
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Nisel ħażin u infidil!” (Mt 12:39) Dan hu l-mod kif Ġesù jirreferi għall-kittieba u l-Fariżej wara l-mistoqsija li għamlulu, li għall-bidu tidher mistoqsija li tista’ tweġibha jew ma tweġibhiex, imma li ma hemmx diffikultà fuqha. Kienu qalulu: “xtaqna kieku naraw sinjal mingħandek!” (Mt 12:38) Imma din kienet ir-reazzjoni ta’ Ġesù, u meta jgħid “nisel ħażin u infidil”, qed jgħid ħaġa iebsa ħafna – li tgħaqqad ma’ dak li jgħid ftit qabel, fl-istess Evanġelju skont San Mattew, meta jgħid: “Ja nisel il-lifgħat” (Mt 12:34).
Għaliex din ir-reazzjoni hekk qawwija u iebsa ta’ Ġesù? Għaliex dawn, li qishom ġew b’edukazzjoni kbira jistaqsu għal sinjal, fil-fatt kienu raw ħafna sinjali. Ġesù kien għamel ħafna mirakli, u jekk naraw ir-rakkonti ta’ qabel dal-kapitlu ta’ San Mattew, naraw diversi sinjali li għamel Ġesù – mirakli li f’San Ġwann jissejħu proprju “sinjali” – għax Ġesù ma kienx jagħmel il-mirakli biex qisu jagħmel għeġubijiet quddiem in-nies biex jistgħaġbu, imma meta kien jagħmel il-mirakli kienu sinjali ta’ min hu Ġesù, tal-qawwa tiegħu, u ħafna drabi wkoll tweġiba għall-fidi tan-nies.
Naraw is-sinjali li kien għamel Ġesù – meta fejjaq lill-mifluġ, lil dak li kellu idu niexfa, lill-għomja, lil dik il-mara li kienet ilha tnax-il sena tbati bit-tnixxija tad-demm, meta qajjem mill-mewt lil dik it-tfajla, bint wieħed mill-kapijiet. Naraw diversi sinjali. U sadattant dawn ġew u qalu: “Xtaqna kieku naraw sinjal”. Li qed jgħid Ġesù huwa: intom raskom iebsa u qalbkom magħluqa; u ġejtu titolbu sinjal meta tant kien hemm sinjali. U għalhekk Ġesù, fid-diskors tiegħu, iqabbel man-nies ta’ Ninwè, li jgħid: “nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona” (Mt 12:41), mhux għalqu qalbhom għalih. U l-istess meta jsemmi s-sultana tan-Nofsinhar li ġiet mit-truf tal-art “biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun” (Mt 12:42). U jgħid: hawn min hu aqwa, u sadattant intom tagħlqu qalbkom.
Din kienet il-problema kbira ta’ dawn il-kittieba u l-Fariżej: li huma raw ħafna affarijiet, semgħu wkoll it-tagħlim ta’ Ġesù, raw bidliet fin-nies li kienu bidliet pożittivi, imma xorta ma ridux jaċċettawh. U għalhekk din ir-reazzjoni iebsa u qawwija ta’ Ġesù. Imma mbagħad Ġesù jgħid ħaġa oħra, li hi tant importanti. Jgħid: ebda sinjal ma jingħatalkom, ħlief dak tal-Profeta Ġona (ara Mt 12:39). Hawn isemmi r-rakkont tal-Profeta Ġona, li kollha kienu jafu, u li kien rakkont li juri lil Ġona li għamel tlett ijiem u tlett iljieli f’żaqq il-ħuta, imbagħad ħareġ ħaj. U hawn Ġesù qed iħabbar minn qabel il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. U jgħid: x’se jkun l-akbar sinjal? Il-qabar vojt, għax Ġesù jkun qam mill-mewt! Interessanti li meta mmorru aktar ’il quddiem, anke wara dak is-sinjal, ukoll kien hemm diversi mill-kittieba u l-Fariżej li ma emmnux, u li ma ridux jaċċettawh. Imma Ġesù qed jgħid: hemm għandna l-aqwa sinjal. Ġesù qed iħabbar minn qabel il-qawmien mill-mewt.
Dan hu messaġġ importanti ħafna għalina, għax aħna għandna s-sinjal li hu l-aqwa: Ġesù li qam mill-mewt. Hu dak li niċċelebraw dejjem proprju fil-quddiesa. Għax fil-quddiea aħna nerġgħu nġeddu l-misteru tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Għandu jkollna dik il-konvinzjoni fil-qalb tagħna li aħna għandna l-akbar sinjal – kif qed isemmi Ġesù – u ma nfittux sinjali oħra, u niġru wara ħafna affarijiet. Kultant ikun hemm din it-tendenza. Innutaw ftit: għandna l-Ewkaristija, imma kieku n-nies jaraw statwa li tibda tiċċaqlaq, ħafna jiġru ħdejn dik l-istatwa. U jibda d-diskors għaliex, u hekk. Issa hu veru: jekk tara xi ħaġa hekk, tistagħġeb biha. Imma għax għandek tmur wara statwa tiċċaqlaq, u ma tarax lil Ġesù fl-Ewkaristija, fejn għandna l-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu? Meta Ġesù tana l-aqwa, għax aħna għandna nfittxu dehriet u viżjonijiet? U jekk xi ħadd jgħid “qed tara l-Madonna”, kulħadd imur ’l hemm! Jiġru dawn, għax Alla jippermetti dawn, imma jiġru ħafna wkoll li mhumiex veri u awtentiċi. Imma anke f’dak li hu veru, il-messaġġ hu dejjem: morru għand dak li hu essenzjali. Jekk naraw, per eżempju, il-messaġġ li tagħtina Marija, dejjem tressaqna għand Ġesù. Ma tħalliniex infittxu dawn is-sinjali. Tgħidilna: morru għand Ġesù, għax hemm issibu l-aqwa sinjal, hemm issibu lil dak li tassew jimla l-qalb tagħkom.
Għalhekk, dan hu messaġġ importanti għalina: aħna għandna l-aqwa sinjal, ma għandniex noqogħdu niġru wara sinjali oħra, jekk mhux għax dawn iwassluna għand l-aqwa sinjal, u jħalluna norbtu qalbna ma’ Ġesù li hu ħaj, li rebaħ il-mewt, Ġesù li aħna niċċelebraw dejjem proprju fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju




