L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Mur sibu waħdu” (Mt 18:15). Dan hu kliem Ġesù jgħid fl-Evanġelju tal-lum. Hu jitkellem dwar ir-relazzjonijiet, ir-rikonċiljazzjoni, ir-responsabbiltà u l-komunità. Ġesù jagħti lid-dixxipli tiegħu gwida prattika dwar x’għandhom jagħmlu meta ħuhom jew oħthom jitbiegħdu mit-triq it-tajba. Ifakkarna li ħadd m’għandu sempliċement jiġi abbandunat, ikkundannat jew imwarrab. Minflok, aħna msejħin nersqu lejn xulxin, nisimgħu, nakkumpanjaw, nikkoreġu bl-imħabba, u nfittxu r-rikonċiljazzjoni.

Nieħdu ħsieb xulxin

Fil-qalba ta’ dan l-Evanġelju hemm messaġġ importanti ħafna: aħna ta’ xulxin. Ġesù jgħid: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu” (Mt 18:15). Innotaw li Ġesù ma jibdiex b’xi ħaġa pubblika. Jibda b’laqgħa personali. Isejħilna biex nersqu lejn il-persuna l-oħra b’dinjità u b’attenzjoni.

Dan għandu x’jgħallimna ħafna dwar kif għandna nkunu ta’ appoġġ għal dawk li jgħaddu minn diffikultajiet relatati mas-saħħa mentali. Hemm ħafna nies fil-familji, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskejjel, fil-parroċċi u fil-komunitajiet tagħna li qed iġorru piżijiet, kultant piżijiet li ma jidhrux. Xi wħud jistgħu jkunu qed ibatu fis-skiet. Irridu nintebħu bil‑karba għall‑għajnuna li kultant tkun siekta u tispiċċa ma tinstemax.

L-Evanġelju jsejħilna biex inwieġbu għall-isfidi tas-saħħa mentali mhux bil-biża’ jew b’nuqqas ta’ ftehim jew bis-skiet, imma bil-kompassjoni. Persuna li qed tgħaddi minn sfida ta’ saħħa mentali hi prezzjuża f’għajnejn Alla. Id-dinjità tagħha ma tisparixxix minħabba li qed tbati. Kull bniedem ġie maħluq fuq ix-xbieha u s-sura ta’ Alla.

Il-Knisja għandha tkun post fejn in-nies jistgħu jitkellmu b’onestà dwar it-taqbid tagħhom mingħajr ma jiġu iġġudikati. L-Evanġelju jħeġġiġna nitkellmu ma’ xulxin b’mod dirett u mimli mħabba. Jgħidha San Pawl ukoll illum fit-Tieni Qari. Dan ifisser li nibnu komunitajiet fejn nieħdu ħsieb xulxin.  Xi kultant konverżazzjoni sempliċi tista’ tkun ta’ għajnuna kbira.

L-għajnuna professjonali

Imma rridu nagħrfu wkoll li l-kompassjoni ma tfissirx li nippretendu li l-għajnuna professjonali mhijiex meħtieġa. Il-fidi u l-kura professjonali tas-saħħa mentali mhumiex kontra xulxin.  Bħalma nfittxu tabib meta l-ġisem tagħna jkun marid, għandna nkunu lesti wkoll infittxu għajnuna professjonali kwalifikata meta s-saħħa mentali jew emozzjonali tagħna tkun teħtieġ attenzjoni. Li nħeġġu lil xi ħadd ifittex għajnuna professjonali, meta jeħtieġha, hi espressjoni ta’ mħabba.

Alla jaħdem permezz tat-talb, permezz tal-Kelma tiegħu, permezz tal-ħbiberija u l-komunità, u wkoll permezz tal-għarfien u l-ħiliet ta’ professjonisti mħarrġa. Għalhekk qatt ma għandna ngħidu lil xi ħadd li qed ibati, sempliċiment “itlob aktar,” bħallikieku t-talb waħdu jfisser li għandu jinjora l-bżonn tiegħu ta’ kura xierqa. Minflok, ejjew ngħidu: “Ejja nitolbu flimkien, u ejja nfittxu wkoll l-għajnuna li hemm bżonn”. Dan huwa messaġġ ta’ tama.

Il-preżenza ta’ Ġesù

Ġesù jgħid ukoll fl-Evanġelju tal-lum: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18:20). X’wegħda sabiħa din ta’ Ġesù! Dan ifisser li meta ningħaqdu madwar xi ħadd li qed ibati, Ġesù jkun hemm.

Meta familja toqgħod ħdejn persuna għażiża li qed tissielet, Ġesù jkun hemm. Meta ħabib jisma’ mingħajr ma jiġġudika, Ġesù jkun hemm. Meta komunità parrokkjali tilqa’ lil xi ħadd li ġie iżolat minħabba diffikultajiet ta’ saħħa mentali, Ġesù jkun hemm. Meta xi ħadd jakkumpanja persuna oħra, jagħmel kuntatt magħha, iġibilha xi ħaġa li teħtieġ, jew sempliċement jgħidilha b’inkoraġġiment “M’intix waħdek”, Ġesù jkun hemm.

M’intix waħdek

U tajjeb li llum nerġgħu nisimgħu dal-messaġġ hekk importanti: M’intix waħdek. Lil kull min qed jgħix b’xi sfida ta’ saħħa mentali:  ftakar li int prezzjuż u prezzjuża quddiem Alla. Għandek post f’din il-komunità. Ħajtek għandha tifsira. U li titlob l-għajnuna mhuwiex dgħufija, anzi hija ħtieġa.

Lill-familji u ħbieb li jakkumpanjaw lil xi ħadd b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali: il-preżenza u l-appoġġ tagħkom jiswew ħafna. Ftakru li intom ukoll għandkom bżonn ta’ appoġġ. Ma tistgħux iġġorru kollox waħedkom.

Il-ħidma tal-Knisja

U lilna lkoll bħala Knisja, l-Evanġelju jagħtina missjoni ta’ valur kbir. Ejjew nibnu Knisja fejn is-saħħa mentali tista’ tiġi diskussa b’mod miftuħ u b’rispett. Nissieltu kontra l-istigma li ġġiegħel lin-nies jaħbu t-tbatija tagħhom. Nitgħallmu nisimgħu, u nisimgħu qabel nitkellmu.

Irridu naħdmu biex ninnutaw lil dawk li jiżolaw ruħhom, neraqu lejn dawk li rtiraw min-nies u nħeġġu lin-nies ifittxu kura professjonali xierqa meta jkollhom bżonnha. Ejjew nagħmlu l-komunitajiet parrokkjali tagħna postijiet ta’ appartenenza.

Hemm ukoll twissija fl-Evanġelju tal-lum. Ġesù jgħidilna li jekk xi ħadd jirrifjuta li jisma’, il-komunità eventwalment jista’ jkollha tistabbilixxi limiti. Kif jgħid San Pawl: “L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu” (Rum 13:10). L-imħabba Nisranija ma tfissirx li nħallu mġiba ta’ ħsara tkompli mingħajr kontroll. Li nappoġġjaw is-saħħa mentali ta’ xi ħadd ma jfissirx li b’xi mod nagħlqu għajnejna quddiem abbuż, negliġenza, vjolenza jew imġiba distruttiva. L-imħabba tinkludi il-kompassjoni, kif ukoll azzjoni xierqa. Imma anke meta l-limiti jkunu meħtieġa, qatt m’għandna nabbandunaw id-dinjità tal-bniedem.

L-għan aħħari ta’ Ġesù, kif jitkellem fl-Evanġelju llum, huwa li l-persuna terġa’ tintrebaħ. Dan huwa l-ispirtu li għandna nġorru dejjem fir-relazzjonijiet tagħna.

Fejn tnejn jew tlieta jinġabru f’isem Ġesù, Ġesù jkun hemm. Huwa hemm fil-konversazzjoni, fis-smigħ, fid-dmugħ, fil-kura professjonali, fil-familja li tirrifjuta li taqta’ qalbha, fil-ħabib li jibqa’ jagħmel kuntatt, fil-parroċċa li tilqa’.

Huwa hemm ħdejn kull persuna li tħossha waħedha. Jalla l-Mulej jagħtina għajnejn biex naraw lil dawk li qed ibatu, widnejn biex nisimgħu mingħajr ġudizzju, qlub lesti biex nakkumpanjaw, u għerf biex inħeġġu għal kura xierqa. Jalla l-Knisja tagħna ssir dejjem aktar komunità ta’ fejqan, tama, dinjità u kompassjoni. Nitolbu lill-Mulej illum għalina lkoll: dawk kollha residenti hawn, dawk li qegħdin joffru l-għajnuna u li jaħdmu hawn f’dan il-post hekk għażiż u importanti. Jalla kull persuna li tissielet mas-saħħa mentali tkun taf, mhux biss bil-kliem iżda permezz tal-għemil tagħna: int waħda minna, int apprezzata, int maħbuba dejjem!

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti