Arkanġlu San Mikiel, li intom tqimu bħala l-protettur tagħkom. Għażiltuh, għaliex huwa il-Prinċep li jissielet kontra l-qawwiet tal-ħażen. Huma qawwiet spiritwali, li ħafna drabi jisseduċu anke l-qalb tagħna l-bnedmin. San Mikiel huwa kbir, għaliex fl-umiltà tiegħu ta’ spirtu perfett għaraf il-kobor ta’ Alla, u li fuq Alla m’hemm ħadd. Ismu jfisser: ‘Min hu bħal Alla?’ – Mikael. Aħna l-bnedmin mingħalina li għandna l-poter, nitkellmu b’arroganza kbira kultant, u ninsew li fuq Alla m’hemm ħadd. Il-ġudizzju tagħna mhuwiex infallibbli, imma l-ġudizzju ta’ Alla huwa rett u ġust. Intom għandkom missjoni mhux faċli, li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u f’ambjenti oħra, bħalma hu dak ta’ l-Imtaħleb, tipprovdu sigurezza, dixxiplina, imma anke garanzija li l-bniedem avolja akkużat jew ikkundannat, jiġi ttrattat b’dinjità.

Ritratt: Ian Noel Pace – L-Arċidjoċesi ta’ Malta

Meta intom tqimu lil San Mikiel Arkanġlu, ifhmu li d-dinjità tal-ħabsi, jew ta’ dak li qiegħed f’detenzjoni preventiva, mhix ġejja mill-liġi u lanqas minnkom, mhix konċessjoni  tagħkom. Imma dinjità tal-ħabsi, tal-ħabsija, jagħtihiela Alla lill-persuna umana. Is-servizz tagħkom huwa li tkunu garanti tad-dixxiplina, iva; tas-siġurtà, tal-ambjent korrettiv; imma li d-dinjità li Alla ta lil kull wieħed u waħda minna intom tħarsuha. Tafu biżżejjed li l-falliment tal-ħabs ikun, meta l-ħabsi ma jiġix ittrattat b’dinjità u jitneżża’ wkoll mill-umanità tiegħu. Intom u titolbu l-interċessjoni ta’ San Mikiel, issiltu mar-rabja li kultant jipprovokaw nies li m’għandhomx rieda tajba, li jnigżuk, li jippruvaw iweġġgħuk, għax intom tiltaqgħu magħhom ukoll; inti trid tkun qawwi biżżejjed biex ma tirrispondix bi vjolenza għal tant vjolenza kultant verbali jekk mhux ukoll fiżika. Imma għandkom id-dritt tużaw it-trażżin. Intom imsejħin biex turu wkoll id-dixxiplina.

Hawnhekk niġu għat-tieni Arkanġlu Gabriel. Għax Gabrijel ismu jfisser ‘Qawwa ta’ Alla’. F’idejkom awtorizzati mill-Istat hemm qawwa leġittima; il-qawwa leġittima l’inti trażżan il-vjolenza, u timponi dixxiplina, b’mod speċjali fuq dawk li ma jridux jirraġunaw, ma jridux jaċċettaw d-dixxiplina, u x’aktarx lanqas il-kundanna ġusta tagħhom.

Imma intom ukoll, kunu devoti tat-tielet Arkanġlu, Rafel. Rafel ifisser ‘il-mediċina ta’ Alla’. U intom, għalkemm imsejħin biex tkunu uffiċjali korrettivi, qaddejja tad-dritt u tas-saltna tad-dritt, tridu wkoll twasslu l-mediċina tal-kompassjoni. Itolbu lill-Mulej, biex qalbkom qatt ma tibbies għar-residenti li tiltaqgħu magħhom; għax it-tentazzjoni tkun kbira, li quddiem persuna li hija rrabbjata jew inkella malizzjuża, qalbek tibbies.

Għandkom bżonn ukoll li tkunu mediċina għal xulxin. Ippermettuli nħajjarkom biex timpenjaw ruħkom fil-well-being tagħkom. Għaliex intom, bħal diversi professjonijiet oħra, ix-xogħol tagħkom għandu t-toqol tiegħu, u għandkom bżonn taħdmu għall-well-being tagħkom infuskom. Min għandu xogħol bħal tagħkom, li huwa xogħol ingrat, xogħol li jaf ikun tqil ukoll psikoloġikament, għandu bżonn l-għajnuna ta’ sħabu, is-sens ta’ lealtà ta’ bejnietkom  tkun mediċina wkoll f’sitwazzjonijiet diffiċli ħafna.

Ritratt: Ian Noel Pace – L-Arċidjoċesi ta’ Malta

Jiena nawguralkom li fil-ħidma tagħkom, fl-ambjenti korrettivi, tgħinu biex min qiegħed jirċievi kundanna ġusta, u jiskontaha bil-kwiet, joħroġ minn dik l-esperjenza, anke bl-għajnuna tagħkom, ċittadin aħjar. Ikollkom klijenti li tarawhom kultant żmien, ċiklu ta’ min jirritorna. Nissuġġerilkom li ma taqtgħux qalbkom minn ħadd; imma li tibqgħu tittamaw fl-umanità. Imma biex tittama fl-umanità jkollok bżonn ta’ doża ta’ umoriżmu u ta’ ironija. Li tieħu naqra l-ħajja bil-filosofija, li tgħinu lil xulxin; wieħed jerfa’ l-piż, u jekk il-piż jitqassam b’xi mod jinħass eħfef.

Nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom. Nirringrazzjakom ukoll, lilek Onor. Ministru, lilek ukoll kap, ta’ kemm tilqgħuni wkoll meta nżur lil ħutna l-ħabsin. Huwa wieħed mill-atti tal-ħniena nisranija, li inti żżur lil min hu fil-ħabs. Imma intom għandkom din l-opra ta’ karità li tridu tagħmluha ta’ kuljum. Il-Mulej jagħtikom il-qawwa, biex waqt li tiggarantixxu d-dinjità ta’ kull bniedem, għaliex dik hija mogħtija minn Alla, tużaw il-qawwa li jagħtikom l-Istat b’sens ta’ ekwilibriju u anke ġustizzja; imma fl-istess ħin tkunu għar-residenti tal-Faċilitajiet Korrettivi u għalikom innfuskom mediċina, fejqan. Nawguralkom ħafna u l-festa t-tajba.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Eżodu 23: 20-23a
Responsorju: Salm 90: 1-6.10-11
L-Evanġelju: Mt 18: 1-5.10

Aktar ritratti