
Il-Fondazzjoni Caritas tinsab viċin li tiftaħ il-bibien tagħha fin-Naxxar, għal dik li se sservi ta’ residenza ‘after care’ għal dawk il-persuni li jkunu waslu fl-aħħar fażi tal-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga.
Din il-fażi hi meqjusa bħala l-aktar sensittiva u prekarja minħabba li r-riskju ta’ relapse jkun akbar, speċjalment għal dawk li ma jkollhomx sapport familjari u akkomodazzjoni fissa.
Din id-dar għandha l-għan li toffri akkomodazzjoni, iżda wkoll li tagħti stabbiltà, dinjità u pjan ta’ struttura.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon żar din ir-residenza flimkien mat-tmexxija tal-Fondazzjoni Caritas.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Caritas Anthony Gatt spjega kif dan il-proġett se jipprovdi ambjent sigur u terapewtiku, billi jagħti prijorità lin-nisa, l-ommijiet u adulti żgħażagħ, li jkunu qed ifittxu ħajja indipendenti fil-komunità.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Falzon qal li l-Gvern se jkun qed jgħin finanzjarjament sabiex jara dan il-proġett jibda jitħaddem u tingħata garanzija fl-għoti tas-servizz tul iż-żmien.
“Mal-Caritas għandna diversi ftehimiet bħal dawn li jlaħħqu l-miljuni ta’ ewro fis-sena. Dan narawh bħala investiment f’dik il-faxxa tas-soċjetà li rridu nagħtuha ċans sabiex tirriforma ruħha u eventwalment tintegra lura b’mod pożittiv,” żied jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Source: Newsbook.com.mt
Article written by Charmaine Attard




