
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Hija l-verità fuqu nnifsu li twassal lil Ġesù għall-mewt. Fil-Ġimgħa l-Kbira u anke f’Ħadd il-Palm nisimgħu r-rakkont tal-Passjoni tal-Mulej, bi tradizzjoni u bl-imħabba ta’ missirijietna espremiet ukoll dawn l-istatwi sbieħ tal-Ġimgħa l-Kbira. Ħin minnhom il-Qassis il-Kbir jistaqsih ċar u tond: “Inti mela l-Iben ta’ Alla?” (Lq 22:70). U Ġesù ma jistax jiċħad il-verità fuqu nnifsu: “Intom stess qegħdin tgħiduh” (Lq 22:70). Dik il-konferma ta’ Ġesù tikkundannah għall-mewt.
F’kapitlu 8 ta’ San Ġwann, li qed naqraw f’dawn il-ġranet qabel il-Ġimgħa Mqaddsa, hemm dan id-djalogu, naqra diffiċli, għax djalogu mimli kliem iebes ta’ Ġesù. Imma l-mistoqsija li kontinwament jagħmlulu: “U int min int?” (Ġw 8:25). Aħna nafu li inti l-iben tal-mastrudaxxa, aħna nafu minn fejn ġej. “Imma inti min inti?” Għaliex qed tgħid dan il-kliem dwarek? Għax il-kliem li qed jgħid dwaru nnifsu fehmuh, u ħaduha bi kbira meta semgħuh jgħid bl-iżjed mod solenni: “Tassew tassew ngħidilkom, qabel ma kien Abraham, jiena hu” (Ġw 8:58). B’dan il-kliem, Ġesù, qed iqis lilu nnifsu, ta’ li hu, bħala l-Iben t’Alla. Għal-Lhud hija dagħwa kbira, għalhekk riedu jħaġġruh.
Interessanti li f’dan il-kapitlu 8, il-Lhud jerġgħu jaqbdu l-ġebel, did-darba biex iħaġġru lill-mara l-midinba, u l-Mulej joħroġ b’dik l-espressjoni, li aħna smajna l-Ħadd li għadda, u li fuqha kellimna l-Papa Franġisku fuq il-Fosos: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla” (Ġw 8:7). Mhux ilkoll kemm aħna midjunin mal-Mulej. “Ħadd minnhom ma kkundannak? … Mela lanqas jien ma nikkundannak…. Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (Ġw 8:11). Mur u ibda ħajja ġdida. Imma jista’ jgħidilna hekk il-Mulej, għaliex huwa l-Iben t’Alla, magħmul bniedem.
B’dan l-Evanġelju iebes, li kważi kważi jakkużah li għandu fih Xitan, huwa importanti li nifhmuh. Għaliex għalina l-Maltin, lejlet id-Duluri, hija l-ftuħ tal-Ġimgħa Mqaddsa, għalkemm tantiċipa bi ftit sigħat Ħadd il-Palm. Imma niċċelebrawha ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Aħna rridu nifhmu li dak li ser inkunu xhieda tiegħu huwa l-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-Imwiet tal-Iben ta’ Alla, magħmul bniedem. Allura, iżjed ma nifhmu din ir-realtà profonda, iżjed nifhmu, x’jiġifieri li Alla jispiċċa f’idejna, u aħna nagħmlu bih li rridu: nikkalpestawh, nobżqulu, nifflaġellawh, inxiddulu kuruna tax-xewk, nikkundannawh b’mod inġust, inżebilħuh, ngħabbuh bis-salib, inneżżgħuh għarwien u nsallbuh. L-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.
Għalhekk għandu l-qawwa minn fuq is-salib, iwiegħed il-Ġenna lill-ħalliel it-tajjeb. Għandu l-qawwa minn fuq is-salib lill-Missieru jgħidlu: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 22:34). Għandu qawwa li lil ommu jafdaha lid-dixxiplu. Seta’ jafdaha lil oħtha. Ħafna drabi ninsew “li kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù, ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala” (Ġw 19:25). Kien hemm ukoll Ġwanni, id-dixxiplu l-maħbub. Ġesù ma jafdahiex lil oħtha. Le! Jafdaha lid-dixxiplu u lilna li aħna parti mill-familja ta’ Ġesù, għax nemmnu fih u nħobbuh. Tgħiduli: ‘Ma tantx inħobbuh għax midinbin’. Iżjed ma jinħafrilna, iżjed inħobbuh.
Għall-mara midinba qal: “Dnubietha, li kienu ħafna, inħafrulha, għax ħabbet ħafna” (Lq 7:47).
Iżjed ma nifhmu kemm għandna bżonn li jaħfrilna; u kemm infittxuh fil-qrar, u l-maħfra li jagħtina, iżjed ikollna għaliex inħobbuh.
Ħdejn is-salib ta’ binha, Marija bkiet fis-silenzju – u r-relikwa għażiża tad-Dmugħ ta’ Marija, li ġiet minn Sirakuża; fenomenu misterjuż tal-1953 –
ifakkarna li l-qalb ta’ Marija għadha tħabbat għal kull wieħed u waħda minna. Id-dmugħ hu xi ħaġa li jagħmilna tassew bnedmin. Il-bniedem jibki fin-niket u jibki fil-ferħ. Ħafna drabi nħossuna strambi meta f’emozzjoni kbira ninfexxu nibku; imma rridu nirrealizzaw li din tagħmilna bnedmin tad-demm u l-laħam. Dan is-sinjal li qed iżurna huwa s-sinjal tal-maternità umana ta’ Marija imma fl-istess ħin ukoll tal-missjoni li rċeviet li tkun qrib ta’ kull wieħed u waħda minna.
Għada fid-Duluri, ser inqaddes quddiesa li tixxandar fuq it-televiżjoni fid-9:30am, mis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna tal-Mellieħa. Is-soltu nkun fil-Knisja ta’ Ġieżu l-Belt imma minflok se nkun hemm it-Tnejn li ġej u għada filgħaxija għall-pellegrinaġġ bl-istatwa tad-Duluri u bis-Salib Mirakoluż ta’ Ġieżu; li ser joħorġu flimkien. Għada se nqaddes fis-Santwarju tal-Mellieħa għaliex il-Papa, meta kien fostna, kiteb talba lill-Madonna tal-Mellieħa. Talba qasira, tipika tal-Papa Franġisku, imma essenzjali. Li tolqotni hi li l-Papa jsellmilha b’dawn it-tliet titli lill-Madonna: ‘Kun għalina Omm il-ħniena’ ta’ min iħoss għal dak li jkun; ‘kun għalina Omm it-Tenerezza’, mimlija ħlewwa għall-bnedmin; u ‘kun għalina Omm il-Viċinanza’, qrib ta’ kull wieħed u waħda minna.
Is-sinjal tad-dmugħ tal-Madonna huwa s-sinjal ta’ din it-tenerezza, il-ħlewwa u l-mogħdrija; imma hija sinjal ukoll ta’ kemm hi qrib din l-omm, lejn kull wieħed u waħda minna. Kemm hi ħaġa sabiħa, li l-Iben ta’ Alla, qabel jieħu l-aħħar nifs ta’ ħajtu fuq din l-art, bħala bniedem, jafdana f’idejn ommu! Ejjew nifhmu l-kura u l-imħabba kbira tal-Iben ta’ Alla. Altru li ma kienx qaddej tax-Xitan; altru li kien jaf “int x’taħseb li int?” (Ġw 8:53) “Missierkom Abraham qabeż bil-ferħ għall-ħsieb li kien se jara l-jum tiegħi, u rah u feraħ” (Ġw 8:56).
Id-dmugħ ta’ ferħ ta’ Abraham, missierna fil-fidi, jitħallat mad-dmugħ ta’ niket tal-Omm Verġni, wieqfa ħdejn is-salib ta’ binha. Imma dak id-dmugħ tagħha jinbidel fi dmugħ ta’ ferħ, nhar l-Għid il-Kbir, meta lil binha tadurah bħala l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, irxuxtat, rebbieħ fuq il-mewt.
✠ Charles Jude Scicluna
Archbishop of Malta
Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Ġen 17:3-9
Responsorju: Salm 104 (105):4-5,6-7,8-9
L-Evanġelju: Ġw 8:51-59




