L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Jiena omm l-imħabba safja fil-biża’ u l-għerf u t-tama qaddisa. Ersqu lejja intom li tixtiquni u timtlew bil-frott tiegħi” (Bin Sirak 24:18-19).  Dan il-kliem mislut mill-ktieb ta’ Bin Sirak, li smajna fl-ewwel qari, iġegħelna nimmaġinawh indirizzat lilna minn Sidtna Marija Omm il-Grazzja u Omm Ġesù. Marija ta’ Nazaret mimlija bil-grazzja: jiena omm l-imħabba safja, jiena omm il-biża’ qaddis, jiena l-omm l-għerf qaddis; jiena omm it-tama qaddisa.

Għeżież Żabbarin, illum inġbartu biex terġgħu tagħtu sinjal ieħor konkret ħiereġ minn qalbkom, qalb tad-deheb biex turu lil Sidtna Marija tal-Grazzja kemm tħobbuha, kemm tixtiequ tkunu tassew ulied spiritwali tagħha.

Għeżież Żabbarin, devoti tal-Madonna tal-Grazzja, intom li kkontribwejtu biex tinġabar u ssir din il-warda ta’ metall prezzjuż, din il-warda  mdehba, mhux biss insellem il-qima u l-imħabba tagħkom imma nistedinkom bil-qalb biex tisimgħu l-vuċi tal-Omm: “Jiena omm l-imħabba safja” (Bin Sirak 24:18).  Ħuti ejjew nitolbu lill-Madonna tal-Grazzja taqlgħalna dan id-don kbir li kulma ngħidu, kulma naħsbu, kulma nagħmlu jkun ġej mill-imħabba safja, għax wara kollox hi u tissejjaħ mimlija bil-grazzja ma mtelietx bil-kburija imma telqet għand Eliżabetta biex tkun ta’ servizz. L-ewwel passi tal-omm, li fil-ġuf tagħha kienet iġorr il-Kelma t’Alla li sar bniedem, kienu att ta’ mħabba u damet mal-qariba tagħha tliet xhur sakemm welldet lil dak li kellu jkun il-prekursur lil Ġwanni l-Battista.

Kienet ta’ sevizz. Mara tqila tgħin lil mara tqila oħra. Għax l-imħabba tal-omm hija mħabba safja għax ma tqisx lilha nnifisha imma  tingħata b’mod totali. Narawha tħares bil-ħarsa ta’ omm fit-tieġ ta’ Kana, tinduna li l-għarajjes għandhom problema, qegħdin fl-inkwiet u ddur lejn binha “Ma baqgħalhomx inbid” (Ġw 2:3). U l-kelma tagħha tgħodd għalija u għalik: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2:4).

Taħt is-salib ta’ binha kienet omm b’qalba maqsuma minfuda minn sejf kiefer imma baqgħet hemm tħobb lil binha sal-aħħar, tilqa’ minn fommu l-missjoni li tkun omm ta’ kull wieħed u waħda minna. U tisma’ wkoll lil binha jgħid: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34) u lill-ħalliel it-tajjeb iwiegħdu: “Tassew, tassew ngħidlek, mil-lum inti tkun miegħi il-ġenna” (Lq 23:34).

“Jiena omm l-imħabba safja.”  Imma omm ukoll il-biża’ qaddis. X’inhu dal-biża’? Mhuwiex it-twerwir mis-setgħat ħżiena ta’ din id-dinja imma l-biża’ tal-Mulej: min jieħu l-Kelma tal-Mulej bis-serjetà, min jisma’ l-kmandamenti tal-Mulej u jħarishom: la tiżnix, la toqtolx, la tigdibx, la tixhedx falz – dan hu l-biża’ tal-Mulej. Neżaminaw lilna nfusna. Il-Kmandamenti għalina saru xi ħaġa antika? Nafu kemm huma attwali, kemm għandna bżonnhom? Jekk aħna nitbiegħdu mit-triq tal-biża’ tal-Mulej, ikun hemm min f’jum il-ġudizzju, dak ta’ veru, iwerwirna hu.

Jiena l-omm l-għerf qaddis. Min jisma’ l-kelma tal-omm jitgħallem l-għaqal. Min jisma’ l-kelma tal-omm jagħraf l-għerf tassew, l-għerf ta’ min iħobb, l-għerf ta’ min mimli kompassjoni u tenerezza, l-għerf ta’ min jaf kemm hi fiergħa d-dinja. Kemm taf twiegħdek affarijiet li mbagħad iqarrqu bik. L-għerf ta’ Sidtna Marija jidher meta fl-għanja tagħha, il-Manifikat, hija kellha l-kuraġġ tammetti li hi qaddejja ċkejkna tal-Mulej, imma wkoll kellha l-umiltà u r-realiżmu tgħid: “Minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja” (Lq 1:48).

Għeżież Żabbarin, intom bl-offerta tal-warda tad-deheb illum, li l-Papa Ljun XIV bierek nhar it-12 t’Awwissu, qegħdin tagħtuha ġieħ fil-ġest tagħkom bħalma ġara meta l-kwadru ġie mżejjen bi stellarju. Dan l-att ta’ qima tagħkom isaħħaħ il-profezija tal-Omm stess: “Minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja” (Lq 1:48). Imma hi tirrepeti malajr kemm jista’ jkun: “Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar. Qaddis hu l-isem tiegħu” (Lq1:49).

Il-Madonna fl-għerf tagħha ma riditx il-glorja għaliha nnifisha bħalma nfittxu aħna l-bnedmin fil-miżerja tagħna, imma l-glorja kienet li s-Salvatur tagħha – “l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi” (Lq1 1:50).  Kienet profeta għaqlija meta  ħabbret li “il-Ħniena tal-Mulej tinfirex kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1:50). Il-biża’ tal-Mulej, li aħna nirrispettaw il-kmandamenti tiegħu avolja dgħajfin u nogħtru, jattira fuqna l-ħniena t’Alla. Imma min jittama fil-qawwa ta’ din id-dinja, fis-suppervja, fl-arroganza, fil-gideb mhux qed jattira fuqu l-qawwa tal-Mulej. “Huwa wera l-qawwa ta’ driegħu” (Lq 1:48a), kif ngħidu aħna l-Maltin ‘Alla jdejh twal.’  “Huwa wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom, niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u għolla liċ-ċkejknin” (Lq 1:51-52).

Sidtna Marija hija omm ukoll “it-tama qaddisa”. Meta fil-ħajja nħossuna mingħajr tama ejja nersqu lejha għax hija omm it-tama qaddisa. Meta nħossu l-ħażen qed jirbaħ, jirrenja, isaltan, ejjew inħarsu lejha u nitolbuha tħarisna bħalma ħarset lil missirijietna matul is-sekli.

Il-warda tad-deheb hi tradizzjoni antikissima fil-Knisja Kattolika. Almenu għandha 1,200 sena ta’ storja. Il-papiet kienu jirregalawha lir-renjanti ta’ din id-dinja. Imma dan l-aħħar  iddeċidew ħaġa qaddisa nħoss jien, li l-warda tad-deheb jagħtuha biss lil xbihat qaddisa ta’ Sidtna Marija,  għax hi r-reġina tal-grazzja, hi li tgħallimna nħobbu tassew, tgħallimna l-biża’ ta’ Alla, fiha t-tama tagħna. Mhux hekk ngħidulha? Inti t-tama tagħna. Illum din il-warda, li hija frott id-devozzjoni tagħkom imbierka mill-Qdusija Tiegħu l-Papa, titpoġġa mal-kwadru sabiħ u titulari ta’ Alessio Erardi. Imma għandha tkun ukoll għalija u għalikom impenn biex meta nħarsu lejn Sidtna Marija tal-Grazzja, nifhmu li jekk irridu nkunu vera devoti tagħha, mhux kwistjoni ta’ fidda, deheb, u djamanti, imma tal-imitazzjoni tagħha: Omm l-imħabba safja, Omm il-biża’ tal-Mulej, Omm tal-għerf u t-tama qaddisa.

Il-Papa Ljun XIV meta laqa’ lill-Arċipriet tagħkom talbu pjaċir. Il-Papa qallu lil Dun Roderick: “Dakinhar nitlobkom titolbu għalija.” Aħna nilqgħu l-istedina tal-Qdusija Tiegħu l-Papa, li spiritwalment qiegħed magħna llum u nwiegħduh talbna u lil Sidtna Marija nitolbuha tħares lilu, tħares lil din l-art ħelwa, u lil kull wieħed u waħda minna.

Viva l-Madonna tal-Grazzja!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Aktar ritratti