Photo: Vatican News

“Ħadd mhu eskluż mill-imħabba t’Alla” hekk qal il-Papa Ljun XIV fil-ħabs ta’ Bata fil-Ginea Ekwatorjali fit-22 ta’ April waqt il-Vjaġġ Appostoliku tiegħu fl-Afrika.

Hekk kif daħal il-Papa l-priġunieri kollha bdew ikantaw u jiżfnu. Huma kantaw, “Nuestro Santo Padre, te damos gracias. Ora por nuestros pecados y nuestra Libertad,” li tfisser “Missier Qaddis nirringrazzjawk. Itlob għal dnubietna u għall-libertà tagħna.”

Il-Papa sema’ t-testimonjanza ta’ xi wħud minn dawk li kienu qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs, li rringrazzjawh għaż-żjara tiegħu u esprimew ix-xewqa tagħhom għall-paċi, għar-rikonċiljazzjoni, u għal bidu ġdid.

Imbagħad bdiet ix-xita, proprju kif Papa Ljun XIV kien se jibda jitkellem u l-priġunieri ma kellhomx umbrellel biex jistkennu.

“F’xi postijiet jingħad li x-xita hija sinjal tal-barka ta’ Alla,” beda l-Papa, waqt li rrikonoxxa l-bidla f’daqqa fit-temp. “Ejjew nitolbu li hekk tassew ikun,” qal, “u ejjew ngħixu dan il-mument ukoll bħala sinjal tal-qrubija ta’ Alla, Alla li qatt ma jabbandunana.”

Huwa enfasizza li “għandu jsir kull sforz” biex jiġi żgurat li dawk il-persuni miżmuma “jingħataw l-opportunità jistudjaw u jaħdmu b’dinjità waqt li jkunu fil-ħabs,” għaliex, żied jgħid, “il-ħajja mhix definita biss mill-iżbalji, dejjem hemm il-possibbiltà li terġa’ tibda, titgħallem u ssir persuna ġdida.”

Wara d-diskors tal-Papa, li ntlaqa’ b’applaws qawwi u għajjat ta’ ferħ, il-priġunieri ppreżentaw lill-Papa salib tal-injam li għamlulu huma stess. Imbagħad uriehom l-istatwa ta’ San Franġisk ta’ Assisi li kien ġabilhom.

Din iż-żjara saret fl-aħħar mumenti tal-Vjaġġ Appostoliku tiegħu fl-Afrika.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Gabriel Lia