
Caritas Malta ċċelebrat il-Jum Internazzjonali għall-Anzjani b’ċelebrazzjoni ta’ quddiesa fil-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal il-Ġdid, bit-tema ‘Ma Ninsiek Qatt’ (Iż 49:15), nhar il-Ħamis l-1 ta’ Ottubru. Għal din l-okkażjoni aktar minn elf ruħ li ngħaqdu f’din iċ-ċelebrazzjoni li kienet mument ta’ talb, għaqda, gratitudni u apprezzament lejn l-anzjani. Preżenti kien hemm anzjani li jgħixu fil-komunitajiet parrokkjali kif ukoll residenti minn djar tal-anzjani madwar Malta kollha.
Il-quddiesa ġiet iċċelebrata minn Dun Martin Micallef, Vigarju Episkopali għall-ħidma fid-Djakonija bil-konċelebrazzjoni ta’ bosta saċerdoti oħra fosthom saċerdoti anzjani mid-Dar tal-Kleru.
Fl-omelija tiegħu, il-Vigarju Episkopali saħaq li għal Alla ħadd mhu numru jew piż imma persuna b’dinjità li ma jabbanduna qatt anki jekk jiġu mumenti fejn inħossuna abbandunati. Irringrazzja lil kull min jagħtu sehmu biex l-anzjani fis-soċjetà tagħna tingħatalhom l-għożża u l-kura li tistħoqqilhom.

Semma wkoll ir-realtà li qiegħda tkompli tikber ta’ anzjani sfruttati jew abbandunathom minn familthom. Insista li abbandun ma jfissirx meta l-anzjani jmorru jgħixu f’djar tal-anzjani għax saħħithom ma tippermettix mod ieħor. “L-abbandun huwa meta niftakru f’ommna jew f’missierna biss meta jkollna bżonn xi ħaġa. Abbandun hu meta jkollna ħin għal kollox; għax-xogħol, għall-ħbieb, għall-mowbajl, għad-divertiment, imma m’għandniex ħin għal ommna jew għal missierna anzjani.
“L-abbandun u l-abbuż fuq l-anzjani huwa dejjem kundannabbli u għamel tajjeb ħafna l-istat Malti li dan l-aħħar f’pajjiżna għadda mill-Parlament liġi li tħares u tipproteġi lill-anzjani, nies b’diżabilità u persuni oħrajn li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet bħal dawn.”

Matul l-attività ngħatat ukoll xhieda sabiħa tar-residenti mill-Programmi ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Caritas Malta li assistew lill-anzjani bħala esperjenza li jroddu lura. Wieħed mir-residenti esprima l-gratitudni lejn l-anzjani li tant taw lis-soċjetà tagħna: “Lilna tawna ħafna; issa jmiss lilna li nagħtuhom xi ħaġa lura.” Dawn il-kliem jirriflettu l-ispirtu ta’ din il-ġurnata: li niftakru fl-anzjani tagħna, napprezzaw dak kollu li taw lill-familji, lill-komunitajiet u lis-soċjetà, u nkomplu nuru magħhom rispett, kura u mħabba.
Il-Jum Internazzjonali għall-Anzjani huwa okkażjoni biex mhux biss niċċelebrawhom, iżda biex inkomplu nsaħħu l-impenn tagħna li ma ninsew qatt lil dawk li taw tant u li llum jixirqilhom ikomplu jkunu ċċelebrati, mismugħa u apprezzati.

Caritas Malta tibqa’ impenjata li tkun qrib l-anzjani u tkompli tagħti l-kontribut tagħha biex ħadd ma jħossu waħdu jew minsi permezz tal-ħidma tagħha ma’ anzjani vulnerabbli.




