
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Intom xhud ta’ dan” (Lq 24:48). Il-Mulej, hu u jibgħat lid-dixxipli għeżież tiegħu fid-dinja, jagħtihom il-missjoni li jkunu xhieda. Illum qegħdin niċċelebraw Tlugħ is-Sema tal-Mulej imma r-rakkont li qrajna mill-Evanġelju ta’ San Luqa, mhuwiex rakkont ta’ qsim il-qalb ta’ min qed jinfired darba għal dejjem minn xi ħadd maħbub. Innutajna, li huma u jersqu lejn Ġerusalemm, huma mimlijin ferħ kbir. Il-Mulej veru ttieħed minn quddiem għajnejhom, imma ma ttiħidx minn magħhom.
Din kienet persważjoni kbira u profonda, li hija, u li nistgħu nsejħulha l-pedament tal-ispiritwalità ta’ San Charles de Foucauld, li qegħdin nirringrazzjaw lil Alla llum għall-kanonizzazzjoni tiegħu, waqt li qed niċċelebraw is-Solennità tat-Tlugħ is-Sema tal-Mulej.
Kif tafu San Charles de Foucauld ġie kanonizzat ma’ disa’ beati oħra fil-15 ta’ Mejju li għadda. Għalina kommoventi ħafna li ninnutaw li ħaseb fina, almenu f’Malta, ftit jiem qabel ma qatluh, fl-1 ta’ Diċembru 1916. Kiteb ittra lil waħda mis-sorijiet tal-Klarissi; li kienet qed tieħu ħsieb proprju l-bidu tal-Klarissi f’Malta. Din l-ittra ġiet datata fit-28 ta’ Novembru 1916, ftit jiem qabel l-1 ta’ Diċembru, meta l-Mulej sejjaħlu b’mument, jew b’att li għalina huwa misteru kbir; il-vjolenza ta’ xi ħadd li jidħol biex jisraq u joqtol. Kienu żminijiet koroh.
Fl-ittra li kiteb fit-28 ta’ Novembru, Charles de Foucauld jirrealizza li l-Ewropa kienet għaddejja minn mument ikrah ta’ gwerra. Jgħid, li hemm bżonn niskopru lil Alla, aħna li qed immissu l-qiegħ għax abbandunajnieh. Kien jaf x’jiġifieri, u għadda minn dan il-proċess ta’ min imiss il-qiegħ u jiskopri li fl-għażla ta’ ħajja mingħajr Alla, il-bniedem qatt ma jsib la l-paċi u lanqas il-veru ferħ.
Hu u jitlob lil Alla, li jekk jeżisti juri lilu nnifsu lilu, jiskopri lill-Mulej fil-misteru tal-ħniena tiegħu, b’mod speċjali fis-sagrament tal-qrar. Minn dan is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni, u t-tqarbina li rċieva minn idejn il-Patri Henri Huvelin, f’Saint-Augustin ġewwa Pariġi; huwa jiskopri wkoll il-preżenza ħelwa ta’ Ġesù, fl-Ewkaristija.
Aħna, ħuti, m’aħniex niċċelebraw illum, it-tluq tal-Mulej fis-sema; imma t-Tlugħ Tiegħu fis-Sema. Il-Mulej huwa gglorifikat, imma fostna, magħna. “Jien magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). Din hija wkoll il-wegħda li qed niċċelebraw illum. Il-Mulej fil-glorja tiegħu huwa magħna; huwa “Għimmanu-El – Alla magħna” (Mt 1:23).
Charles de Foucauld ħass li ma kienx biżżejjed għalih li jgħix fi Trappa, fis-Sirja; imma jerġa’ jmur fl-Afrika, fejn l-ewwel għamel espedizzjoni ta’ esplorazzjoni fil-Marokk, meta kien għadu żagħżugħ. Imbagħad mar biex jagħti xhieda tal-preżenza ta’ Alla, fis-skiet, fil-faqar, fl-umiltà, fl-adorazzjoni tal-Ewkaristija.
Kommoventi ħafna li għalkemm għażel l-istil ta’ ħajja eremita, nistgħu ngħidulu; imma ma kienx mifrud, la minn nies u lanqas mill-poplu. Jien skantajt naqra, li kien ikollu żjajjar tan-nies mill-4:30am sat-8:30pm. Ma kienx bniedem waħdu, imma għex fis-solitudni ta’ min il-qalb tiegħu hija mhux biss innamrata b’Ġesù, imma tistrieħ f’Ġesù.
Kien ukoll bniedem li xtaq ħafna li lill-poplu li fih il-Mulej sejjaħlu, li jkun xhud tal-preżenza silenzjuża tal-Imgħallem, jersaq u jsir ħabib tal-Evanġelju. Kien kuntent li ttraduċa l-Evanġelji fil-lingwa ta’ Tuareg. U meta tara l-pjan li kellu, li mhux biss għamel dizzjunarju mit-Tuareg għal Franċiż, imma anke l-grammatika li ħadem fuqha, tirrealizza li kellu dan l-għatx li jinkultura l-Kelma ta’ Ġesù, il-ferħ tal-Evanġelju, il-preżenza tal-Imgħallem, fost il-poplu li l-Mulej bagħtu jkun xhud fih.
Il-Papa Franġisku ġustament isejjaħlu bħala: ‘il fratello universale’. F’Charles de Foucauld kulħadd seta’ jsib un fratello; wieħed mill-aħwa tagħna, ħuna proprju. Aħna min aħna? Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna, li ħafna drabi nintilfu fil-parrokkjaliżmi tagħna, fil-kampanaliżmi tagħna, fin-nazzjonaliżmi tagħna; qed naraw it-traġedja mġedda tan-nazzjonaliżmi sfrenati. Fl-għeluq tal-ideat tagħna, u min ma jaqbilx magħna huwa ereżjarka jew proprju tilef il-fidi. Huma atteġġjamenti ta’ għeluq. Charles de Foucauld jgħallimna, li aħna għandna nilqgħu lil xulxin kif laqagħna Ġesù Kristu.
Fil-ħajja ta’ Charles de Foucauld u fix-xhieda tiegħu, tidwi dik l-eżortazzjoni tal-Appostlu Missierna fil-bidu tal-kapitlu 15 mill-ittra lir-Rumani: “Ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom” (Rum 15:7).
Dan aħna qed niċċelebrawh illum, fis-solennità tat-Tlugħ tal-Mulej. Il-Mulej mhux qiegħed hemm fuq ’il bogħod minna, imma qiegħed magħna, fostna. “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18:20). Imma hu wkoll f’nofsna fil-misteru kbir tal-Ewkaristija. Charles de Foucauld tgħallem, proprju jrawwem u jgħix il-fidi fil-preżenza ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Kemm kien ta’ ferħ għalih li jwassal il-preżenza tal-Ewkaristija fid-deżert. Kienet allura ispirazzjoni beata, qaddisa tal-Klarissi ta’ Nazaret, li ħajruh li jsir saċerdot. Għalih is-saċerdozju kien mezz, biex hu fejn ikun ikollu l-Ewkaristija, u jkun ukoll jista’ jwassal il-preżenza ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Kemm hi ħaġa sabiħa din li nifhmu dan id-don kbir tal-preżenza ta’ Ġesù fid-deżert tad-dinja!
Ġesù huwa magħna u permezz tal-umiltà tas-saċerdot, tal-faqar u d-dgħufija tiegħu, il-Mulej jagħżel li jkun preżenti.
Nitolbu l-interċessjoni ta’ San Charles de Foucauld biex aħna bħala poplu; li lilna f’din l-ittra jsejħilna ‘poplu ospitali’ – li jilqa’. Jalla nibqgħu kif dejjem konna nilqgħu lil xulxin u nilqgħu lil ħutna bl-ispirtu ta’ fratellanza universali.
San Charles de Foucauld, itlob għalina.
✠ Charles Jude Scicluna
Archbishop of Malta
Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Atti 1:1-11
Responsorju: Salm 46(47):2-3,6-7,8-9
Qari II: Lhud 9:24-28; 10:19-23
L-Evanġelju: Lq 24:46-53




