
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Illum il-Knisja tiċċelebra b’ferħ il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, waħda mill-aktar devozzjonijiet antiki u għeżież fil-Knisja. Hija festa li tfakkarna mhux biss fl-imħabba materna ta’ Marija lejna, iżda wkoll fis-sejħa li nagħtu lil Alla l-ewwel post f’ħajjitna.
L-isem “Karmnu” jfakkarna fil-Muntanja Karmel fl-Art Imqaddsa, il-post marbut mal-profeta Elija. Kien hemm li l-profeta Elija qam kontra l-qima falza tal-allat u sejjaħ lill-poplu biex jerġa’ lura lejn Alla l-ħaj u jafda fil-Mulej, u kien hemm ukoll li esperjenza l-preżenza ta’ Alla mhux fir-riħ qawwi, mhux fit-terremot, mhux fin-nar, imma fil-ħoss ħafif ta’ żiffa ħelwa. Din hija wkoll il-mixja spiritwali tal-Karmelitani: ifittxu lil Alla fis-skiet, fit-talb u fil-kontemplazzjoni.
Marija hija l-isbaħ frott ta’ din l-ispiritwalità. Hija l-mara li kienet taf tisma’, tilqa’ u twieġeb lill-Mulej b’fiduċja sħiħa.
Il-ħoss tad-dinja u s-skiet ta’ Alla
Jekk hemm xi ħaġa li tikkaratterizza ż-żmien tagħna, hija l-istorbju. Ngħixu mdawrin bi ħsejjes u b’informazzjoni bla waqfien. Il-mobile qatt ma jieqaf idoqq. Messaġġi, notifiki, aħbarijiet, filmati, kummenti fuq il-media soċjali… qisu kull mument hemm xi ħadd jew xi ħaġa titlob l-attenzjoni tagħna.
Imma fost dan kollu hemm riskju kbir: nistgħu nispiċċaw nisimgħu lil kulħadd ħlief lil Alla. Il-problema mhijiex li Alla waqaf ikellem lill-bniedem. Alla għadu jitkellem. Il-problema hi li ħafna drabi aħna m’għadniex nagħtuh spazju biex nisimgħuh.
Marija tgħallimna nagħmlu eżatt il-kontra. L-Evanġelju jgħid li hi kienet “tgħożż f’qalbha” (Lq 2:19) dak kollu li kien jiġri. Qabel tkellmet, semgħet. Qabel marret għall-azzjoni, talbet. Qabel ħadet deċiżjoni, fdat fil-Mulej. Marija turina l-importanza li nagħtu ħin lil Alla kuljum. Mhux sempliċiment biex ngħidu talba mgħaġġla, imma biex noqogħdu fis-skiet quddiemu u nħalluh ikellimna.
Il-libsa li turi min aħna
Il-festa tal-lum hija marbuta wkoll mal-labtu. Il-labtu mhuwiex xi mezz biex ikollok xorti tajba jew garanzija awtomatika tas-salvazzjoni.
Il-labtu huwa sinjal estern ta’ impenn intern. Huwa sinjal ta’ relazzjoni. Huwa bħal libsa spiritwali li tfakkarna li rridu “nilbsu lil Kristu”. Meta nilbsuh b’fidi, inkunu qegħdin ngħidu: “Marija, irrid ngħix bħal Ibnek. Għinni nkun dixxiplu veru.”
Illum ħafna nies iqattgħu ħafna ħin biex jibnu l-immaġni tagħhom. Kultant ninkwetaw dwar kif nidhru, kemm għandna segwaċi fuq il-media soċjali, jew kemm napprezzaw lilna nfusna skont dak li jaħsbu l-oħrajn.
Marija tfakkarna li l-akbar identità tagħna mhijiex dak li għandna, jew dak li rnexxielna niksbu. L-identità vera tagħna hija li aħna wlied Alla. U meta persuna taf li hija maħbuba minn Alla, ma jkollhiex għalfejn tgħix b’mod li dejjem tipprova tfittex l-approvazzjoni tal-oħrajn.
“Agħmlu kulma jgħidilkom hu”
L-aħħar kliem li nsibu li qalet Marija fl-Evanġelju hu l-parir li tagħti fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Dan il-kliem jiġbor fil-qosor il-missjoni kollha tagħha.
Marija qatt ma żammet lilha nnifisha fiċ-ċentru. Kull kelma u ġest tagħha jwassluna għand Ġesù. Meta niffaċċjaw deċiżjonijiet diffiċli fil-familja, meta ż-żgħażagħ iħossuhom inċerti dwar il-futur, meta l-koppji jkunu għaddejjin minn kriżi, meta l-anzjani jħossuhom waħedhom, meta d-dinja tidher mimlija mibegħda, gwerer u firda – Marija tibqa’ tgħidilna l-istess kliem: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”. Għax Kristu biss jista’ jagħti dik il-paċi u l-ferħ li d-dinja ma tistax tagħti.
Marija taħt is-Salib
Il-Madonna tal-Karmnu tfakkarna wkoll li Marija hija Omm li tibqa’ magħna fis-sofferenza. Kif smajna fl-Evanġelju, hi kienet taħt is-Salib meta ħafna mid-dixxpli ta’ Ġesù telqu, baqa’ biss wieħed. Ma setgħetx tneħħi t-tbatija ta’ binha Ġesù, imma baqgħet miegħu.
Hekk tagħmel magħna wkoll. Għalhekk tifhem lil min illum qed jgħix marda, telfa, qsim fil-familja, inkwiet, ansjetà jew solitudni. Forsi mhux kulħadd jara s-salib li nkunu qed inġorru, imma Marija tarah.
Hi ma twegħidniex ħajja mingħajr diffikultajiet, iżda twiegħed li qatt ma nkunu waħedna, tħeġġiġna biex ma nitilfux it-tama. Kemm għandna bżonn din il-preżenza materna fi żmien fejn tant nies qed ibatu fis-skiet!
Il-“Karmel” jibda fid-dar tagħna
L-ispiritwalità Karmelitana ma tiqafx fil-knisja. Il-“Muntanja Karmel” trid tinbena fid-dar tagħna. Meta nitolbu flimkien bħala familja, meta naħfru flok inżommu f’qalbna għad-deni li nkunu rċevejna, meta nisimgħu aktar milli naqbdu u niġġudikaw b’ilsienna, meta nqattgħu ftit minuti kuljum quddiem Ġesù fis-skiet biex niftħu qalbna għall-Mulej – hemmhekk inkunu qegħdin nibnu Karmel ġdid f’nofs id-dinja.
Il-familji tagħna għandhom bżonn aktar talb u inqas storbju, aktar djalogu u inqas għajjat, aktar ħniena u inqas kundanna, aktar komprensjoni u inqas rabja. Għandhom bżonn l-għajxien tal-Evanġelju fi ħdanhom.
Talba
Illum, waqt li nagħtu ġieh lill-Madonna tal-Karmnu, ejjew nitolbuha biex tgħallimna ngħixu kif għexet hi: li nkunu nies li nisimgħu, li nafdaw, li nħobbu, li nfittxu lil Alla anke fil-ġrajjiet ordinarji ta’ kuljum. U meta nilbsu l-labtu, jew inħarsu lejn ix-xbieha sabiħa tal-Madonna tal-Karmnu, niftakru li dan mhux biss sinjal ta’ devozzjoni, iżda impenn biex kuljum nersqu aktar lejn Kristu.
Nitolbuha: O Madonna tal-Karmnu, taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu. Ipproteġi lill-familji tagħna, lill-komunità, lill-Ordni Karmelitan, lill-Knisja. Qawwi qalb dawk li qed ibatu, ġġedded il-fidi tagħna, u għinna nkunu xhieda tal-Evanġelju f’dinja li tant għandha bżonn tama. Għinna biex bħalek, aħna nfittxu dejjem li nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù, ħalli jkollna f’qalbna l-paċi u l-ferħ li kellek int, u ħalli kulfejn inkunu, u ma’ kull min niltaqgħu, inkunu dejjem preżenza ta’ barka u ta’ ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




