Fl-okkażjoni taż-żjara tal-Papa Ljun XIV għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-inawgurazzjoni u t-tberik tal-itwal kampnar tas-Sagrada Familia fi Spanja, bħalissa qed issir MED26 – Barċellona. Din qed tlaqqa’ flimkien isqfijiet, teologi, żgħażagħ, retturi ta’ santwarji, u atturi soċjali mill-pajjiżi kollha li jmissu mal-ħames xtajtiet tal-Mediterran f’għadd ta’ laqgħat, ħidma fi gruppi u sessjonijiet plenarji.

L-Isqof t’Għawdex Anton Teuma u l-Isqof Awżiljarju ta’ Malta Joseph Galea-Curmi huma fost dawk preżenti li qed jirrappreżentaw lil Malta. Huma akkumpanjati mill-koordinatur tal-Preżenza Djoċesana fil-Mediterran Dun Jean Claude Attard, id-Direttur ta’ Caritas Malta Dr Anthony Gatt u l-Arċipriet tal-Mellieħa Dun Joe Caruana. Mill-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta qed jattendu Dun Stefan Attard, Mons. Hector Scerri u Parti Charlò Camilleri. Maria Emma Buhagiar u Adam McCarthy qed jieħdu sehem fl-attivitajiet għaż-żgħażagħ.

F’panel fl-ewwel sessjoni ta’ ħidma konġunta għall-parteċipanti kollha iktar kmieni llum, Dr Anthony Gatt spjega ftit mix-xogħol li twettaq Caritas f’Malta u kif tejjeb b’mod konkret il-ħajjiet ta’ bosta persuni. Fakkar ukoll lill-parteċipanti: “Qegħdin hawn biex nagħmlu b’mod attiv dak li ħeġġiġna nagħmlu l-Papa Franġisku – li nibnu pontijiet flok ħitan. Dan hu process li jibda minna lkoll”. Temm jgħid li l-paċi u l-għaqda jinkisbu biss meta l-bnedmin iħarsu lejn xulxin b’empatija u ma jibqgħux iħarsu lejn il-fqir u l-vulnerabbli bħala problema iżda bħala proxxmu li għandu jiġi maħbub.

Ilbieraħ il-Papa Ljun XIV indirizza lill-parteċipanti ta’ MED26, fejn wera l-gratitudni tiegħu għax-xogħol kollu li qed iwettqu favur il-paċi u biex jiżdied id-djalogu fir-reġjun tal-Mediterran. Iddeskriva xogħolhom bħala barka speċjalment fi żmien b’tant sfidi, speċjalment fil-Lvant Nofsani minħabba li “spiss in-nies ma jkunux iridu jisimgħu lil xulxin jew jidħlu fi djalogu, iżda minflok jibdew il-gwerer. Jiġġieldu kontra xulxin minħabba ideat foloz ta’ sigurtà, li joħolqu kompetizzjoni, u li jwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ vjolenza, oppressjoni u inġustizzja kbira”. Il-Papa żied jgħid li għal din ir-raġuni dan il-proġett hu importanti aktar minn qatt qabel għax hu mezz kif juri “lid-dinja ta’ madwarna li hemm triq aħjar” u “jekk inħarsu lejn l-għana kbira tad-diversità tagħna flok ma ninfirdu jew noħolqu firdiet, nagħrfu li fid-diversità tagħna nistgħu nkunu tassew magħqudin”.

Ilbieraħ, rappreżentanti minn MED26 ippreżentaw lill-Papa d-dokument ‘Noti ta’ Metodu għal Teoloġija mill-Mediterran’, dokument ta’ riċerka li involva bosta teologi u istituzzjonijiet akkademiċi mix-xtut differenti tal-Mediterran, inkluż mill-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Ix-xogħol fuq id-dokument sar f’dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari fil-laqgħa li saret f’Malta f’Ġunju 2025. Id-dokument żviluppa riflessjoni teoloġika li tinterpreta l-isfidi tal-Mediterran u tippromwovi kultura ta’ laqgħa, paċi u djalogu bejn il-popli u r-reliġjonijiet. Il-pubblikazzjoni tad-dokument tenfasizza l-impenn tal-Knejjes fil-Mediterran biex isir djalogu bejn kulturi u reliġjonijiet differenti, rikonċiljazzjoni bejn il-popli u jinbena umaniżmu ġdid li jgħaqqad flimkien l-identità u l-fratellanza.