L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju” (1 Kor 9:16). Dan hu l-kliem ta’ San Pawl fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin, u din il-konvinzjoni kienet proprju tal-Knisja fil-bidu, li għandha din il-missjoni: li xxandar l-Evanġelju, li xxandar il-ħajja u l-kliem ta’ Ġesù – Ġesù, is-Salvatur tad-dinja. Din il-konvinzjoni għandha tkun ukoll tagħna llum.

Kultant ikun hemm min ma jifhimx sewwa r-responsabbiltà tal-Knisja li twassal l-Evanġelju, li twassal il-Kelma ta’ Alla. Hawn min jaħseb li x-xogħol tal-Knisja hu li titkellem fuq l-artal, il-pittura, id-devozzjonijiet, u tieqaf hemm; u ma titkellimx fuq l-Evanġelju u fuq kif dan jolqot il-ħajja tal-bniedem. Qisu hemmhekk ma għandhiex tindaħal. Imma dan imur kontra dak li għallem Ġesù, u kontra dak li jrid Ġesù – li jrid li l-Kelma ta’ Alla nwassluha llum, fil-ħajja tal-bniedem tal-lum, u b’mod li tolqot il-ħajja tal-bniedem tal-lum.

Fil-fatt, l-opri artistiċi huma sbieħ, u anke d-devozzjonijiet taż-żmien, imma dawn huma kollha espressjoni ta’ fidi tul is-snin, li rridu nkomplu ngħixuha llum, u anke naraw kif ngħixuha fil-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk, din hi r-responsabbiltà tagħna: li nwasslu l-Kelma ta’ Alla – kif rajna wkoll fil-versett ta’ qabel l-Evanġelju – li hi l-verità, inwassluha llum lill-bnedmin kollha.

Kultant tolqtok kif ikun hemm ċerti reazzjonijiet, speċjalment fil-media soċjali, li ġieli jkunu frott ta’ preġudizzju, ta’ mibegħda, jew inkella ta’ injoranza, jew tat-tlieta flimkien – kummenti ta’ insulti, ġieli kummenti verament koroh, indirizzati lejn il-Knisja jew rappreżentanti tagħha. U dan ikun għaliex wieħed jirreaġixxi proprju għall-Aħbar it-Tajba li tasal permezz tar-rappreżentanti tal-Knisja. Sfortunatament, hemm din it-tendenza mifruxa wkoll li flok wieħed jisma’ u jaqra, jara biss dak li jidher f’sentenza, u mal-ewwel jikteb anke bla ma jaħseb. X’għandha tkun ir-reazzjoni tagħna? Jien naħseb li għal ċerti kummenti li jkun hemm, ir-reazzjoni għandha tkun: Mulej, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu, x’inhuma jiktbu, x’inhuma jgħidu. Imma għandha tkun ukoll li aħna nkomplu nwasslu l-Evanġelju mingħajr biża’. L-iskop li twassal l-Evanġelju mhuwiex li tingħoġob ma’ xi ħadd jew ma’ xi wħud. L-iskop hu li twassal il-Kelma ta’ Alla kif inhi. 

U rrid ngħid: twassalha b’mod li tolqot lil kulħadd. Meta aħna nwasslu l-Kelma ta’ Alla, mhux biex nippuntaw subgħajna lejn xi ħadd jew lejn xi wħud. Imma biex inħarsu lejna nfusna l-ewwel – individwalment, bħala Knisja, bħala soċjetà, bħala pajjiż. Fil-fatt, innutaw kif fil-Knisja dejjem hija hekk, anke fl-istess quddiesa li niċċelebraw. Aħna, fil-bidu tal-quddiesa, nitolbu maħfra lil Alla tan-nuqqasijiet tagħna. U x’ngħidu? Għednieha llum fit-talba: “Ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-akbar ħtija tiegħi”. Ebda quddiesa ma tibda: ħtija tiegħek, ħtija tiegħek, bl-akbar ħtija tiegħek. Għax l-Evanġelju l-ewwel ma jkellem lilna; u jekk hemm bżonn konverżjoni, irridu nidħlu għaliha aħna. U dik hija l-konvinzjoni tagħna wkoll bħala Knisja. Imma dan jgħinna mbagħad biex dak li jagħmel ġid lilna personalment fil-ħajja tagħna, inwassluh lill-oħrajn, u nwassluh mingħajr biża’.

Hawnhekk, dan jaqbel ħafna ma’ dak li jgħid Ġesù fl-Evanġelju biex ma tarax it-tibna f’għajn ħuk, u ma tindunax li għandek travu f’għajnejk (ara Lq 6:41). Għaliex? Dak jiġri meta l-ewwel tibda minn ħaddieħor flok tibda minnek. Meta aħna nibdew minna nfusna, ngħidu: dil-Kelma x’qed tgħid lilna? X’hemm bżonn li jsir aħjar fil-ħajja tagħna individwali, fil-ħajja tagħna bħala Knisja? Imbagħad inwassluha lill-oħrajn, inwassluha bil-kuraġġ kollu u mingħajr biża’. Nitolbu lill-Mulej illum din il-grazzja: li quddiem kummenti li jingħadu, li ma jkunux flokhom, aħna, minflok nidħlu f’qoxortna, inkomplu b’konvinzjoni akbar: li dak li hu tajjeb ngħidulu tajjeb, dak li hu veru ngħidulu veru, dak li hu ħażin ngħidulu ħażin, u dak li hu falz ngħidulu falz.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta