L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din il-ġrajja ta’ Ġesù li jkattar il-ħobż kienet tant importanti fit-tradizzjoni Nisranija li nsibuha fl-erba’ Evanġelji. Dan hu r-rakkont ta’ Ġesù li jara n-nies li ġew biex jisimgħuh. Hu jinduna wkoll li għandhom bżonn jieklu, u jieħu ħsiebhom hu. Imma hemm żewġ punti li xtaqt insemmi biex nifhmu aħjar il-kuntest ta’ dak li għamel Ġesù.

L-ewwel nett, l-Evanġelju tal-lum jibda bin-nota li għand Ġesù tasal l-aħbar li Erodi qatel lil Ġwanni l-Battista. Fil-fatt, ir-rakkont tal-mewt ta’ Ġwanni l-Battista jiġi immedjatament qabel din is-silta tal-Evanġelju ta’ San Mattew, kapitlu 14, li għadna kemm smajna. Erodi jagħmel festa kbira, u Erodja, il-mara ta’ Filippu, u mhux il-mara ta’ Erodi, tinduna li Ġwanni, bil-verità li qiegħed jgħid u bit-twissija li jagħmel lil Erodi biex jitlaqha, huwa ta’ xkiel. Meta t-tifla tagħha tistaqsiha x’għandha titlob lir-re, l-omm tgħidilha biex titolbu ras Ġwanni l-Battista fuq platt. L-istorja nafuha. Caravaggio ħallielna kapulavur straordinarju ta’ dan il-mument traġiku, fejn is-suldati jmorru l-ħabs, isibu lil Ġwanni l-Battista u jaqtgħulu rasu għaliex it-tifla ta’ Erodja trid fuq platt, bħala rigal, ir-ras ta’ dan ir-raġel qaddis. U Ġesù jirċievi l-aħbar ta’ din id-diżgrazzja; u nistgħu nifhmu li dan kien mument ta’ tensjoni għalih, mument anke ta’ periklu.

L-Arċisqof Charles Scicluna jiltaqa’ maż-żagħżagħ taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

“Telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab” (Mt 14:13). Ejjew nimmaġinaw is-sentimenti ta’ Ġesù, li, malli jisma’ bil-mewt traġika u vjolenti ta’ Ġwanni l-Battista, iwarrab u jrid joqgħod ftit waħdu. Imma n-nies ma jħalluhx. F’ħin minnhom Ġesù jifhem li, għalkemm jista’ jingħalaq fid-dulur quddiem l-inġustizzja tal-bniedem, quddiem ikla ta’ arroganza u ta’ vjolenza organizzata minn Erodi, għandu vokazzjoni iżjed kbira: li, minkejja l-periklu u minkejja n-niket li qed iġorr f’qalbu, irid jieħu ħsieb lilna. “Tħassarhom, u fejqilhom il-morda tagħhom” (Mt 14:14). B’risposta għall-vjolenza tal-bnedmin, Ġesù jwassal il-fejqan.

Imma mbagħad jinduna wkoll li n-nies mhux biss tħassarhom minħabba l-mard tagħhom. “Ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom” (Mt 14:14). Il-qalb tiegħu kważi dagħbet bl-imħabba lejn il-poplu. Beda jfejjaqhom, imma meta sar filgħaxija beda jinkwieta dwar kif kienu se jittrejqu. “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu” (Mt 14:15). Ġesù jagħtina kmand li jibqa’ validu anke llum: “M’għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu” (Mt 14:16).

Nistgħu ngħidu li f’dan il-kmand li Ġesù jagħti lid-dixxipli tiegħu hemm ukoll l-għerq tal-vokazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna. Għax kulħadd, skont is-sejħa li jagħmlilna l-Mulej, għandna nkunu ta’ wens għal xulxin: “Agħtuhom intom x’jieklu” (Mt 14:16). Ħudu ħsieb intom ta’ dawn l-aħwa! Jista’ jkun li l-Mulej qiegħed isejjaħ lil xi wħud biex ikunu saċerdoti; allura lill-poplu jitimgħuh mhux biss bil-ħobż tal-Kelma u bil-fejqan tas-sagramenti, imma wkoll bl-Ewkaristija. Jiena niftakar ukoll f’tant missirijiet u ommijiet li għandhom is-sejħa li jieħdu ħsieb uliedhom; jew inkella fil-politiċi li għandhom il-vokazzjoni li jagħmlu mill-arti tal-governanza arti ta’ mħabba u solidarjetà. “Agħtuhom intom x’jieklu” (Mt 14:16).

Dun James Saydon, Direttur taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet u Viċi Rettur tas-Seminarju tal-Arċisqof
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Aħna ħafna drabi ngergru fuq il-faqar u l-ġuħ li hawn fid-dinja, imma donnu ninsew li l-Mulej ħalla f’idejna r-responsabbiltà li l-ġid tal-art jitqassam b’mod ġust. Li aħna, anke bil-kelma u bl-eżempju, imma wkoll bis-solidarjetà ta’ bejnietna, inkunu dawk li nirrispondu għall-ġuħ mhux biss tal-ħobż, imma wkoll tal-imħabba, tal-fejqan u tas-solidarjetà.

Ġesù jistieden lid-dixxipli tiegħu jissieħbu miegħu fil-miraklu tat-tkattir tal-ħobż. Hu jkattar il-ħobż, bħalma jaf ikattar il-ħniena, il-fejqan u l-maħfra. Imma għandu bżonn l-għajnejn, l-idejn, ir-riġlejn, il-fomm u l-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna.

Kulħadd kiel u xeba. Jekk il-festa li għamel Erodi spiċċat bil-qtil ta’ bniedem innoċenti, l-ikla li organizza Ġesù tħalli lil kulħadd mantnut, kulħadd mserraħ, u kulħadd ferħan. Aħna liema ikla se nagħżlu?

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 55:1-3
Responsorju: 144 (145), 8-9.15-16.17-18
Qari II: Rum 8:35,37-39
L-Evanġelju: Mt 14:13-21

L-Arċisqof Charles Scicluna flimkien maż-żgħażagħ li jattendu ċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace