
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
F’dan il-Jum Internazzjonali tal-Anzjani, il-Knisja tistedinna nħarsu bi gratitudni u b’għożża lejn l-anzjani bħala rigal. Nirringrazzjaw lil Alla għall-ħajja ta’ ħutna l-anzjani: għas-snin li għexu, għas-sagrifiċċji tagħhom, għall-fidi tagħhom, għall-għerf tagħhom, għall-memorji tagħhom, u għall-imħabba kollha li taw lill-familji u lill-komunitajiet tagħhom.
Hi okkażjoni sabiħa llum li ngħaqqdu din iċ-ċelebrazzjoni mat-tmenin anniversarju tal-Vassallo Group, li jaf il-bidu tiegħu fl-1946. Nirringrazzjaw lill-Mulej f’dan l-anniversarju sabiħ u niċċelebraw l-erba’ valuri fundamentali ta’ ispirazzjoni f’din l-istorja: il-valuri tal-eċċellenza, l-integrità, ir-rispett u l-innovazzjoni. F’din il-ġurnata partikulari, ħa niffoka aktar fuq aspett wieħed tal-ħidma ta’ Vassallo Group – dak mal-anzjani permezz ta’ CareMalta.
L-Evanġelju li għadna kemm smajna minn San Luqa, jista’ jidher, mal-ewwel daqqa t’għajn, bħala Evanġelju mhux tas-soltu għal din l-okkażjoni. Ġesù jibgħat tnejn u sebgħin dixxiplu f’missjoni. Jgħidilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit” (Lq 10:2). Jibgħathom tnejn tnejn, mingħajr ħafna affarijiet magħhom, u jitlobhom iġibu l-paċi kull fejn imorru. Imma dan l-Evanġelju jkellem b’mod sabiħ ħafna lill-anzjani.
Il-ħsad
Ġesù jgħid: “Il-ħsad huwa kbir”. Persuna li għexet għal ħafna snin iġġorr fiha ħsad għani: esperjenzi, memorji, tagħlimiet, ferħ u niket, suċċessi u fallimenti, mumenti ta’ fidi u mumenti ta’ taqbida. Is-soċjetà tagħna kultant tagħmel l-iżball li tkejjel il-valur ta’ persuna skont kemm tipproduċi: X’tista’ tagħmel? Kemm tista’ taħdem? Kemm għadek utli?
Imma Ġesù jħares lejn il-persuna b’mod differenti. Il-valur tal-anzjan u tal-anzjana ma jispiċċax meta jirtiraw mix-xogħol. Id-dinjità tagħhom ma tonqosx meta jonqsu l-forzi tagħhom. Mhumiex inqas importanti għax issa jimxu aktar bil-mod, għax għandhom bżonn l-għajnuna, jew għax ma jistgħux jibqgħu jagħmlu dak kollu li kienu jagħmlu qabel.

F’din il-ġurnata, nixtieq inwassal dan il-messaġġ lill-anzjani: Int prezzjuż, int prezzjuża għax int iben Alla jew bint Alla. U s-snin li għext mhumiex sempliċement snin li għaddew. Huma ħsad – ħsad ta’ għerf, esperjenza, relazzjonijiet, fidi u mħabba.
Il-ħidma
Ġesù ma jibgħatx biss lit-Tnax. Jagħżel tnejn u sebgħin oħra u jibgħathom f’missjoni. Dan ifakkarna li l-missjoni tal-Knisja hija ta’ kulħadd. L-anzjani mhumiex biss nies li l-Knisja trid tieħu ħsiebhom. Huma wkoll nies li permezz tagħhom Alla għadu jaħdem.
Il-ħidma tagħhom tista’ tkun permezz tat-talb, permezz tal-kontribut tagħhom, permezz tal-istejjer li jirrakkuntaw, l-inkoraġġiment li jagħtu lil min għaddej minn żmien diffiċli. Xi drabi kelma li tingħad minn persuna li għexet ħafna snin għandha piż speċjali. Anzjan jew anzjana li jgħidu: “Afda f’Alla; jien esperjenzajt li Alla qatt ma jabbanduna” – din kelma li tista’ tkun qed tiżra’ żerriegħa ta’ fidi li tibqa’ fil-qalb ta’ persuna għal ħafna snin.
Il-paċi
Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu li l-ewwel kliem tagħhom għandu jkun kliem ta’ paċi: “Fid-dar li tidħlu fiha, l-ewwel għidu: ‘Is-sliem lil din id-dar’” (Lq 10:5). X’missjoni sabiħa għall-anzjani tagħna llum! F’dinja fejn hemm tant storbju, ansjetà, konflitti u firda, l-anzjani jistgħu jsiru messaġġiera tal-paċi u tal-imħabba.
Dan jgħaqqad ħafna mat-tifkira li qed nagħmlu llum ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li dejjem fittxet postha u l-aħjar kontribut li tista’ tagħti. Tgħid hekk: “O Ġesù, Imħabba tiegħi, sibt fl-aħħar is-sejħa tiegħi: is-sejħa tiegħi hija l-imħabba. Iva, sibt posti fi ħdan il-Knisja, u dan il-post tajthuli int, o Alla tiegħi. Fil-qalb tal-Knisja, Omm tiegħi, jien għad inkun l-imħabba, u hekk għad inkun kollox, u f’dan għad isseħħ il-ħolma tiegħi”.

Għeżież anzjani, intom rajtu bidliet li l-ġenerazzjonijiet iżgħar forsi ma jistgħux jimmaġinaw. Għalhekk tistgħu tgħaddu b’imħabba dawn il-messaġġi lill-ġenerazzjoni żagħżugħa: “Taqtax qalbek”; “Kun paċenzjuż”; “Tgħallem aħfer”; “Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek” (Salm 27:14). Dan huwa kliem ta’ għerf li d-dinja tagħna għandha bżonnu ħafna.
Il-messaġġ
Dan il-Jum jagħti wkoll messaġġ lill-familji u lill-komunità kollha. L-anzjan mhuwiex piż, mhuwiex inkonvenjent. Kull anzjan iġorr storja li jistħoqqilha tkun mismugħa. Irridu nsibu ħin biex nisimgħu. Xi drabi l-akbar rigal li nistgħu nagħtu lil persuna anzjana mhuwiex mediċina, flus, jew għajnuna materjali, għalkemm dawn huma importanti ħafna. Xi drabi l-akbar rigal huwa sempliċement il-preżenza tagħna. Li nżuru, li noqogħdu ħdejn xi ħadd, li nisimgħu, li nżommu id. Li nagħmlu telefonata. Li ngħidu: “Ma nsejtekx”.
Dawn l-atti sempliċi jistgħu jwasslu messaġġ profond: “Int għadek importanti. Ħajtek għadha tiswa. Għadek maħbub, għadek maħbuba”.
Illum irrid ngħid kelma lit-tfal, lin-neputijiet, lill-familji, u lil dawk kollha li għandhom anzjani f’ħajjithom. Tħallux it-teknoloġija tieħu post il-preżenza. Żuru lill-qraba anzjani tagħkom. Isimgħu l-istejjer tagħhom – anke meta xi wħud minnhom tkun diġà smajtuhom! U, fuq kollox, uruhom li tħobbuhom.
Il-qrubija
Fl-aħħar tal-Evanġelju, Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu jħabbru: “Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom” (Lq 10:9). Dan huwa wieħed mill-aktar messaġġi importanti għalina llum.
Alla hu qrib. Hu qrib taż-żgħażagħ u tal-anzjani, ta’ dawk li huma f’saħħithom u ta’ dawk li huma dgħajfa, ta’ dawk li jgħixu b’mod indipendenti u ta’ dawk li jiddependu fuq ħaddieħor. Alla hu qrib fil-mumenti ta’ ferħ u fil-mumenti ta’ solitudni.
U meta l-qawwa tagħna tonqos, nistgħu niskopru xi ħaġa li faċli ninsew meta nkunu żgħar: l-akbar qawwa tagħna qatt ma kienet sempliċement fil-ġisem tagħna. L-akbar qawwa tagħna tinsab f’Alla. Dak hu li smajna fl-Ewwel Qari, fil-Ktieb ta’ Ġob: “Jien naf li d-difensur tiegħi ħaj!” (Ġob 19:25) Is-sejħa tiegħu hi biex nimxu miegħu, nimxu bil-fedeltà, jum wara jum, b’fiduċja.

Talba
Ġesù jagħlaq billi jitlobna nitolbu għal ħaddiema għall-ħsad: “Itolbu lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Lq 10:2). Nitolbu għall-vokazzjonijiet għall-ħajja saċerdotali u reliġjuża, għax verament il-ħsad huwa kbir imma l-ħaddiema ftit. Illum nitolbu wkoll għal vokazzjoni ta’ tip partikulari: għal nies li jiddedikaw ruħhom biex jakkumpanjaw lill-anzjani bil-paċenzja, b’rispett, b’tenerezza u bi mħabba.
Nitolbu biex ebda anzjan u anzjana ma jħossuhom minsija. Nitolbu għal dawk li jħossuhom waħedhom, il-morda, dawk li għaddejjin minn tbatija, dawk li qalbhom għejiet. Jalla jisimgħu lil Kristu jgħidilhom: “M’intix minsi, minsija. M’intix inutli. M’intix waħdek. Jien qiegħed miegħek.”
Għeżież ħutna anzjani li qegħdin taħt il-kura ta’ CareMalta, u l-anzjani l-oħra kollha, illum il-Knisja qed tiċċelebra lilkom. Ħajjitkom hija rigal. Il-memorji tagħkom huma teżor. L-għerf tagħkom hu meħtieġ. It-talb tagħkom għandu qawwa. Ix-xhieda tagħkom għadha importanti. U l-post tagħkom fil-familja ta’ Alla qatt ma jista’ jittieħed minn ħadd.
Jalla l-Mulej, Sid il-ħsad, iberikkom bil-paċi. Jalla jagħtikom il-grazzja tkomplu tkunu xhieda tal-fidi u tal-imħabba. U jalla jgħinna lkoll nibnu soċjetà u Knisja fejn kull persuna, f’kull età, tkun tista’ tgħid tassew: “Jiena parti minn din il-familja. Ħajti għandha tifsira. Jien maħbub, jien maħbuba”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




